lbieraħ, it-Tnejn 26 ta’ Mejju, is-Santwarju Ta’ Pinu fakkar l-24 anniversarju minn meta l-Papa Ġwanni Pawlu II qaddes l-ewwel Quddiesa tiegħu fil-gżejjer Maltin fuq iz-zuntier tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex. Kien fi tmiem din il-Quddiesa li huwa poġġa stellarju madwar ir-ras tal-Madonna Ta’ Pinu. Għall-okkażjoni anniversarja, is-Santwarju Ta’ Pinu flimkien mal-Fondazzjoni JPII organizza serata b’element reliġuż u kulturali.
Fil-Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu ngħadet it-talba tar-Rużarju mmexxija mill-vuċi tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Wara, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech iċċelebra Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr. Fl-omelija Mons. Isqof stqarr li San Ġwanni Pawlu II ħallielna tliet toroq Marjani li bihom aħna nistgħu nagħmlu esperjenza ta’ Kristu u b’hekk insiru xhieda tiegħu. L-ewwel triq hija dik tal-meditazzjoni tar-Rużarju, fejn flimkien ma’ Marija nistgħu naħsbu fil-fond fuq il-misteri tas-salvazzjoni tagħna. It-tieni triq hija dik tal-Adorazzjoni Ewkaristika: Marija hija l-mara Ewkaristika u tħeġġiġna biex nimxu fit-triq tas-Sagramenti Mqaddsa. L-aħħar triq San Ġwanni Pawlu II urihielna meta kien fostna u talabna biex niġu f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu, u ħeġġeġ biex il-familja Maltija u Għawdxija tinġabar f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu ħalli titgħallem minnha tfaħħar u trodd ħajr lil Alla. L-animazzjoni tal-kant waqt il-Quddiesa kienet mill-Mro Dr John Galea bis-sehem tas-sopran Ruth Bezzina.
Wara l-Quddiesa nżamm Kunċert fuq l-Orgni minn Amy Rapa akkumpanjata mit-trumbettista Jason Camilleri. F’dan il-kunċert huma esegwew siltiet tal-kompożituri H. Purcell, J.S. Bach, C. Gounod, C. Franck, E. Morricone, P. Mascagni, J.J. Morrissey, A. Mozart, T. Albinon u J. Stanley.
TLIET TOROQ MARJANI
Omelija waqt Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr
fl-okkażjoni tal-Kanonizzazjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II
Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
It-Tnejn 26 ta’ Mejju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
San Ġwanni Pawlu II kien konvint li biex jgħin lill-bniedem jiftaħ qalbu għal Kristu, ħtieġlu jgħinu biex l-ewwel jiftaħ qalbu għal Marija, Omm Ġesù. Fil-fatt, daqskemm nistgħu ngħidu li dan il-Papa kien appostlu ħerqan biex ixandar lil Kristu, daqshekk ieħor huwa kellu ħeġġa biex jitkellem dwar Marija. Huwa kien konvint li kull spiritwalità Kristjana, anki dik Protestanta, hija spiritwalità Marjana, għaliex kien Ġesù nnifsu li fil-persuna ta’ San Ġwann fada lid-dixxipli tiegħu taħt il-ħarsien matern ta’ Ommu. Ma tistax tkun Nisrani jekk ma tkunx devot ta’ Marija; min għandu lil Marija bħala ommu, ma jistax ma jiftaħx qalbu għal Kristu.
F’din l-okkażjoni tal-lum, meta qegħdin infakkru l-24 anniversarju minn meta l-Papa Ġwanni Pawlu II ġie bħala pellegrin f’dan is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, nixtieq insemmi tliet “toroq” Marjani li jindika l-Papa biex permezz tagħhom naslu għand Ġesù.
