Tifkira tat-Twaqqif tal-Ewkaristija (Ħamis ix-Xirka)

L-EWKARISTIJA: IKEL GĦALL-EŻILJATI

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ħamis ix-Xirka: Tifkira Solenni tat-Twaqqif tal-Ewkaristija
Knisja Katidrali – Il-Ħamis 6 ta’ April 2012

Għandna xewqa ta’ Alla?
Il-bniedem tal-lum qed jgħix fl-eżilju, ’il bogħod minn Alla; mhux għax Alla ma jinteressahx mill-bniedem, imma għax dan tal-aħħar għażel li jeżilja lil Alla!  Għaddew erbgħin jum minn meta l-Arċisqof Cremona u jien wassalnielkom Ittra Pastorali fejn tkellimna dwar din l-esperjenza tal-eżilju li qed jgħixu llum il-bniedem u n-Nisrani!  F’dik l-Ittra fissirna xi jfisser tgħix fl-eżilju mifrud minn Alla, bħal meta “taħseb li dak li tiddeċiedi inti huwa tajjeb jew ħażin bla ma tagħmel l-ebda rabta mal-Kelma ta’ Alla; meta taħseb li f’ħajtek m’għandekx bżonn lill-Mulej Ġesù u lill-Knisja li ħallielna hu, ħlief meta tiltaqa’ ma’ xi emerġenza…; meta tintilef fil-ġirja għall-affarijiet materjali bla ma tagħti kas tal-etika u l-ġustizzja.  B’mod ġenerali nistgħu ngħidu li nkunu fl-eżilju spiritwali meta f’ħajjitna npoġġu fil-ġenb il-Kmandamenti ta’ Alla” (mill-Ittra Pastorali tar-Randan 2012).

Ħadd ma jista’ jiċħad li l-istil tal-ħajja li qegħdin ngħixu jikkuntrasta bil-kbir mal-Vanġelu ta’ Kristu!  Il-gwaj hu li bħal donna drajna ngħixu f’din il-qagħda.  Wieħed rabbi Lhudi jgħid li għal-Lhud l-eżilju ma bediex meta marru jew ħaduhom l-Eġittu jew il-Babilonja, imma beda verament meta fil-qalb tal-Lhud intfiet ix-xewqa li jirritornaw lejn arthom.  L-eżilju tagħna huwa kiefer għax bħal donnu fil-qalb tagħna qed tnin ix-xewqa li nirritornaw għand Alla!

Fl-eżilju jistgħu jeħduk jew tmur int.  Naħseb li aħna għandna minn tat-tnejn.  Hemm mumenti fejn aħna nagħżlu li nitbiegħdu mit-triq ta’ Alla u mill-Knisja.  Il-Fargħun tal-lum għandu isem ieħor, imma jeżisti u qed jagħmel ħiltu biex ibegħidna minn Alla.  Imma aħna m’aħniex nintebħu!  Illum il-Fargħun qed jinseġ kultura, sistema soċjali u filosofija ta’ ħsieb biex lilna jkompli jorbotna fl-iskjavitù tal-eżilju!

L-ikla ewkaristika
Fl-Ewwel Qari (Eż 12:1-8,11-14) smajna li Alla talab lill-poplu Lhudi fl-eżilju biex fl-erbatax tax-xahar filgħaxija joqtol ħaruf meħud min-nagħaġ jew mill-mogħoż u jroxx mid-demm tiegħu fuq il-ġnub u l-blatiet tal-bibien tad-djar fejn ikunu ser jikluh!  Kienet din l-ikla li xejnet ir-rieda tal-Fargħun u ssodat ir-rieda tal-Lhud biex jaqbdu u jitilqu mill-eżilju fi triqthom lejn l-Art Imwiegħda.  L-ikla tathom is-saħħa biex idgħajfu lill-Fargħun u hekk jiksbu l-ħelsien.

Illum iltqajna biex infakkru meta Ġesù waqqaf l-Ikla tal-Ewkaristija fejn il-ħaruf mhux aktar frott tal-bhejjem, imma huwa l-istess Iben ta’ Alla li sar bniedem, li fi kliem Ġwanni l-Battista huwa “il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”.  Huwa dan il-Ħaruf ta’ Alla li jqaċċat il-ktajjen tal-iskjavitù.  Huwa dan il-Ħaruf li jagħtina Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb, biex hekk il-komunità Nisranija ssib il-qawwa biex tixxennaq aktar ħalli tingħaqad mal-Mulej.  B’dan il-mod il-komunità Nisranija tikseb l-enerġija biex la teżilja lilha nfisha u lanqas ma tħalli lil ħaddieħor jeżiljaha.

Nifhem li ħafna drabi nħossuna dgħajfa, imbeżżgħa, esklużi u mgħajra, u allura nibdew naqtgħu qalbna.  Imma l-Mulej Ġesù f’dan il-lejl ħallielna din l-Ikla Ewkaristika: tana Demmu biex ninħaslu bih u rroxxuh fuq il-ġnub u l-blatiet tad-djar tagħna, biex xħin jgħaddi l-anġlu tal-qerda, ma jagħmlilniex ħsara!  Imma hemm bżonn nemmnu aktar fil-valur enormi u l-qawwa li ssalva tal-Ewkaristija.

