Jiftħu l-festi tal-150 sena mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex

logo-150-sena-djocesi-01.jpgId-Djoċesi ta’ Għawdex għadha kemm xandret il-logo uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet tal-mija u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha, li seħħ bil-Bulla tal-Beatu Papa Piju IX Singulari Amore (Bi mħabba liema bħalha) tas-16 ta’ Settembru 1864.  L-ewwel Isqof tad-Djoċesi l-ġdida, li bħala territorju tinkludi wkoll il-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna, kien Mons. Mikiel Franġisk Buttigieg, mill-Qala, dak iż-żmien Arċipriet tar-Rabat.

Il-logo, fuq disinn ta’ Dun Roberto Gauci, juri d-dgħajsa ta’ Pietru, simbolu antik tal-Knisja fit-tradizzjoni Nisranija, bil-qlugħ tagħha f’forma ta’ Salib, teħodha ma’ l-imwieġ li jirrappreżentaw kemm il-gżira ta’ Għawdex imdawra bil-baħar u kemm it-taħbit li minnu jgħaddi l-poplu pellegrin ta’ Alla fil-mixja tiegħu fuq din l-art.  Maġenb id-dgħajsa jidhru wkoll it-tliet għoljiet li jagħmlu parti mill-arma uffiċjali ta’ Għawdex.

Iċ-ċelebrazzjonijiet anniversarji mistennija jkunu mifruxa fuq medda ta’ sena, u jiftħu uffiċjalment nhar it-Tlieta 16 ta’ Settembru 2014, jum l-anniversarju, b’Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr fis-7.00pm immexxija mill-Isqof Mons. Mario Grech fil-Katidral tal-Assunta, li wkoll qed ifakkar il-mija u ħamsin sena tiegħu bħala s-Sede tal-Isqof Djoċesan.  Dakinhar tinżamm ukoll ġurnata adorazzjoni fil-knejjes kollha ta’ Għawdex, li tintemm b’mota solenni fis-6.00pm.

Programm aktar dettaljat taċ-ċelebrazzjonijiet u l-inizjattivi li l-Knisja f’Għawdex se tkun qed tieħu biex tfakkar ġrajja storika bħal din jixxandar ’il quddiem.