L-”Hawn jien” tas-saċerdot novell fost l-isfidi tal-lum

ordinazzjoni-dun-joseph-hili.jpgOmelija fl-Ordinazzjoni Presbiterali
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

HAWN JIEN

Kulma jmur il-ħajja qed toffrilna sfidi kbar. Bħal donnu aktar ma jitgerbeb iż-żmien, l-isfidi qed dejjem isiru eħrex. Quddiem dan il-fenomenu, min għandu ftit tas-sens, iktar u iktar min hu Nisrani, kapaċi jidħol f’ħafna tensjonijiet. Nagħti żewġ eżempji.

Is-soċjetà tagħna donnha għamlet verżjoni ġdida tal-għoġol antik tad-deheb li ssemmi l-Bibbja: żdiedet sew l-idolatrija tal-flus. Fil-fatt, il-ġirja għall-flus qed timla l-bwiet imma fl-istess waqt qed tħalli l-vittmi. Il-kilba għall-ġid irrendietna bla skrupli u rmejna kull kriterju ta’ x’inhu tajjeb u mhux. Kollox sar jgħaddi u sirna nagħtu l-impressjoni li għall-flus is-soċjetà lesta li tagħmel kollox, anki tbigħ ruħha! F’sitwazzjoni bħal din, tiġik it-tentazzjoni li tgħid: “Issa daqshekk… xbajt”.

Is-sitwazzjoni fil-Knisja mhix aħjar. Ir-reżistenzi li nara u t-tkarkir tar-riġlejn biex ma sseħħx ir-riforma li nixtiequ ħalli l-Knisja ma tibqax Knisja tal-bieraħ, hija xi ħaġa li taqtagħli qalbi. Insemmi r-riforma fil-liturġija – issa ser nibdew l-istaġun ta-festi li lili jtaqqalli qalbi għax insibni qed nieħu sehem f’liturġija li aktar għandha minn tat-teatru milli hija talba! Insemmi t-tiġdid li nixtiequ nagħmlu fil-katekeżi tat-tfal – imma kemm qed insibu tfixkil, nies li ma jridux jifhmuna, ilsna ħżiena… Xi ngħidu għall-predikazzjoni? Għad fadlilna predikazzjoni wisq moralista. Kif għidt ilbieraħ, il-moraliżmu jwassal biex il-bniedem ikun amorali. F’qagħda bħal din, faċli nkunu ttentati li narmu l-ankri u nħallu kollox miexi mal-kurrent!

Jien naf persuni, responsabbli u sinċiera, kemm fil-kamp ċivili u kemm fil-kamp ekkleżjastiku, li ma jifilħux aktar dawn it-tensjonijiet u jinsabu fi kriżi eżistenzjali.

F’dan ix-xenarju faċli naqtgħu qalbna u tiġina t-tentazzjoni li nibagħtu lil kulħadd jixxejjer. Dan jgħodd ukoll għalik, għażiż Djaknu Joseph, li llum ser tirċievi l-Ordinazzjoni saċerdotali. Imma mhux hekk; l-atteġġjament tagħna għandu jkun differenti.

Fil-fatt, l-attitudni tagħna trid tkun tixbah lil dik ta’ Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Minkejja li ma fehmet xejn mis-sitwazzjoni u minkejja li quddiemha kellha l-impossibbiltà, Marija ma tirtirax, imma toħroġ b’din l-affermazzjoni qawwija: “Hawn jien, il-qaddejja tiegħek”.

Dan ifakkarni f’dik il-frażi li l-awtur tal-Ittra lil-Lhud ipoġġi fuq fomm Ġesù: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx. Imma ġisem int ħejjejt għalija… Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (10:7).

Għażiż Djaknu Joseph, nitlob lil Ispirtu s-Santu jagħtik il-qawwa biex f’dan il-kuntest ekkleżjali u soċjali, bħal Marija u bħal Kristu, tkun tista’ tgħid: “Hawn jien, Mulej”, u qatt ma ċċedi għat-tentazzjoni li tirtira! Għeżież lajċi u presbiteri, il-missjoni tagħna mhix li ndoqqu l-irtirata, imma li minkejja kollox nibqgħu fl-arena: “Aħna hawn biex nagħmlu r-rieda ta’ Alla”.

