Messaġġ fil-Konferenza Nazzjonali dwar “Il-Familja fit-Tielet Millennju” organizzata mill-Fondazzjoni OASI
Il-Ġimgħa 26 ta’ Ġunju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Darba wieħed raġel mar f’ristorant biex jipprogramma ikla: xtaq pranzu mill-aqwa u bħala deżerta ordna li jġibulu “tuffieħ” varjat. Wasal jum il-pranzu u wara li mexmex kollox, talab li jressqulu d-deżerta. Hu tmeżmeż xħin imlewlu l-mejda b’kull xorta ta’ tadam. Sejjaħ lis-sid u stħarreġ għaliex wara ikla tajba kienu qed joffrulu t-tadam. Is-sid wieġbu li kien qed iservih skont kif ordna. Ir-raġel beda jitlef is-sabar u qallu: “Issa qed tħawwadni u nissuspetta li qed tgħaddini biż-żmien, għax jien ordnajt ‘tuffieħ ta’ belludja’ (apples)”. Is-sid infixel ukoll għax bil-kelma tuffieħ huwa kien fehem “tuffieħ tadam”.
Qed ngħid din l-istorja għax nibża’ li qed jiġrilna l-istess ħaġa fir-rigward tal-familja. Ilkoll nitkellmu dwar il-familja, imma għandna problema ta’ semantika, għax għalkemm nużaw l-istess kelma, mhux kulħadd jifhem l-istess. Barra li dan jaf ikun kaġun li nħawdu lill-oħrajn, fil-fehma tiegħi jispjega għaliex fis-soċjetà jingħad u jsir ħafna favur il-familja imma ma aħniex naraw frott. Sfortunatament il-kunċett ta’ “familja” tbattal, bir-riskju li din il-kelma tilfet is-seħer tagħha.
Jien nappella biex infittxu naqblu x’qed nifhmu meta ngħidu familja; u jekk m’hemmx posti f’dan id-dibattitu, inħeġġiġkom tilħqu consensus dwar x’tifsira għandha din il-kelma sagra. Inkella, jekk it-tifsira ta’ familja tibqa’ vaga u ġenerika, allura nissuspetta li ser nibqgħu nagħqdu fl-istess post.
Jiena għandi tifsira ta’ familja – tifsira li mhix ta’ natura reliġjuża imma naturali. It-tifsira ta’ familja li nemmen fiha jien mhix “maħluqa” mill-bnedmin, imma naf li l-parti l-kbira tal-bnedmin jixxenqu għaliha u dan minkejja li hemm min jikkontestaha.
Dan li qed ngħid ma jfissirx li m’għandniex nagħtu kas ta’ esperjenzi oħra li qed jagħmel il-bniedem. Kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu li trid tiġi rrispettata u megħjuna; imma daqshekk ieħor il-familja għandha tiġi mħarsa. Huwa dmir tas-soċjetà li tagħti attenzjoni u tgħin lill-minoranzi, imma dan mingħajr ma tifga dak li jappartieni lill-wirt komuni tal-umanità. Imma llum jeżistu ideoloġiji li qed jgħaddu biż-żmien lill-bniedem għax jippreżentaw ruħhom bħala pampaluni tal-familja, imma minn tal-familja vera għandhom ftit li xejn!
Ladarba naslu biex naqblu x’qegħdin nifhmu bil-kelma “familja”, imbagħad anki l-istess azzjoni favur il-familja tkun aktar iffukata. Bħalma x-xitla tat-tuffieħ tadam li jikber fix-xitwa tkun trid il-qasab biex iżżomm wieqfa, hekk ukoll is-soċjetà għandha tipprovdi policies soċjali li bħal qasab iżommuha wieqfa – għandi f’moħħi policies ekonomiċi u dawk edukattivi.
Imma l-agħar dudu li qed jifni l-bniedem u jirrendih bla ħila biex jgħix fl-ambjent tal-familja huwa l-individwaliżmu. Xi drabi anki l-istess definizzjonijiet li nagħtu lill-familja huma rifless ta’ dan l-individwaliżmu. Wieħed jawgura li l-istess esperjenza tal-familja tgħin biex dan id-dudu jitlef il-qawwa tiegħu.