Nhar il-Ħadd li għadda, 19 ta’ Lulju 2015, fi tmiem il-Pontifikal tal-Festa ta’ San Ġorġ Martri, Patrun ta’ Għawdex, fil-Bażilika tiegħu fil-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ta l-Mandat Missjunarju lil grupp ta’ tnax – sitt żgħażagħ minn Għawdex u sitt voluntiera oħra Maltin – li fl-ewwel ħmistax ta’ Settembru sa jżuru l-Etjopja jwettqu ħidma missjunarja fost il-foqra flimkien mal-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu ta’ Mons. George Grima. Fil-grupp hemm, fost l-oħrajn, koppja żagħżugħa li żżewġet sena ilu kif ukoll ħaddiema li se jitilgħu apposta biex jgħinu fix-xogħol tal-bini.
Il-grupp sa jkun qed jgħinu biex jitkaħħlu djar għal-lebbrużi tal-lokal kif ukoll fil-bini ta’ knisja ddedikata lil San Ġorġ f’Madiwuta. Il-ġabra waqt il-Quddiesa, kif ukoll Kampanja ta’ Ġenerożità fl-istess parroċċa matul il-jiem tal-festa titulari, marret b’riżq dan l-għan, u ħolqot aktar sensibbiltà missjunarja fil-komunità parrokkjali. Inġabru wkoll flus mit-tfal li attendew għan-Novena tal-Festa biex tinxtara n-nutella għat-tfal tal-Etjopja.
L-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona ppreżenta lill-grupp lill-Isqof, u qal li dawn iż-żgħażagħ jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza f’isem il-Knisja u mħeġġin mill-ispirtu tal-Patrun tagħhom San Ġorġ Martri. Dan ġie mmeditat ukoll fl-omelija tal-Quddiesa minn Dun Richard Nazzareno Farrugia, li fakkar kif San Ġorġ ħaffef ħejja ruħu għall-martirju billi qassam ġidu lill-foqra, ħaġa li jispjegaha tant tajjeb id-Duttur tal-Knisja San Pier Damiani fil-prietka li mbagħad il-Knisja użat fil-Liturġija tagħha. Dun Richard qal li l-foqra stess huma dawk li jevanġelizzawna, kif jgħid il-Papa Franġisku.
Waqt li qassam kopja tal-Bibbja u libbes salib ċkejken lil dawn il-missjunarji lajċi, l-Isqof Grech faħħar inizjattivi bħal dawn u qal li hu jappoġġja b’qalbu kollha “opri ġodda” ta’ din ix-xorta, li jesprimu l-qalba tal-missjoni tal-Knisja, li trid tkun qrib tal-foqra, kif jgħid il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu. “Jalla tkunu ta’ eżempju għall-Knisja kollha”, qalilhom l-Isqof.