KANA F’GĦAWDEX TAGĦNA

sejha-tal-madonna-ta-pinu-2015.jpg

Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu
Pontifikal Solenni ta’ Filgħodu
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu
It-Tnejn 22 ta’ Ġunju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Nilmaħ xebh qawwi bejn Kana tal-Galilija u s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.  Għax jekk Kana huwa raħal sinonimu mal-ġrajja tat-tieġ, hekk ukoll dan is-Santwarju huwa l-mekka ta’ ħafna għarajjes, miżżewġin friski u familji.  Jekk f’Kana sar tieġ fejn fost il-mistednin kien hemm Marija u Ġesù, ma tgħoddhomx dawk il-koppji li jiġu f’dan is-Santwarju għax jixtiequ li Marija u Ġesù jkunu parti mill-istorja ta’ ħajjthom – jixtiequ li Marija u Ġesù jakkumpanjawhom fl-esperjenza tal-imħabba li hija sabiħa imma dgħajfa.  Żgur li f’Kana kien hemm familji tajbin, imma kien hemm ukoll tieġ li, skont kif jirrakkonta San Ġwann, mar ħażin għax naqsilhom l-inbid.  Hekk ukoll f’dan is-Santwarju jaslu eluf ta’ koppji u familji li għandhom storja sabiħa, imma jaslu wkoll għadd konsiderevoli ta’ koppji u familji li għandhom imħabbithom feruta.  Daqskemm huma ħafna dawk li jiġu f’riġlejn Marija biex jirringrazzjaw lil Alla talli qed jgħixu l-ħajja tal-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ, hawn ukoll dawk li jinxteħtu taħt il-ħarsa materna ta’ Marija u, kif seħħ f’Kana, huma jitolbuha għax f’ħajjithom hemm xi ħaġa importanti nieqsa.

Min huma dawn il-persuni u familji li għandi f’qalbi dalgħodu?  Qed naħseb f’dawk li qed jikkoabitaw, forsi wkoll għax is-soċjetà tagħna taqtgħalhom qalbhom miż-żwieġ; qed naħseb f’dawk li huma miżżewġa bi żwieġ ċivili biss; hemm dawk li huma separati jew divorzjati – f’ċirkustanzi bħal dawn jaf ikun hemm partijiet innoċenti li kellhom jaċċettaw is-separazzjoni jew id-divorzju; għandi preżenti f’qalbi lil dawk li huma divorzjati u reġgħu żżewġu; għandi f’moħħi lil dawk li l-imħabba ssuqhom biex jiċċelebrawha, imma minħabba n-natura tagħhom ma jistgħux igawdu l-benefiċċji tal-imħabba ċċelebrata fiż-żwieġ bejn mara u raġel.  Din hija lista ta’ individwi u koppji li jiġu f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu u bil-ħerqa jitolbu lill-Madonna biex tidħol għalihom quddiem Ġesù għax naqsilhom l-inbid.  Aħna ma nistgħux ma nagħtux kas ta’ din it-tnehida ta’ parti mhix żgħira mill-poplu ta’ Alla.

Il-ġrajja ta’ Kana kif irrakkontata fil-Vanġelu tibgħat messaġġ pożittiv u kollu tama anki għal dawk il-persuni u koppji li naqsilhom l-inbid.  Ir-rakkont ta’ Kana jħabbrilna li waslet is-siegħa tal-fidwa għal dawk il-koppji li l-imħabba tagħhom tħassret.  Ġesù ma ġiex biex jikkundanna jew jaqta’ qalb il-bniedem; imma ġie biex jgħin, jakkumpanja u jfejjaq.  Ġesù jrid ikun magħna biex lil dawk li l-inbid sarilhom ħall, tant li qed iqarrsilhom ħajjithom, jerġa’ jagħtihom il-possibbiltà li jduqu nbid tajjeb.

Il-ġrajja ta’ Kana tgħidilna li l-umanità mhix abbandunata għax-xewqat tagħha u bit-traġedji tagħha.  Dak li ġara f’Kana jgħidilna li dawk il-familji li għandhom il-gwaj ma humiex mitluqa jew minsija, la mill-Madonna u lanqas minn Ġesù.

