L-Isqof Grech jiltaqa’ mas-saċerdoti waqt l-irtir annwali f’Dar Manresa

Fostna hemm it-tajjeb li ma jidhirx

Omelija f’Quddiesa waqt l-Irtir tas-Saċerdoti
Dar Manresa, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 16 ta’ Novembru 2017
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Illum hawn min – anki saċerdoti – qed jistqasi l-istess mistoqsija li l-Fariżej għamlu lil Ġesù: “Meta ser tiġi s-Saltna ta’ Alla” (Lq 17:20). Bħall-Fariżej li kienu mħassba dwar x’sar minnha s-Saltna ta’ Alla, illum hawn min huwa inkwetat dwar x’sar minnha l-“Kristjanità” jew bil-qagħda fil-Knisja. Hawn min minna s-saċerdoti qed jikteb fil-ġurnali li bħalissa fil-Knisja qed tirrenja l-konfużjoni dwar il-morali u t-twemmin; (sewwa tkunu tafu li dan mhux diskors skont il-qalb tal-Isqof tagħkom).

It-tweġiba jagħtihielna Ġesù nnifsu: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru… is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda”. Minkejja l-kontradizzjonijiet li qed ngħixu fihom, Ġesù jiżgurana li Alla huwa preżenti fostna. Imma aħna neħtieġu dik il-kapaċità biex naqraw is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fostna. Din il-preżenza ma tidhirx. Ma tistax tgħid li tinsab hawn jew hemm. Anzi, jien ngħid li għandna nibżgħu minn dawk l-elementi li aħna nqisuhom bħala sinjali li jagħmlu wisq evidenti l-preżenza ta’ Alla. Għandi f’moħħi kemm dawn il-fenomeni psewdo-sopranaturali li kultant żmien ifaqqsu madwarna u jġennu ħafna nies, u kemm dawk ir-ritwali tradizzjonali li kienu jintużaw fl-antik (u donnu hawn min irid jerġa’ jqajjimhom) li hemm min jikkonsagrahom bħala garanzija li tikkonferma l-preżenza tas-Saltna ta’ Alla fostna! Din il-forma mentis tinkwetani daqskemm jinkwetawni fenomeni oħra bħalma huma s-sekulariżmu, il-lajċiżmu, l-ateiżmu…

Fil-ktieb tiegħu Le petit prince (1943), Antione de Saint Exupery joffri djalogu bejn il-prinċep u l-volpi, u f’waqt minnhom il-volpi jistqarr illi fil-ħajja “dak li huwa essenzjali huwa inviżibbli; u dak li huwa inviżibbli, ma narawhx bl-għajnejn imma bil-qalb”. Naħseb li dan għandu jkun prinċipju operattiv għall-ministeru tagħna jekk aħna rridu niskopru u napprezzaw il-preżenza tal-grazzja ta’ Alla – għax is-Saltna ta’ Alla mhix għajr il-persuna ta’ Ġesù u l-grazzja tiegħu. Inħeġġiġkom biex inkomplu nitolbu lil Alla jagħtina qalb saċerdotali ġdida biex il-karità tkun il-mutur tal-pastorali tagħna. Hija l-imħabba li trid issuqna biex niltaqgħu mal-bniedem u nibnu relazzjoni mad-dinja ta’ madwarna. Tgħodd għalina wkoll l-assjoma li aħjar kuċċarina mħabba minn kartell ħall. Il-preżenza ta’ Kristu taf tkun ukoll f’dawk il-persuni, sitwazzjonijiet u strutturi soċjali li apparentement huma maqtugħin minn magħna, jekk mhux ukoll aggressivi lejna!

Naf li hawn min irid jagħmel sforz biex jifhimni. Imma żommu quddiem għajnejkom li mhux biss jien nemmen f’dan, imma anki l-Papa Franġisku. Jekk meta kien hawn fostna f’Settembru li għadda n-Nunzju Appostoliku qal li f’Għawdex huwa sab “Knisja Franġiskana”, għalina dan ma kienx kumpliment imma stedina u stimolu biex aħna nagħmlu aktar tagħna l-viżjoni u l-konvinzjonijiet li għandu Franġisku, prinċipju ta’ għaqda fil-Knisja. L-unità fil-Knisja tixxaqqaq meta aħna nitbegħdu minn Franġisku.

