Lejlet Santa Marija, f’Għawdex sa tinżamm bħas-soltu l-Velja tal-Għid tal-Assunta, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu. Il-Velja, nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2015, tibda fit-8.00pm u tintemm għall-ħabta tal-10.15pm.
Il-Velja sa tkun maqsuma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, li ħa tkun immexxija minn Patri George Bugeja OFM, l-Isqof Koadjutur ġdid ta’ Tripli, tingħad it-talba tar-Rużarju bi ħsibijiet tal-Papa Franġisku. Hawn se jixxandru l-istemma u l-motto tal-episkopat tal-Isqof il-ġdid u jingħataw tifsira tagħhom lill-pubbliku.
Il-konsagrazzjoni episkopali tal-Isqof Bugeja se tinżamm fis-Santwarju Ta’ Pinu nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru 2015, fis-6.30pm. Kien Patri George innifsu li wera x-xewqa li l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, jordnah fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, biex iqiegħed taħt il-ħarsien tagħha l-missjoni ġdida u xejn ħafifa tiegħu.
It-tieni parti tal-Velja sa tkun tikkonsisti fil-Quddiesa tal-Vġili, immexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, li fiha sa jsir talb bl-intenzjoni tas-suċċess tas-Sinodu Ordinarju fuq il-Familja li ħa jinżamm f’Ottubru li ġej f’Ruma. Kien il-Papa Franġisku stess li xi ġimgħat ilu ħeġġeġ lill-Knisja biex titlob għal dan il-għan.
Il-Velja sa tixxandar diretta fuq Radju Marija, li qed jorganizza wkoll il-pellegrini Maltin li jixtiequ jattendu għall-Velja.