Iċċelebrata t-Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata

Omelija fit-Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata
Il-Ġimgħa 11 ta’ April 2014
Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ID-DULURI QUDDIEM IL-BNIEDEM MINGHAJR ALLA

img_2898.JPG

Id-duluri tal-Madonna kienu ta’ diversi għamliet; illum nixtieq nikkontemplaha f’aspett partikulari: meta hija tara li l-bniedem qatel lil Kristu, id-duluri tagħha ma setgħux ikunu aktar profondi, għaliex tintebaħ li l-qtil ta’ Kristu kien ifisser il-qerda tal-bniedem.  Fil-fatt, meta l-bniedem iwarrab lil Alla minn ħajtu, jasal biex jagħmel ħsara lilu nnifsu: mewwet lil Alla u tkun tmewwet lilek innifsek!

Fil-fatt id-duluri ta’ Marija tkattru meta hija fehmet li l-qerda ta’ Ġesù fuq is-salib kienet temmet ħesrem il-missjoni tiegħu li kienet missjoni favur il-bniedem.  Fil-Vanġelu naqraw li Ġesù kien jgħaddi mit-toroq tal-Galilija jipprietka, ifejjaq u jagħmel il-ġid.  Għalhekk mat-temma tal-mixja ta’ Kristu fit-toroq tal-umanità, Marija rat li ġiet fit-tmiem l-esperjenza li Alla jrid jagħmel mal-bniedem tat-triq.  Marija tħoss għall-bniedem li bil-mewt ta’ Kristu, tilef sieħeb fidil tiegħu.

Wieqfa ħdejn is-salib, Marija ġġarrab id-dulur għaliex tara li hekk ġiet imsikkta dik il-vuċi li mhux biss kienet titkellem dwar il-qdusija, it-tjubija u l-kobor ta’ Alla, imma kienet titkellem ukoll dwar il-qdusija, it-tjubija u l-kobor tal-bniedem.  Għalhekk fuq is-salib, Marija tara li kien immutat dak il-“leħen” li seta’ għamel differenza fil-ħajja tagħna l-bnedmin – leħen li kien jitkellem is-sewwa u jiddefendi dak li huwa ġust.

Nistħajjel li hija u tħares lejn Binha fuq is-salib, Marija tħoss weġgħa kbira meta tara li l-bniedem fettillu jaqta’ barra l-idejn ta’ Kristu.  Ħadd ma jista’ jgħid li dawn kienu jdejn vjolenti li jaħqru jew jaħtfu lill-bniedem; minflok kienu par idejn li kontinwament kienu jbierku u joffru t-tenerezza ta’ Alla lill-bniedem; kienu l-idejn li Alla joffri lill-bniedem biex meta jkun għajjien, ma jogħtorx u jaqa’ mal-art.

Marija kienet taf li Ġesù xtaq jgħaddi l-missjoni tiegħu lill-Appostli; imma hi kienet taf ukoll kemm l-Appostli kienu dgħajfin u li ta’ bnedmin li huma setgħu jittradixxu kemm lill-Imgħallem u kemm lill-bniedem.  Dan kien motiv ieħor ta’ tbatija għal Marija.

Marija hija dik li mhux biss semgħet is-seba’ kelmiet li Kristu lissen fuq is-salib, imma setgħet ittennihom hija stess.  Flimkien ma’ Ġesù, Marija setgħet għajtet: “Għandi l-għatx”.  Għax meta l-Kurċifiss jgħajjat “Għandi l-għatx”, hu ma kienx qed jirreferi biss għall-għatx li Alla għandu għalina, imma kien qed jalludi wkoll għall-għatx eżistenzjali li normalment inħossu aħna l-bnedmin.  Ngħid għalija, diversi drabi nsib ruħi qed infittex għejun biex naqta’ dan l-għatx u mhux lakemm jirnexxieli ntaffih.  Marija wkoll issofri n-nixfa kkawżata mill-fatt li Kristu kien eleminat, liema nxufa taf toħloq aktar għatx fil-bniedem, għaliex meta jkun miftum minn Alla, il-bniedem jinxef minn ġewwa u l-“ġnien” tiegħu ma jibqax iwarrad il-virtù.

