Ftuħ tal-Proċess Djoċesan tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

Stqarrija għall-Istampa

dun-mikiel-attard.jpgFtuħ tal-Proċess Djoċesan tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

Nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2014, fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, fis-6.30pm, kienet iċċelebrata s-sessjoni pubblika tal-ftuħ tal-Proċess Djoċesan tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard.  Din saret waqt Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ saċerdoti u reliġjużi konċelebranti, kif ukoll għadd kbir ta’ fidili lajċi.

Wara l-omelija tal-Quddiesa, il-Postulatur tal-Kawża, Patri Tony Sciberras MSSP, talab uffiċjalment lill-Isqof biex iwaqqaf it-Tribunal u jagħti bidu għall-Proċess Djoċesan.  Imbagħad il-Kanċillier tal-Kurja, Mons. Salv Debrincat, qara d-Digriet tal-Isqof li bih ħatar il-membri tat-Tribunal.  Ġew maħtura Dun Edward Xuereb JUD, SThD, bħala Delegat Episkopali; Dun Joseph Zammit JUD, bħala Deputat tad-Delegat Episkopali; Dun Joseph Curmi JCL, SThB, bħala Promutur tal-Ġustizzja; u s-Sinjorina Annunziata Grech BA, MA u r-Dun Franġisk Saliba bħala Attwarji.

Wara li l-Isqof innifsu ħa l-ġurament, anki l-membri tat-Tribunal, flimkien mal-Postulatur u l-Viċi-Postulatur, ħadu l-ġurament ta’ fedeltà fit-twettiq tal-inkarigu li ġie fdat lilhom.  Imbagħad il-Postulatur ippreżenta lill-Isqof il-lista ta’ 65 xhieda li se jidhru quddiem it-Tribunal biex jagħtu x-xhieda tagħhom f’din il-kawża.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Kanċillier tal-Kurja ħabbar li t-tieni sessjoni tat-Tribunal kellha ssir nhar it-Tnejn 4 ta’ Awwissu fil-11.00am, fis-sede tat-Tribunal Ekkleżjastiku fil-Kurja ta’ Għawdex, bl-ewwel xhud ikun Mons. Alfred Xuereb.

Fl-omelija tiegħu għal din l-okkażjoni, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar kif il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard, li hu, bħal ħafna saċerdoti oħra, jiftakru direttur spiritwali tiegħu fis-Seminarju u kompla jsegwih anki fil-ħajja saċerdotali tiegħu, “ċarrat għalina qalb Alla u dewwaqna l-ħniena ta’ Alla”.  L-Isqof Grech tkellem dwar il-vanġelu tat-Tkattir tal-Ħobż li kien għadu kemm tħabbar fil-Liturġija tal-Kelma, rakkont li ma jistax iħallina indifferenti quddiem il-qalb miftuħa ta’ Ġesù.  Qal li, bħal Ġesù, anki Dun Mikiel kien solidali mal-poplu ta’ Alla għax kien fil-veru sens tal-kelma “saċerdot tan-nies” li, imma, “jaf il-ġewwieni ta’ Alla”.  Hu kellu ħafna Nikodemi li fis-satra tal-lejl kienu jmorru jfittxuh għal xi parir jew kelma ta’ faraġ: lil Dun Mikiel dejjem kont issibu lest b’dik il-qalb miftuħa ta’ saċerdot twajjeb lest ixerred il-balzmu fuq kull ġerħa.

L-Isqof Grech semma kif il-predeċessur tiegħu Nikol Ġ. Cauchi kien iħobb jgħid li f’Għawdex għandna ħafna “saċerdoti kanonizzabbli”.  L-Isqof Cauchi għadda fuq erbgħin sena fit-tmun tad-Djoċesi u allura kien jaf sew x’qed jgħid!  Spiss jagħmlu ħoss biss dawk is-saċerdoti li “jiżolqu”, imma f’okkażjoni bħal din jixraq li ngħidu grazzi lil Alla għal tant saċerdoti qaddisin, fosthom Dun Mikiel Attard, tenna l-Isqof Grech.  Fil-Proċess tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tiegħu, spejga, irridu nitolbu lil Alla jgħinna niskopru “it-tħażżiż tal-Ispirtu” fil-ħajja ta’ dan is-saċerdot Għawdxi li miet b’fama ta’ qdusija għaxar snin ilu.  Nitolbuh ukoll jinterċedi għalina biex Alla jipprovdilna l-ħobż mhux biss għall-istonku, imma wkoll bħala ikel għall-moħħ u l-kuxjenza, kif kien iħobb jgħid Dun Mikiel f’waħda mill-ħafna espressjonijiet sbieħ li ħallielna.

Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd jikxef il-qalb materna ta’ Alla, temm jgħid l-Isqof Grech, qalb ta’ omm li Dun Mikiel kellu u li ffurmathielu l-Verġni Mbierka, li tant kien devot tagħha, speċjalment kif meqjuma fis-Santwarju Ta’ Pinu.

* * *

Niżżel kopja tad-Digriet ta’ Mons. Isqof Mario Grech: digriet-tribunal-kawza-dun-mikiel-attard.jpg

* * *

Bijografija qasira tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

dun-mikiel-qalb-hidma-missjunarja-ohra-din-id-darba-mal-kommunita-tas-sorijiet-dumnikani-fil-pakistan-1986.jpgDun Mikiel Attard twieled fin-Nadur, Għawdex, nhar l-1 ta’ Ottubru 1933 u ġie ordnat saċerdot fit-12 ta’ April 1959.  Huwa għex is-saċerdozju tiegħu b’mod umli, kollu kemm hu mogħti għal Kristu u għall-Knisja.  Kellu ħeġġa kbira għall-erwieħ u kien lest jissagrifika lilu nnifsu, anki sa tard bil-lejl, biex jisma’, ifarraġ u jgħin lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu fil-qrar jew fid-direzzjoni spiritwali.  Ħafna nies, fosthom numru kbir ta’ saċerdoti u reliġjużi, kienu jżommuh bħala d-direttur spiritwali tagħhom.  Huwa ħadem ħafna maż-żgħażagħ u waqqaf għalihom grupp ta’ talb imsejjaħ GYM Talb Madonna Ta’ Pinu.  Fit-2 ta’ Ottubru 1982 waqqaf il-Grupp Missjunarju Għawdxi bl-għan li jnissel u jsaħħaħ l-imħabba lejn il-missjonijiet.  Kellu devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija u lejn il-Madonna Ta’ Pinu.  Għen ħafna biex l-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II jiġi mifhum u aċċettat fil-Knisja lokali.  Kien iħobb sinċerament lil art twelidu, iħoss għall-ħtiġijiet tal-poplu u jinteressa ruħu fil-ħtiġijiet soċjali.  Anki meta ma kienx mifhum jew sab lil min ma jaqbilx miegħu, huwa dejjem ġarrab kollox fis-skiet għall-imħabba ta’ Kristu.  L-ispirtu ta’ sagrifiċċju u r-rabta ta’ qalbu mar-rieda ta’ Alla urihom speċjalment fl-aħħar snin ta’ ħajtu, fuq is-sodda tal-mard tiegħu.  Hemmhekk huwa baqa’ joffri lilu nnifsu bħala offerta ħajja lil Alla sakemm miet b’fama ta’ qdusija fit-30 ta’ Lulju 2004.

Ritratti: Shaun Sultana