LOPPJU LI JIKXEF IL-BŻONN TA’ ALLA

Diskors fiċ-Ċerimonja tal-Gradwazzjoni
Ċentru tal-Caritas ta’ San Blas, Malta

Il-Ħamis 25 ta’ Ġunju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Hemm min jgħid li r-reliġjon hija l-loppju tal-poplu; imma daqshekk ieħor wieħed jista’ jgħid li l-loppju jikxef il-bżonn tar-reliġjon.

Huwa fatt li fl-antik il-loppju u s-sustanzi korrelatati kienu jissejħu “il-ħobż tal-allat” jew “pjanta mirakuluża”.  Dan għaliex wieħed kien jieħu d-droga biex “jinqata’ mill-art”, jinsa d-dinja ta’ madwaru u jipprova jidħol f’dimensjoni oħra u jagħmel esperjenza “mistika”.

Niżgurakom li mhux qiegħed nirrakkomanda d-droga biex persuna tagħmel esperjenza ta’ din ix-xorta; imma huwa fatt li ħafna drabi bniedem imiss id-droga għaliex ikun ġarrab vojt eżistenzjali.  Ir-riċerka tikkonferma li l-bniedem iduq id-droga wkoll għaliex ikun jixtieq jirbaħ ċerti beżgħat, għaliex ma jkunx sodisfatt, għax ikun imxennaq għall-hena, fuq kollox għaliex ikun jixtieq jagħmel sens minn dak li jisfagħlu bla tifsira.

Dan kollu l-bniedem isibu f’Alla, għax Hu biss jista’ jaqtgħalna l-għatx.  Il-qalb tal-bniedem ma ssibx mistrieħ jekk mhux f’Alla.  Mingħajr Alla, il-bniedem huwa ddestinat li jibqa’ qatt ma jista’ jsib postu – qatt ma jsib dak li verament jista’ jissodisfah.  U bniedem li mhux kuntent jibqa’ jfittex dak li jaħseb li jista’ jagħmlu kuntent, bħalma hija d-droga.  Għalhekk id-droga ssir bħala sostitut ta’ Alla.

Għalkemm issir ħafna ħidma ta’ riabilitazzjoni tad-drogati, naqblu lkoll li l-ħidma preventiva hija aktar importanti.  Imma min ma jxommx biss sa mnieħru jaf li l-aqwa azzjoni preventiva hija jekk nerġgħu nagħtu post lil Alla fil-ħajja personali u soċjali tagħna.  Il-bniedem magħkus u mgħattan taħt kull għamla ta’ piż (materjali, finanzjarju, affettiv, morali…) jistejqer u jogħxa meta jiltaqa’ ma’ Alla li huwa mħabba, għożża, ħlewwa u ħniena.  Dan huwa Alla ta’ Ġesù Kristu.  It-terapija Kristjana tikkompleta u tisboq kull xorta ta’ terapija oħra.  Alla ta’ Ġesù Kristu huwa dak li ma jaqta’ qalbu minn ebda persuna, tant li anki jekk din issir trietaq, Hu jiġbor il-biċċiet u jerġa’ jgħaqqadhom.

Nemmen li jekk Alla jibqa’ jiġi msikket, imwarrab, jekk mhux ukoll miċħud, jekk lil Alla ser nirtirawlu ċ-ċittadinanza, ser joktor l-għadd ta’ dawk li jaqgħu biex jieħdu d-droga ppreżentata lilhom bħala “ikel tal-allat”.  Mhux biss, imma joktru wkoll dawk li, għax bla kuxjenza, imexxu n-negozju tad-droga, anki jekk dan ifisser li jitqannċu l-bwiet tal-familji, jitkissru l-persuni u saħansitra jmutu n-nies.  Jekk noqtlu lil Alla, naslu biex noqtlu lill-bniedem.  L-antiki jgħidu li “homo homini lupus” – il-bniedem lupu tal-bniedem.  Mingħajr Alla, il-bniedem għandu ħila jqatta’ biċċiet kemm lill-bniedem u kemm lis-soċjetà.  Oħnoq lil Alla u tkun ħnaqt il-vuċi tal-kuxjenza.  Bniedem bla kuxjenza jagħmel dak kollu li jiġi għal idejh.

Fejn nistgħu nsibu lil Alla?  Suppost nistgħu niltaqgħu miegħu fil-Knisja; imma nafu niltaqgħu miegħu wkoll fit-triq, fejn il-laqgħa tagħna mal-bniedem taf tkun esperjenza tal-imħabba.  F’kull bniedem hemm ħjiel tal-preżenza ta’ Alla, saħansitra anki f’dawk li jmexxu d-droga!  Niltaqgħu ma’ Alla f’kull att ta’ mħabba li nirċievu u nagħtu.  Ngħidu aħna, intom li llum qegħdin tiggradwaw, tistgħu tgħidu li f’dawk li għenukom fil-programm li wassalkom għal din il-festa, stajtu taraw lil Alla, għax huma dewqukom imħabbtu.  Fuq kollox, kif jgħid il-Papa Franġisku, Alla huwa preżenti fil-ġerħat kollha tal-umanità – anki f’dawk li huma feruti bil-vizzju tad-droga – għax hemm qed taħdem il-mediċina ta’ Alla.

Għalhekk, filwaqt li nifraħ lill-gradwati li llum qed jagħmlu pass importanti f’ħajjithom, nirringrazzja lill-Caritas fi ħdan il-Knisja lokali għal din il-ħidma ma’ Ġesù preżenti fil-persuni milquta mid-droga li qed ifittxu l-għajnuna, u nappella biex ilkoll nirriflettu aktar dwar x’nistgħu nagħmlu biex nagħmlu aktar spazju lil Alla.  Kemm hu minnu li dak li tiżra’, taħsad!  Jekk niżirgħu ż-żerriegħa ta’ Alla fil-qlub, naħsdu soċjetà aktar umana b’inqas weġgħat u ġerħat.