Jingħata l-Premju ‘Familja Qalb tad-Deheb’

premju-familja-qalb-tad-deheb-2014.JPG

Niżżel kopja pdf tal-messaġġi tal-Isqof ta’ Għawdex l-E.T. Mons Mario Grech u tal-President ta’ Maltal-E.T. Dr George Abela: interventi-isqof-ta-ghawdex-president-ta-malta.pdf

Fl-Istitut tal-Familja Papa Gwanni Pawlu II, Victoria, nhar is-Sibt filgħaxija, 15 ta’ Frar 2014, il-familja tal-armla Carmena Attard u l-erba’ wliedha mill-Belt Victoria ngħatat il-Premju  ‘Familja Qalb tad-Deheb’ minn idejn l-E.T. il-President ta’ Malta Dr George Abela li f’kelmtejn li għamel f’din l-okkażjoni tkellem dwar l-importanza tal-familja u kif sa ftit taż-żmien ilu kellna familja waħda u llum nibbtu u qed jinbtu diversi forom tal-familja.  Huwa beda biex faħħar id-diskors meqjus u studjat li għamel fil-ftuħ tas-Serata d-Direttur ta’ dan l-Istitut, Dun Anton Teuma li kkwota x’qalu diversi kittieba u ħassieba dwar il-familja.  Il-President Abela tenna li meta tkun qed trabbi familja, tkun qed trabbi nazzjon.  Kemm hu importanti li nżommu f’moħħna li l-ġenituri huwa l-ewwel u l-iprem edukaturi.  Huwa faħħar il-ġest nobbli u erojku li għamel Ino Attard, ġuvni mastrudaxxa ta’ 36 sena li ta lil ommu kilwa biex b’hekk din issa qed tgħix aħjar u bdiet ħajja ġdida.  Il-President fakkar kif fl-2009 diversi esperti tal-familja mid-dinja kollha kienu ltaqgħu fil-Palazz u kif matul dawn l-aħħar sentejn, il-Presidenza għenithom biex jiġi ppubblikat fi ktieb l-istudju li ħareġ minn dawk il-laqgħat ta’ importanza kbira għall-familja.  Il-President kompla li l-Istat ma jistax jagħlaq għajnejh għat-trobbioja tal-ulied meta llum qed jinbtu tant relazzjonijiet u rridu nħarsu verament lejn l-aħjar interess tal-minuri.  Irridu nimxu b’kawtela u nisimgħu lil kulħadd u naraw l-impatt u t-trobbija tat-tfal.   Huwa feraħ lill-Istitut tal-Familja  Papa Gwanni Pawlu t-Tieni u fakkar kif fl-Universita’ tagħna wkoll insibu ċ-Ċentru tal-Familja fejn ukoll insibu l-esperti tal-familja f’dan il-qasam delikat u għażiż.  Importanti, sostna l-President, diskussjoni miftuħa mill-istake holders kollha għax din ma hix kwistjoni ta’ Knisja u stat, imma l-ben essere tas-soċjeta’ kollha.  Grazzi tax-xogħol u kburi bikom.  Fl-aħħar nett huwa radd ħajr lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor urewh solidarjeta’  u għajnuna matul il-mandat tiegħu.

Preżenti għal din is-serata kien hemm ukoll l-E.T. Mons Isqof Mario Grech, l-Onor Ministru għal Għawdex  Dr Anton Refalo u s-sinjura tiegħu, l-Onor Justyne Caruana u l-familja, Dun Gorġ Borg u Mons Anton Borg, tal-ewwel ex direttur tal-Moviment ta’ Kana,  flimkien ma’ ħafna qraba u ħbieb tal-familja Attard kif ukoll għadd sabiħ ta’ Għawdxin mill-kommunita’  li tiffrekwenta dan l-Istitut li ta’ kuljum, barra ħafna servizzi oħra, joffri wkoll il-quddiesa.

Fil-messaġġ tiegħu l-Ministru għal Għawdex sellem lill-familja rebbieħa u wera kif jafha mill-qrib; huwa feraħ lil iben il-kbir fi ħdan il-familja Attard li kien ta’ ispirazzjoni għal ħutu l-oħra u kif  lemaħ fihom dejjem l-imħabba u l-għaqda.   Huwa kompla jgħid li fil-familja l-qofol ta’ kollox hija l-imħabba u din dehret fl-aqwa tagħha erba’ xhur ilu meta omm u iben għaddew minn operazzjoni delikata biex illum l-omm qed tgawdi minn kilwa li taha binha. Il-Ministru għamel riferenza għal diskors tal-Papa attwali dwar il-familja u tenna li biex ikollok familja b’saħħitha, ma jridu qatt jonqsu dawn tlett kelmiet: ippermettili, grazzi u skużani.

Mons Isqof Mario Grech ukoll sellem mill-qalb lill-familja Attard u ferħilha f’din l-okkażjoni.  Huwa beda biex qal li bħalissa qed jagħmel vista pastorali fil-gżira Għawdxija u għalkemm din tfisser strapazz u għeja,  imma fiha ħafna mumenti sbieħ.  Jeżistu f’din il-gżira, qal l-Isqof, ħafna familji b’qalb tad-deheb; bejn l-erba’ ħitan tad-dajr, iseħħu l-mirakli.  L-isqof staqsa min seta’ sabbar lill-familja Attard minn dak kollu li għaddiet minnu!  Kienet propju l-familja tal-oriġini li minnha tlaqna li mexxietha u għanietha b’qalb tad-deheb.  Irridu nittrasmettu l-valuri li writna minn għand misserijietna; il-livell akkademiku huwa tajjeb fostna imma dan ma hux biżżejjed; min se jeduka l-qalb!   L-ewwel edukatattriċi hija l-familja.  Ma nistgħux nabbdikaw jew ngħaddu dan id-dmir lill-ħaddieħor.  Il-kliem mhux biżżejjed jekk dan ma jkunx akkumpanjat mill-eżempju.

Kien in-Nutar Dr Paul G. Pisani, Chairman tal-Bord tal-Għażla, li ħabbar il-familja rebbieħa u kif il-Bord tiegħu wasal għal din il-konklużjoni li ntaqlgħet ferm tajjeb minn dawk kollha preżenti fis-sala.

Apparti s-Shield bil-qalb tad-Deheb, il-familja Attard ingħatat rigali mill-Isqof, mill-Ministru għal Għawdex, mill-Istitut tal-Familja Gwanni Pawlu t-Tieni kif ukoll mill-isponsors A.F. Ellis Ltd, Crosscraft, Caruana & Cini Ltd, Paul Zammit ta’ Distinct Homes, Francis Caruana Ltd, FXB Group, Fu Hua Restaurant, Galea General Services Ltd, Kartell Restaurant, Magro Group of Companies, Orienta, S. Bajada & Sons Ltd u m’għand Silhouette the Light Shop.

Is-serata kienet imżewqa għal darba oħra mill-kor ‘Chorus Urbanus’ li taħt id-drezzjoni tal-Mro Dr John Galea kanta Locus Iste ta’ Anton Bruckner kif ukoll Cantate Domino ta’ Giuseppe Ottavio Pitone.  Qabel il-kant tal-Innu Nazzjonali, fuori programma, b’turija ta’ rispett lejn il-President ta’ Malta li sa jtemm il-mandat tiegħu fl-4 ta’ April, il-Kor kantalu l-Va Pensiero mill-Opra Nabucco ta’ Giuseppe Verdi.

Preżentaur tas-Serata:  Kav Joe M Attard

Kav Joe M Attard
emarjos@hotmail.com