Il-ġurnata tal-Ħadd
Sfortunatament qed jikber in-numru ta’ dawk li jqisu l-Ewkaristija bħala lussu u għalhekk jistgħu jippermettu li jitbiegħdu minnha!  Illum ħafna huma dawk li mhux biss irrinunzjaw għall-Quddiesa ta’ kuljum, imma wkoll għall-Quddiesa tal-Ħadd!  Il-kultura ta’ żmienna mhix tgħinna biex ngħożżu l-Ħadd bħala Jum il-Mulej.

Dan l-aħħar rajna prassi ġdida li ġiet introdotta fis-soċjetà, fejn il-ħwienet jistgħu jiftħu fil-festi pubbliċi, u għalhekk ħafna tnaqqrilhom il-ħin li normalment kien ikollhom għall-mistrieħ u attivitajiet oħra.  Għal darb’oħra r-regoli tal-ekonomija rebħu fuq il-bniedem!  Bosta ħarġu jikkritikawni għax għidt li l-Ħadd għandu valur ċiviku bħala jum ta’ mistrieħ – valur li jaqbel mat-tifsira Nisranija ta’ dan il-jum.  Ma nkunux aħna li nikkontradixxu lilna nfusna u nipprofanaw u niddesagralizzaw Jum il-Mulej, li għandu jkun immarkat bis-sehem tagħna f’din l-Ikla Ewkaristika.  Aħna l-Insara, propju għax immotivati mit-twemmin tagħna, għandna nkunu minn tal-ewwel li ma nużawx dan id-dritt li qed tagħtina l-Awtorità Ċivili biex il-jiem pubbliċi (u minn hawn u ftit ieħor anki l-Ħdud) ikunu jiem ta’ negozju!

L-Ewkaristija ssaħħaħ u tħeġġeġ id-dixxipli fil-mixja tal-ħajja
Qabel il-festa tal-Għid, Ġesù Kristu kien jaf x’kien hemm jistennih – kien jaf li kien hemm folla rrabjata, aggressiva u vjolenti lesta biex tneħħih min-nofs!  Ġesù kien konxju li fis-soċjetà kien hemm min ried jgħaddih minn passjoni ħarxa u jagħtih il-mewt.  Ġesù mhux biss kellu għarfien ta’ dan kollu, imma kien konxju wkoll minn dak kollu li kien hemm lest għad-dixxipli tiegħu.  Fil-fatt lill-Appostli Ġesù qalilhom: “Il-qaddej mhuwiex akbar minn sidu.  Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll” (Ġw 15:20).  Darb’oħra qalilhom: “Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi…  Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra” (Mt 10:22).  Kien jaf l-Iskrittura li tgħid: “Nidrob ir-ragħaj u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu” (Mt 26:32).  Fil-fatt ftit wara li miet Ġesù, id-dixxipli tferrxu, uħud telqu minn Ġerusalemm u marru fid-Dijaspora.

Fl-Ittra Pastorali tar-Randan għamilna wkoll referenza għal din l-esperjenza tal-Insara mxerrda, mitlufa u moħbija fid-Dijaspora.  X’kien li lill-Insara li kienu mferrxin u ppersegwitati żammhom determinati?  Kienet l-Ewkaristija!  Bħall-Insara tad-Dijaspora, aħna llum faċli nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet fejn dawk ta’ madwarna jagħtu daharhom lil Kristu u lill-Vanġelu.  Madwarna llum għandna min huwa aggressiv għal Kristu u kontra l-Vanġelu tiegħu.  Ma naqtgħux qalbna; ninġabru aktar madwar il-Mejda tal-Ewkaristija li twaħħadna ma’ Kristu u ma’ xulxin u sseddaqna fid-duttrina li jgħallmuna Kristu u l-Knisja.  Hija din l-ikla li tagħtina s-saħħa biex immorru kontra l-kurrent u biex naħsbu b’mod differenti minn kif qed taħseb id-dinja: “Intom fid-dinja imma m’intomx tad-dinja”.  Sfortunatament aħna drajna nikkoabitaw mad-dinja!  Id-duħħan tad-dinja daħal ukoll mit-twieqi mbexxqa tal-Knisja!  Propju minħabba f’hekk tlifna dak li huwa speċifiku tagħna l-Insara u ma għadniex inkunu preżenza skomda għas-soċjetà.

Nifhem li għandna triq għat-telgħa quddiemna; hemm id-diffikultajiet.  Imma għandna magħna lil Ġesù Ewkaristija.  Illejla lil Ġesù Ewkaristija ser inqiegħduh mhux fis-Sepulkru imma fuq l-Altar tal-Adorazzjoni Solenni.  Matul dan il-lejl, filwaqt li dawk li ma jinteressahomx minn dak li qegħdin niċċelebraw ifittxu li jiddevertu, aħna l-Insara nieqfu fil-preżenza tal-Imgħallem nagħmlulu kumpanija.

Minn hawn u ftit ieħor, fuq l-eżempju ta’ Ġesù li ħasel saqajn l-Appostli, jien ser naħsel is-saqajn ta’ xi rġiel minn fostkom.  F’dan il-ġest ta’ mħabba, nistħajjel lil Ġesù jitbaxxa quddiemna, pellegrini fil-mixja mill-eżilju lura għall-Art Imwiegħda, u bl-ilma li jferra’ fuq riġlejna jaħsilna mit-tajn u jiffriskana biex nirbħu l-għeja u nerġgħu nimtlew bis-saħħa ħalli nkomplu t-triq li għandna quddiemna.