L-ewwel triq: ir-Rużarju
Fl-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariæ (2002), il-Papa San Ġwanni Pawlu II isejjaħ lir-Rużarju “triq” Marjana li twassal għall-għaqda ma’ Kristu. Fil-fatt, min jgħid ir-Rużarju, flimkien ma’ Marija, jimmedita dwar Ġesù u magħha jinżel fil-fond tal-misteri tal-ħajja tiegħu. Aktar ma naħsbu dwar Ġesù, aktar nikbru fix-xebh miegħu u, kif jgħid San Pawl, “nilbsu l-istess sentimenti li kellu Kristu” (ara Fil 2:5; Rum 13:14). Għalhekk ir-Rużarju huwa talba li permezz tagħha Marija, bl-imħabba tagħha ta’ omm, tedukana sakemm Kristu jissawwar fina.
San Ġwanni Pawlu II jgħid li barra milli huwa talba kontemplattiva, ir-Rużarju joffri opportunità biex issir il-katekeżi. Hekk kif fl-imgħoddi t-talba tar-Rużarju kienet għodda qawwija f’idejn l-Insara biex iħarsu l-fidi mill-ereżija, illum, quddiem l-isfidi kbar li jrid iħabbat wiċċu magħhom il-bniedem, din it-talba tibqa’ riżorsa qawwija għal kull min irid ixandar il-Bxara t-tajba.
Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm bżonn li anki llum aħna nerġgħu niskopru l-ġmiel u l-qawwa tar-Rużarju. Billi ħafna drabi nsibu ruħna f’salib it-toroq u naħbtu ninfixlu liema triq ser naqbdu, bir-riskju li nistgħu mmiddu l-passi tagħna f’direzzjoni li twassalna f’xifer ta’ rdum, inħeġġeġ biex, fuq it-tagħlim ta’ dan il-qaddis, aħna naqbdu f’idejna l-kuruna tar-Rużarju, waħda mit-toroq żguri li twassalna għand Kristu. Mhux li kien matul ix-xahar ta’ Mejju, il-familji tagħna jerġgħu jibdew iduqu l-gost li jinġabru flimkien madwar l-altar tal-Madonna li jkollhom fi djarhom biex jgħidu magħha t-talba tar-Rużarju! Fid-dlam tal-ħajja, ir-Rużarju huwa kewkba tiddi li ddawwal il-mixi tagħna lejn Ġesù.
It-tieni triq: l-Ewkaristija
Jekk l-ewwel triq hija “devozzjonali”, fir-raba’ kapitlu tal-enċiklika Ecclesia de Eucharistia (2003), San Ġwanni Pawlu II jindikalna triq sagramentali: l-Ewkaristija. Jekk tal-ewwel kienet triq sekondarja, din hija triq irjali. Għax daqskemm ma nistgħux nifirdu l-Knisja mill-Ewkaristija, daqstant ieħor imorru ma’ xulxin Marija u l-Ewkaristija. Għaliex kif il-Knisja tagħmel l-Ewkaristija, Marija hija l-gwida li tmexxi lill-Knisja lejn l-Ewkaristija. Kien f’dan l-isfond li l-Papa Ġwanni Pawlu II daħħal it-twaqqif tal-Ewkaristija fost il-Misteri tad-Dawl tar-Rużarju.
Nimitaw lil Marija fil-fidi tagħha, għax kif kienet il-fidi li wasslitha biex bl-“iva” tagħha l-Iben ta’ Alla sar bniedem fil-ġuf tagħha, hija din l-istess fidi fis-saċerdot li tibdel il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej preżenti fl-Ewkaristija – hija l-fidi li tgħinna nemmnu li taħt l-ispeċi Ewkaristiċi hemm tassew l-Iben ta’ Alla bid-divinità u l-umanità tiegħU. Kif kienet il-fidi li għamlet minn Marija tabernaklu li għal disa’ xhur ġarr lil Ġesù, hija l-fidi tagħna li twassalna biex ninżlu għarkupptejna quddiem Ġesù preżenti fit-tabernaklu.
