Fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata mxandra fil-Knisja kollha, il-Via Crucis Djoċesana li nżammet f’Għawdex nhar il-Ħadd filgħaxija, 22 ta’ Marzu, kellha xejra differenti minn tas-soltu, hekk kif il-meditazzjonijiet ġew imħejjija minn persuni ta’ ħajja kkonsagrata - kemm Reliġjużi kif ukoll Lajċi kkonsagrati - li għandhom l-istituti tagħhom fid-Djoċesi Għawdxija. Il-Via Sagra, fuq l-Għolja ta’ Għammar quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu, tmexxiet mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, u għaliha attendew bosta saċerdoti, reliġjużi u lajċi mill-komunitajiet parrokkjali kollha Għawdxin.
L-erbatax-il meditazzjoni u talbiet tal-istazzjonijiet Bibliċi tat-Triq tas-Salib li jinsabu mat-telgħa Ta’ Għammar, imdawla apposta għall-okkażjoni, kienu miktuba mis-Sorijiet Klarissi, il-Patrijiet Franġiskani Minuri, is-Sorijiet Dumnikani, il-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini, is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Patrijiet Franġiskani Konventwali, is-Sorijiet Ulied Marija Awżiljatriċi, il-Patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, is-Sorijiet Agostinjani, il-Patrijiet Agostinjani, is-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret, il-Patrijiet Ġiżwiti, is-Sorijiet Karmelitani, l-Ispigolatriċi, l-Anawim u l-Verġni Kkonsagrati tal-Ordni tal-Verġni. Kienu preżenti wkoll membri tal-Istituti tal-Volontarji ta’ Don Bosco, Piccola Famiglia Francescana u l-Istitut Saċerdotali Sekulari Apostolici Sodales, li ma kitbux meditazzjonijiet. Dawn kollha għandhom preżenza fid-Djoċesi ċkejkna ta’ Għawdex.
Il-Via Crucis intemmet bil-Barka Sagramentali fl-‘anfiteatru’ li jinsab fuq l-Għolja Ta’ Għammar. Hawn l-Isqof Grech radd ħajr lill-persuni kkonsagrati li ħejjew il-meditazzjonijiet sbieħ ta’ din is-sena, u li, fi kliemu, huma “imsiebaħ li għenuna fid-dlam. Min fil-ħajja tiegħu mhux miexi għat-telgħa?”, staqsa l-Isqof. F’talba sabiħa lil Ġesù Ewkaristija, hu kompla li “f’din it-telgħa Int tixgħelilna dawn l-imsiebaħ biex ma nibżgħux mid-dlam, aħna u mexjin warajk, il-Musbieħ il-kbir ta’ ħajjitna”. Il-persuni kkonsagrati, tenna l-Isqof, huma msiebaħ jiddu li l-Mulej xegħel fil-Knisja lokali, “ħalli aħna fit-telgħa ma naqtgħux qalbna, imma jagħtuna t-tama”, u jgħidulna kemm Alla hu kbir, sabiħ u mimli mħabba, għax din hi l-esperjenza li taf l-għotja tagħhom lilu! “Ħallina nitgħaxxqu b’dawn l-imsiebaħ biex naraw il-ġmiel tiegħek”, kompliet it-talba tal-Isqof.
Hu żied li l-ikkonsagrati huma profezija għall-Knisja u għad-dinja, “għax qed jgħidulna li fi tmiem it-telgħa wieqfa hemm ħajja oħra”, li Kristu fetħilna bis-Salib tiegħu. “Bħall-Griegi tal-Vanġelu nixtiequ narawK, u Int tajtna lil ħutna l-ikkonsagrati bħala mera ta’ ġmielek”.
L-Isqof temm billi rringrazzja lill-persuni kkonsagrati li fit-telgħa tal-Kalvarju tal-ħajja qed iħaddnu l-batut u jixegħlu msiebaħ ġodda biex ikomplu jdawlu t-triq. Hu għamlilhom kuraġġ biex qatt ma jonqoshom iż-żejt li bih jistgħu jdawlu u jsaħħnu l-Poplu ta’ Alla f’mixjietu.
Il-Via Sagra xxandret fuq Radju Marija u fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa sa tidher ukoll fuq l-istazzjon nazzjonali.