B’niket inħabbru l-mewt ta’ Mons. Ġużepp Mintoff, mill-Għasri li seħħet dalgħodu, il-Ħadd 21 ta’ Settembru 2014, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dun Ġużepp twieled fis-17 ta’ Marzu 1937 u kien ordnat saċerdot fis-7 ta’ April 1962. Wara li ordna saċerdot, Dun Ġużepp serva bħala kappillan tal-Kor tal-Kapitlu Katidrali u għalliem fis-Seminarju Minuri. Wara xi snin jaqdi l-uffiċċju ta’ viċi parroku l-Għarb, Dun Ġużepp inħatar Kappillan tal-Parroċċa tal-Għasri. Fi tmiem din il-kariga, Dun Ġużepp serva bħala kappillan fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Wara li qeda dan il-ministeru għal xi snin, Dun Ġużepp ġie maħtur kollaboratur fl-uffiċċju amministrattiv tal-Kurja djoċesana.
Il-funeral ta’ Mons. Ġużepp Mintoff se jsir nhar it-Tlieta 23 ta’ Settembru 2014. Il-korteo funebri jitlaq mill-Isptar Ġenerali fit-3.00pm għall-Għasri, fejn il-fdalijiet ta’ Dun Ġużepp jiġu esposti għat-talb fiċ-Ċentru Parrokkjali. Fl-4.30pm issir it-talba tal-Għasar, immexxija mill-Kappillan Edward Xuereb. Il-quddiesa funebri ssir fil-5.00pm u titmexxa mill-Isqof Mario Grech.
Ningħaqdu fin-niket u t-talb mal-familjari ta’ Dun Ġużepp u mal-komunità parrokkjali tal-Għasri, filwaqt li nafdaw lil ħuna Dun Ġużepp f’idejn il-ħniena infinita ta’ Alla.
RIP