Nistħajjel lid-Duluri ttenni l-kliem ta’ Ġesù meta qal: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!”.  Hawnhekk Ġesù kien qed jesprimi l-karba li toħroġ mill-ġewwieni tal-bniedem meta jħoss jagħfas fuqu t-toqol tas-skiet ta’ Alla.  Huwa fatt li fil-ħajja hemm mumenti fejn  inħossu li Alla jkun tbiegħed minna u telaqna.  Fiż-żjajjar li qed nagħmel fil-familji matul il-Viżta Pastorali, ġie li niltaqa’ ma’ wħud li jkellmuni dwar il-ħemda terribbli ta’ Alla!  Fil-ħajja għandna ħila nissaportu lil xi ħadd qrib tagħna li jibqa’ ma jkellemniex, imma mhux faċli naċċettaw is-skiet ta’ Alla.  Imma hawn irridu ngħidu wkoll li dan is-Salm 22 li jikkwota Kristu ma huwiex salm ta’ qtigħ il-qalb; fil-fatt is-salmista jkompli jgħid: “Fik ittamaw missirijietna u inti ħlisthom” u “int minn ġuf ommi qegħedtni fis-sod”.  Għalhekk huwa dulur għal Marija kemm meta tarana mifnijin quddiem is-silenzju ta’ Alla, u kemm meta tħoss li aħna neqsin minn dik il-fiduċja f’Alla li neħtieġu biex nintefgħu fi ħdanu.

Kelma oħra li qal Kristu u li nismagħha tidwi fil-qalb tad-Duluri hija: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.  Il-ħniena u l-mogħdrija ta’ Alla tant huma bla kejl li jiskużana.  Għalhekk tingħafas il-qalb ta’ din l-Omm tagħna meta tinduna li aħna qegħdin naqtgħu qalbna mill-ħniena ta’ Alla, meta nibdew niddubitaw mill-maħfra divina.  Imma din il-qalb imnikkta tweġġa’ aktar meta tarana daqshekk iebsin biex naħfru lil xulxin.  Kemm hawn weġgħat fostna, kemm hawn relazzjonijiet imxellfa għaliex ma aħniex kapaċi noffru lil xulxin dan id-don tal-maħfra li joffrilna Alla!

Meta kollox bħal donnu jindika li mat-telfa tal-Feddej ser tiggrava l-qagħda tal-umanità u għaldaqstant ser jiżdiedu d-duluri ta’ Marija, tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li Ġesù tana s-saċerdozju Kattoliku biex hekk titkompla l-missjoni tiegħU.  Lilna s-saċerdoti, li ma aħna xejn aħjar minn ħaddieħor, sejħilna u minkejja d-dgħufija tagħna, fdalna dan il-ministeru saċerdotali.  Il-missjoni tas-saċerdot hija l-istess missjoni li kellu Kristu.  Fuq l-eżempju tiegħu, is-saċerdot ma għandux jibża’ joqgħod fit-toroq biex jiltaqa’ mal-bniedem u joffrilu kelma ta’ faraġ, idewwilu l-ġrieħi u jagħmel il-ġid.  Is-saċerdot huwa l-ħabbar ta’ Alla u ministru tal-ħniena.  Fuq kollox, bħal Marija, is-saċerdot jislef lilu nnifsu lil Ġesù biex, għall-kelmiet tal-Konsagrazzjoni, il-ħobż u l-inbid jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm tal-Mulej li huwa l-ikel u x-xorb tagħna pellegrini.  Il-ħidma tas-saċerdot tagħmel lil Alla preżenti fil-ħajja tal-lum – hija din il-preżenza li ttaffi d-dulur tal-bniedem u għalhekk id-dulur ta’ Marija.

Qed ngħid dan għaliex illum, festa tad-Duluri, xtaqt li nibdew kampanja ta’ talb għall-vokazzjonijiet, li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed isiru rari fid-Djoċesi tagħna, partikularment il-vokazzjonijiet saċerdotali.  It-tħassib tiegħi huwa tali li qegħdin nagħmlu dan l-appell imqanqal biex flimkien b’vuċi waħda nitolbu lill-Mulej ikompli jsejjaħ persuni biex jimxu warajH.  Nixtieq ħafna li d-Djoċesi tagħna ma titlifx id-dimensjoni missjunarja – sal-lum konna komdi biżżejjed biex naqsmu dan id-don mal-Knisja universali.  Għalhekk qed inniedu “katina ta’ talb għall-vokazzjonijiet” b’appell speċjali lil dawk li huma fid-dulur biex iwaħħdu t-tbatija tagħhom ma’ dik ta’ Kristu fuq is-salib.  Inħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu wkoll għalina, ikkonfermati fis-sejħa u l-ministeru, biex ma negħjewx u nħallu d-dgħufija tegħlibna, imma nkomplu naqdukom f’isem Kristu.

Ritratt: Raymond Bezzina