Il-Papa Wojtyla jgħid li Marija kienet tgħix l-offerta tagħha nfisha lil Alla, liema għotja ta’ mħabba ssib il-milja tagħha meta hija tingħaqad ma’ Kristu fuq is-salib. F’dan is-sens, Marija għexet b’mod antiċipat l-Ewkaristija, li hija s-sagrifiċċju ta’ Kristu. Fuq l-eżempju tagħha u bl-interċessjoni tagħha, kull meta niċċelebraw l-Ewkaristija, aħna ma nkunux biss spettaturi, imma nitwaħħdu ma’ Kristu-vittma billi noffru lilna nfusna b’dak kollu li nkunu ġarrabna fil-ħajja bħala debħa kollha mħabba.
Hemm xebh bejn l-Ewkaristija u l-Magnificat ta’ Marija: it-tnejn huma kantiċi ta’ tifħir u radd il-ħajr. Fi kliem San Ġwanni Pawlu II, “meta Marija tesklama Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, hija tkun qed iġġorr fil-ġuf tagħha lil Ġesù. Tfaħħar lill-Missier ‘permezz’ ta’ Ġesù, iżda tfaħħru wkoll ‘f’Ġesù’ u ‘ma’ Ġesù’. Dan huwa l-atteġġjament Ewkaristiku” li għandu jkollna aħna l-Insara – atteġġjament li joħroġ mill-għaqda tagħna ma’ Ġesù u fl-istess waqt jagħmel din l-għaqda aktar intima.
It-tielet triq: is-Santwarju Ta’ Pinu
Niftakru li meta kien fuq iz-zuntier ta’ dan is-Santwarju, il-Papa Ġwanni Pawlu II, filwaqt li stedinna biex “il-Knisja f’Għawdex tkun eku tal-għanja ta’ tifħir ta’ Marija f’dan is-santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu”, huwa għaqqad il-familji tagħna ma’ dan is-Santwarju “li l-imħabba u d-devozzjoni ta’ ġenerazzonijiet ta’ Kattoliċi Maltin waqqfu għal Marija, Omm Alla”. Il-fatt li l-Papa Ġwanni Pawlu II għażel li f’dan il-post qaddis jagħmel appell imqanqal lill-familji tagħna biex “ikunu ħawt li fih is-soċjetà tagħkom tfondi l-impenn imġedded għall-valuri tal-Evanġelju li huwa l-akbar wirt prezzjuż li ġej mill-imgħoddi”, juri li huwa kien qed jindika dan is-Santwarju bħala d-destinazzjoni tal-mixja tal-familji tagħna. Fi kliem ieħor, jien nifhem li hawnhekk il-qaddis Ġwanni Pawlu II kien qed juri lill-familji tagħna t-tielet “triq” Marjana li hemm bżonn jgħaddu minnha biex jaslu għand Ġesù. Hija xewqa tiegħi li dan is-Santwarju jkompli jiftaħ il-bibien tiegħu beraħ għall-familji kollha tagħna, speċjalment għal dawk il-familji midruba u mtaqqlin li jixtiequ jsibu l-faraġ taħt il-mant tal-Madonna Ta’ Pinu. Intenni l-kliem li l-Papa Ġwanni Pawlu II qal fl-omelija li għamel quddiem dan is-Santwarju: “Nistgħu nkunu fiduċjużi li bi mħabba ta’ omm, Marija qatt ma naqset fl-interċessjoni tagħha għal ġenerazzjonijiet ta’ ġenituri u tfal, tispira fihom il-biża’ tal-Mulej li huwa l-bidu tal-għerf u takkumpanjahom fil-pellegrinaġġ tagħhom ta’ fidi”.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II mhux biss mexxa l-Knisja matul pontifikat twil ta’ 27 sena, imma nemmnu li issa li huwa ddikjarat qaddis, jibqa’ jidħol għalina quddiem Alla u l-Verġni Mbierka. Hija tama qawwija tagħna li jekk nimxu f’dawn it-tliet toroq Marjani li huwa pproponielna – l-għożża tar-Rużarju, tal-Ewkaristija u tas-Santwarju Ta’ Pinu – aħna naslu fejn wasal hu qabilna.