Il-ġrajja ta’ Kana tgħidilna li fejn hemm storja ta’ falliment fiż-żwieġ u l-familja, Alla lest li jiftaħ fuqhom ix-xmara tal-imħabba u l-miżerikordja.

Bl-għajnuna ta’ Alla, f’Ottubru li ġej il-Papa ser jerġa’ jlaqqa’ lilna l-Isqfijiet għas-Sinodu dwar il-Familja.  Ma nistagħġibx li ħafna jafu ftit wisq dwar din il-ġrajja importanti – mhux tort tagħkom, imma nostra culpa, għax kien messna smajniekom aktar biex nipparteċipawkom aktar f’din il-ġrajja ta’ grazzja.  Għaliex illum ukoll dawk il-koppji feruti qed jiġu għand Marija, irraffigurata mill-Knisja Omm, u jistqarrulha li huma wkoll imxennqa biex iduqu l-inbid ġdid… jixtiequ jieħdu sehem sħiħ mill-ħajja tal-komunità Nisranija.

Propju għaliex għandu widnejh mal-art, il-Papa Franġisku sema’ din il-karba ta’ ħafna u sejjaħ dan is-Sinodu.  F’dan il-jum solenni għan-nazzjon tagħna, nagħmel appell biex titolbu bla heda ħalli f’din l-esperjenza tal-Ispirtu li ser issir ftit xhur oħra, il-Knisja miġbura fl-awla tas-Sinodu tisma’ t-tnehida ta’ dawk li naqashom l-inbid.  Illum stess ser nibgħat ittra lill-Qdusija Tiegħu l-Papa u ninfurmah li llum aħna qed nieħdu l-impenn li nkomplu nitolbu għas-suċċess tas-Sinodu li ġej biex minnu joħroġ messaġġ pożittiv li jimla bit-tama lil min ma għandux it-tama.

Jien konvint li f’Kana kien hemm koppji oħra li ż-żwieġ tagħhom marrilhom sew għax ma naqsilhomx l-inbid.  Ma naħsibx li meta raw lil Ġesù jipprovdi l-inbid lil min ma għandux, dawn tfixklu, inbarmu jew ġiethom l-għira.  Għax xi wħud minna għandhom ftit minn din it-tendenza!  Min għandu l-inbid, ħa jgawdih, imma fl-istess waqt ħa jħoss u jbati ma’ min jixtieq jixrob l-inbid imma s’issa ma jistax.  Aħna għandna riżorsa enormi ta’ dan l-inbid għax ġej mill-kustat miftuħ ta’ Alla.  Il-btieti u l-ġarar huma mimlija sax-xfar bl-inbid ifawwar u jbaqbaq.  Ma nħallux din il-mediċina tinħela.

Naturalment irridu noqogħdu attenti lil min nafdaw dan l-inbid.  Ma nistgħux nagħtuh lil min dan l-inbid jista’ jagħmillu d-deni.  Niftakru f’dak li jgħid San Pawl: li min jixrob minn dan il-kalċi bla ma jkun jixraqlu, ikun jixrob il-kundanna tiegħu stess (1 Kor 11:28).  Imma min-naħa l-oħra ma għandniex inkunu daqshekk riġidi fit-tqassim tal-inbid.  Fostna hawn min donnu jrid li dan l-inbid jitqassam bir-razzjon!  Il-ġarar qegħdin ifawru u hemm ħafna li huma mixtieqa minn dan l-inbid biex iduqu l-ħlewwa u l-ġenerożità ta’ Alla.  Huwa dmir ta’ kulħadd li jgħarbel lilu nnifsu qabel jixrob dan l-inbid, imma ma nistgħu ngħarblu lil ħadd.  Għax fuq kollox l-għarbiel tagħna ħafna ifjen minn dak ta’ Alla.

Bħala Knisja aħna nerfgħu fuq spallejna d-dmir sagrosant li ma nbiegħdu lil ħadd li qed jitkarrab biex jixrob dan l-inbid.  Ma nibżgħux nilqgħu aktar mistiedna li propju għax xammew il-fwieħa tal-inbid ġdid li qed jagħtina Kristu, qed jistaqsu għalih.  Hekk il-glorja ta’ Alla tidher f’kull familja tagħna.