Mhux xogħol ħafif biex niddeterminaw x’inhi rieda ta’ Alla fl-istorja! Imma anki jekk dan huwa eżerċizzju impenjattiv, ma nistgħux ma nagħmluhx, kemm għalina personali (għax irridu nkunu konvinti li hu Alla li qed jikteb l-istorja u mhux aħna li qed niktbu l-istorja tiegħu), kif ukoll biex nakkumpanjaw lill-poplu ta’ Alla jagħmel dan id-dixxerniment. Huwa fatt li f’każi partikulari r-rieda ta’ Alla mhux dejjem tkun taqbel mal-ordni oġġettiv. Forsi hawn mhux biss lajċi imma anki presbiteri li jista’ jkollhom diffikultà biex jifhmu din. Fil-kuxjenza tiegħu l-bniedem jista’ jagħraf b’sinċerità u onestà dik li għall-mument ta’ issa tista’ tkun it-tweġiba ġeneruża li jista’ joffri lil Alla u jiskopri b’ċertezza morali li dik hi l-għotja li Alla nnifsu qed jitlob minnu qalb il-kumplessità konkreta tal-limiti, anki jekk dan ikun għadu mhux l-ideal oġġettiv sħiħ (ara AL, 303). Niftakru li “pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti” (EG, 44).

Nifhem li din mhix missjoni ħafifa. Forsi għalhekk ukoll li aħna nfarfru u nippreferu mmorru fuq iċ-ċertezzi! Imma fir-relazzjonijiet ma’ Alla hemm ħafna li huwa inċert u mhux determinat u jrid jiġi determinat fil-kuntest personali u storiku tal-bniedem.

Imma r-rieda ta’ Alla timplika aktar minn hekk. Ġesù qal: “Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. Ir-rieda tal-Missier għal Ġesù ma kinitx tikkonsisti biss li hu jitla’ fuq l-għolja u jagħmel id-diskors sabiħ tal-Barkiet; ma kinitx biss li hu jagħtina ordni morali ġdid. Imma kienet ir-rieda tal-Missier ukoll li Ġesù jitla’ fuq is-salib u hemmhekk ixandar il-ħniena tal-Missier. Ġesù jitla’ fuq is-salib biex jerfa’ fuqu d-diżordni u d-dnubiet tal-umanità. Quddiem il-kalċi tal-Missier, Ġesù jistqarr: “Mhux li rrid jien, imma li trid int. Hawn jien!”.

Kien għalhekk li fil-bidu ta’ din il-quddiesa jiena għidtlek li l-espressjoni hawn jien li int lissint illum, jum l-Ordinazzjoni presbiterali tiegħek, mhix waħda ħafifa. Ħa jkun l-Ispirtu s-Santu li jagħtik il-qawwa biex tagħmel din l-għotja.

Ħabib tiegħi, il-proposta li qed nagħmillek mhix ħafifa, imma taqtax qalbek; anzi, fittex għin lill-poplu ta’ Alla biex jimxi fit-triq tal-qdusija. Peress li hija missjoni tqila, tagħmilx bħal dak is-saċerdot tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Dan kien għaddej u lemaħ lil dak ir-raġel li kien nieżel Ġeriko mitfugħ għal mejjet mal-art; imma s-saċerdot kien mgħaġġel, kellu x’jagħmel, ried imur fit-Tempju (kieku llum ngħidu kellu quddiesa jew xi prietka!), u għalhekk baqa’ għaddej!

Imbagħad għadda l-Levita. Dan ukoll ma waqafx biex jgħinha lil dik il-vittma – forsi beża’ jmissu biex ma jitħammiġx jew ma jitniġġisx!

Imma mbagħad għadda Samaritan, wieħed li mhux minn tagħna, wieħed li ma kienx midħla tat-Tempju, u waqaf quddiem dak ir-raġel bla saħħa u qal: “Hawn jien”! Refgħu fuq il-bhima, u ħadu f’lukanda fejn ħallaslu l-kura li kellu bżonn!

F’dan ir-raġel misruq, maħbut u mitluq mal-art nilmaħ is-soċjetà tagħna. Għażiż saċerdot ġdid, quddiem dan il-bniedem (is-soċjetà), tibqax għaddej qisek ma rajt xejn, imma ieqaf u lissen: Hawn jien. Tkun qed tgħid hekk lil Ġesù li huwa preżenti f’dak il-bniedem u f’din is-soċjetà tagħna. Erfgħu int bil-mard, il-ħmieġ u l-miżerja kollha tiegħu. Agħmel bħal Ġesù li refa’ fuqu l-mard u d-dnubiet kollha tagħna. Hekk fdiena Ġesù; u hekk inti tgħinu jkompli jsalva lill-oħrajn.