Il-grazzja ma tinsabx biss f’dawk li huma “ġewwa”, imma tista’ tinstab ukoll f’dawk li huma “barra”. Hu parti mill-ministeru tagħna li aħna noħorġu dak li huwa mistur – għax kif jgħid il-Profeta Isaija, Alla tagħna huwa verament moħbi. Ma għandna bżonn ebda sforz biex nagħrfu elementi tas-Saltna ta’ Alla f’Nisrani li jgħix il-Vanġelu, jipprattika s-sagramenti u jħobb il-karità. (Noqogħdu attenti, għax minkejja din il-qoxra reliġjuża, mhux bilfors li dawn l-elementi tas-Saltna jkunu hemm). Imbagħad donnu rridu nagħmlu sforz biex naraw il-grazzja f’dak li jidher li għandu diffikultà biex jaċċetta lil Kristu sħiħ, li għadu ma japprezzax biżżejjed il-ħajja tas-sagramenti, dak li widnejh ma jikluhx għall-Kelma… imma mbagħad fih hemm il-fjamma tal-fidi tixgħel! Din il-fjamma, anki jekk żgħira, hija l-preżenza tal-grazzja… hija l-essenzjalità. Naturalment, aħna napprezzawha u nonfħu fuqha biex tkompli tikber.
Imma biex nagħmlu dan, irid ikollna attitudni ħierġa mill-qalb li b’ħafna mħabba tnissel l-imħabba fil-qalb tal-bniedem u hekk tgħinu jinfetaħ għal Alla. Għall-kuntrarju, approċċi oħra, flok ma jiskopru dan ix-xrar, kapaċi jitfuh!

Dawn huma l-konvinzjonijiet tiegħi. Naf li mhux kliem ħafif u li jġorr ċerti riskji, imma naħseb li qiegħed fis-sewwa u niżgurakom li ta’ dan għandi l-konferma. Ngħidilkom biss li meta tliet ġimgħat ilu l-Arċisqof Scicluna u jien iltqajna mal-Papa Franġisku, dan dlonk qalilna li huwa kuntent ħafna bil-Linji-gwida li sena ilu offrejnielkom biex tkunu tistgħu tapplikaw Kapitlu VIII tal-Amoris lætitia. X’konferma aqwa jista’ jkollna meta l-Papa, li ħadd ma jiddubita li huwa mogħni b’setgħa divina, għal darb’oħra qalli dan il-kliem!
Bħalkom jien konxju ħafna li għad jasal il-jum meta Alla jitlobni kont ta’ għemili, anki bħala Isqof tagħkom. Għalija dan hu l-akbar piż li nħoss li qed inġorr li jtaqqalli qalbi, u mhux issues oħra marbuta mal-uffiċċju jew il-kritika li jkun hemm. Għalkemm konvint minn dawn il-linji li qed noffrilkom, dejjem nibqa’ nistaqsi u nitlob lil Alla jdawwalni. Imma din hija l-konverżjoni pastorali u ekkleżjali li qed jitlob minna Kristu permezz ta’ Pietru. Ma nistax nifhem kif hawn daqshekk dissens mill-kleru u anki minn qalb ħuti fl-episkopat dwar il-Maġisteru tal-Papa!

Nemmen li l-Knisja għaddejja minn żmien sabiħ – qed ngħixu esperjenzi ekkleżjali li għandhom jgħinuna nissaffew u jgħinu biex naslu għall-essenzjal tal-fidi – dak li ma narawhx b’għajnejna imma bil-qalb.

Irrodd ħajr lil Patri Mario Farrugia sj li qed imexxi dawn l-Eżerċizzi, u nkomplu nitolbu lil Alla biex jgħinna niffurmaw qalbna, biex bil-qalb saċerdotali tagħna nkunu nistgħu nilmħu l-preżenza tas-Saltna ta’ Alla fl-istorja li qed tinkiteb, u hekk nagħmlu l-qalb.