Omelija fil-Funeral tal-Kan. Ġużepp Hili
Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur
It-Tnejn 28 ta’ Mejju 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Ħafna minna fil-memorja għandna merfugħa l-ħarsa ta’ ċerti persuni li nkunu ltqajna magħhom f’ħajjitna. Niftakru f’dawk l-għajnejn li jkexkxuna, imma hemm ukoll dik il-ħarsa kollha mħabba u ħniena li tkun serqitilna qalbna! Hemm għajnejn irrabjati u għajnejn miksura bl-uġigħ. Hemm għajnejn kollha qilla u rabja u hemm għajnejn jixegħlu bil-ferħ.
Qed ngħid dan għax għax jolqotni l-fatt li meta Ġesù ltaqa’ maż-żagħżugħ għani, Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba (ara Mk 10:21). Kien wara li tah din il-ħarsa kollha mħabba li Ġesù għadda biex stiednu jbigħ kulma kellu, jagħtih lill-foqra u mbagħad jimxi warajh. L-ewwel ried jikkonvinċih mill-imħabba tiegħu, imbagħad għamillu l-proposta. It-tweġiba libera tal-bniedem għas-sejħa li jagħmillu Alla hija dejjem risposta għall-imħabba li hu għandu għalina.
Dan hu Alla tagħna. Hu tant iħobbna li fuq kull wieħed minna tistrieħ il-ħarsa tiegħu kollha tjubija, ħlewwa, tenerezza u ħniena. Qalbi tuġagħni meta xi ħadd jgħidli li jibża’ minn Alla. Xi ħadd ikun beżżgħu minnu. Fl-imgħoddi fuq l-altar prinċipali tal-knejjes tagħna kien ikun hemm it-tużell li kien ikollu għajn kbira mpittra fuqu li tirrappreżenta lil Alla li qed jarana. Darba xi ħadd qalli li dik l-għajn tfisser li Alla qiegħed għassa fuqna biex, jekk niżbaljaw, itektikhielna, jew jekk immorru xi ftit żmerċ, jieħu nota! Din mhix il-ħarsa ta’ Alla. Kif jgħid il-Vanġelu, Alla għandu għajnejh idemmgħu daqskemm iħobbna u jitgħaxxaq bina. Veru li Alla jgħasses fuqna, imma biex jieħu ħsiebna. Il-ħarsa tiegħu għandha qawwa li taħtafna u ssaħħarna. Ħarstu tisirqilna qlubna!
Dak iż-żagħżugħ għamel reżistenza lil Ġesù – ma ħalliex dik il-ħarsa kollha mħabba ta’ Ġesù tistrieħ fuqu. Dan ir-rifjut kellu l-konsegwenzi negattivi tiegħu, tant li ż-żagħżugħ telaq “b’qalbu sewda”. Ħafna drabi qalbna tkun tqila u mnikkta proprju għaliex inkunu tfajna taħt riġlejna mument il-grazzja ta’ meta l-ħarsa ta’ Alla tistrieħ fuqna.
Meta llum qegħdin nagħtu din l-aħħar tislima lill-Kan. Ġużepp Hili, nistħajjel li meta Ġesù għamlilna s-sejħa għas-saċerdozju, l-ewwel tefa’ għajnejh fuqna (mhux għax aħna sbieħ jew perfetti, imma għax hekk għoġbu!). Kienet din il-ħarsa li serqitilna qlubna! U meta aħna lqajna din il-ħarsa kollha mħabba, Alla għamlilna l-proposta tal-ministeru saċerdotali. Fil-każ ta’ Dun Ġużepp, din is-sejħa kienet aktar imżewqa, għax l-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu qattagħhom fil-missjoni fl-Arġentina.
Dak li qed ngħid għalina s-saċerdoti jgħodd ukoll għall-imgħammdin u l-bnedmin kollha. Alla tant iħobb li ħarstu tinfed il-qalb ta’ kulħadd. Hija din il-ħarsa li tistimulana biex nibqgħu miexja ’l quddiem. Fil-fatt, għalkemm Żakkew tela’ fuq is-siġra biex jara lil Ġesù għaddej, ma kienx ser jarah kieku Ġesù ma ħax l-inizjattiva u tefa’ ħarstu fuqu (ara Lq 19:1-10). Santu Wistin għandu kumment sabiħ dwar din il-ġrajja: Ġesù ra lil Żakkew. Żakkew rah wara li għajnejn Ġesù strieħu fuqu… Żakkew ma kienx jarah kieku Ġesù ma tefax għajnejh fuqu (“et vidi Dominum ipsum Zacchaeum. Visus est et vidis… sed nisi visus esset, non videret”, Serm. 174).
Imbagħad hemm l-esperjenza ta’ San Pietru. Kieku l-ħarsa ta’ Ġesù kienet strieħet fuq Pietru, imma Pietru għamilhielu kif nagħmilhielu jien! Imma Ġesù ma jneħħix ħarstu minn fuqu, anki jekk Pietru kien dgħajjef. Fil-fatt, meta matul il-proċess ta’ Ġesù, Pietru kien fil-bitħa ta’ Pilatu u ċaħad lil Ġesù tliet darbiet, Ġesù ħares lejh u Pietru “ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu… u ħareġ ’il barra b’qalbu maqsuma” (Lq 22:61-62). F’għajnejn Ġesù, Pietru lemaħ il-ħażin li kien wettaq, imma ra wkoll l-imħabba ta’ dak li kien ittradixxa!
Filwaqt li għandna noqogħdu attenti biex ma nitilfux dawn il-mumenti sbieħ tal-grazzja, nistedinkom biex aħna lkoll nisilfu għajnejna lil Ġesù, biex meta għajnejn il-proxxmu tagħna jitaqgħu ma’ għajnejna, jilmħu l-ħarsa ta’ Ġesù. Dan ngħidu b’mod partikulari għalina s-saċerdoti. Huwa minnu li aħna msejħin biex ngħallmu u nipprietkaw il-Vanġelu, imma qabel kollox irridu nkunu wkoll għodda biex il-bniedem japprezza l-ħarsa ta’ Kristu permezz ta’ għajnejna. Aħna msejħa biex nisilfu l-ħarsa tagħna lil Ġesù biex permezz tagħna hu jitfa’ ħarstu fuq il-bniedem.
Lil Dun Ġużepp niftakru b’dik it-tbissima fuq fommu. Kellu għajnejh jidħku! Il-ħarsa ġeneruża tiegħu kienet twassal ’il bogħod u għalhekk b’mod partikulari kien jirnexxielu jikkomunika l-Bxara t-tajba ma’ dawk tal-periferija. Ħa joktor l-għadd ta’ dawk li meta jiltaqgħu magħna s-saċerdoti jkunu jistgħu jgħidu: “Dak is-saċerdot ma jistax imur minn quddiem għajnejja” – mhux biex jiftakru fina personali, imma biex min jara lilna, jara lil Ġesù.
Nawgura li l-grazzja tal-ħarsa ta’ Ġesù ma tmurx minn quddiem għajnejna, bit-tama li meta għajnejna jingħalqu għal din id-dinja, nidħlu fl-eternità u hemm jinfetħulna biex naraw lil Alla fil-glorja u l-qdusija tiegħu.
Ritratt: Mario Muscat