Żewġ Akkoliti ġodda għad-Djoċesi ta’ Għawdex

Press Release 19 ta’ Diċembru 2013:

joseph-attard-u-mario-curmi-flimkien-mal-isqof-mario-grech.JPG

Nhar il-Ħadd li għadda, 15 ta’ Diċembru, it-tielet Ħadd ta’ l-Avvent, fil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ta l-Ministeru tal-Akkolitat lil żewġ seminaristi tad-Djoċesi ta’ Għawdex: Joseph Attard mill-parroċċa taż-Żebbuġ u Mario Curmi mill-parroċċa tax-Xagħra.

Il-Ministeru tal-Akkolitat jingħata lil dawk il-lajċi, normalment f’mixja ta’ formazzjoni lejn is-saċerdozju, li l-Knisja tagħtihom il-fakultà li jgħinu fit-Tqarbin Imqaddes waqt il-Liturġija kif ukoll fid-djar tal-morda.

Fl-omelija, l-Isqof Grech tkellem dwar Ġwanni l-Battista bħala mudell tal-virtù tal-umiltà.  Għalkemm hu kien bniedem sod f’fehmietu u “aqwa minn profeta”, il-Vanġelu jgħidilna kif mill-ħabs ta’ Erodi fejn kien miżmum hu ried ikompli jistħarreġ l-għarfien tiegħu ta’ min hu Kristu, biex ukoll jagħraf aħjar lilu nnifsu.  Fi kliem l-Isqof Grech, dan hu messaġġ ċar għall-komunità Nisranija li qed titħejja għall-Milied.  Aħna trabbejna f’kultura Nisranija bir-riskju li naħsbu li lil Ġesù nafuh biżżejjed.  Imma anki aħna bħal Ġwanni għandna bżonn nagħrfu lil Ġesù iżjed u nistħarrġu lilna nfusna aħniex ngħixu bil-fedeltà s-sejħa Nisranija tagħna.

L-eżempju tal-Battista jgħodd ukoll għall-Akkoliti l-ġodda f’mixja ta’ formazzjoni lejn il-ministeru saċerdotali.  Mhux biżżejjed li jkunu jafu lil Ġesù mill-klassijiet tal-formazzjoni tat-Teoloġija u t-talb personali.  F’din il-fażi ta’ dixxerniment tagħhom, jeħtieġ jitolbu lil Alla d-don tal-umiltà u bħal Ġwanni ma jehdew qatt jistaqsu jafux biżżejjed lill-Mulej Ġesù waqt li jkomplu jistħarrġu wkoll lilhom infushom.  Dan hu l-ministeru profetiku fil-Knisja, tenna l-Isqof.

Hu mbagħad ikkwota lil Sant’Anġela minn Foligno, li titkellem dwar l-esperjenza tal-“ħabs interjuri” fejn il-bniedem jitgħallem il-lezzjoni tal-umiltà, għax jeħles mill-egoiżmi tiegħu u kontinwament jagħraf ix-xejn tiegħu quddiem il-kobor ta’ Alla.  “Fid-dawl ta’ l-esperjenza ta’ Ġwanni l-Battista, li sal-lum għadu jħejjina biex niltaqgħu ma’ Kristu, nitolbu lil Alla jżejjinna bil-virtù tal-umiltà, għax lil Ġesù Kristu qatt ma nafuh biżżejjed”, qal l-Isqof.  L-umiltà hi li tistimulana biex bħal Ġwanni ma nehdew qatt nistaqsu hemmx bżonn inkunu nafu iktar lil Ġesù.

L-Isqof Grech temm ir-riflessjoni tiegħu billi ħeġġeġ lill-Knisja tapprofitta mill-għajnuniet kollha tal-grazzja ta’ Alla, speċjalment fiż-żmien li ġej tal-Milied, biex bl-umiltà niltaqgħu mal-verità, għax mingħajrha ma nistgħux anqas naċċettaw il-verità li l-Iben ta’ Alla sar  bniedem biex jifdina.  Hu sejjaħ lill-Knisja ħalli tkompli titlob għall-vokazzjonijiet, kemm dawk ġodda u kemm dawk li l-Mulej ilu li sejjaħ għal warajh, biex kollha jikbru fil-virtù tal-umiltà, ħalli ma jaqgħux fit-tentazzjoni li jwasslu lilhom infushom flok lil Kristu.  “Il-vokazzjoni hi ħaġa qaddisa”, temm jgħid l-Isqof, “u trid tkun il-grazzja tal-Mulej u l-għajnuna ta’ Ommna l-Knisja biex nistgħu nwasslu b’fedeltà sat-tmiem dak li l-Mulej fdalna”.

Ritratt: Matthew Vella