Jum il-Ħajja 2012 jiffoka fuq iż-żgħażagħ

poster-jum-il-hajja-2012.jpg

Żgħażagħ miftuħa għall-ħajja hi t-tema magħżula mill-Konferenza Episkopali Taljana  għal Jum il-Ħajja 2012.  Dar Ġużeppa Debono, li qed twettaq diversi inizjattivi interessanti biex ixxerred il-“kultura tal-ħajja” fost id-diversi kategoriji tas-soċjetà Maltija, sa tfakkar dan il-Jum b’għadd ta’ attivitajiet, għax temmen bis-sħiħ li “iż-żgħożija vera tinsab u tiffjorixxi f’min ma jingħalaqx għall-ħajja”.  Fil-fatt, bosta huma ż-żgħażagħ li jwettqu ħidma volontarja fi ħdan din l-entità Għawdxija.

Nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar, fil-5.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sa jmexxi Konċelebrazzjoni Solenni fis-Santwarju Ta’ Pinu.  Imma siegħa qabel, fl-4.00pm, il-pubbliku hu mistieden jieħu sehem f’mixja simbolika, bis-sehem tal-voluntiera u l-istudenti ta’ l-iskejjel Għawdxin, li titlaq mnejn is-siġra li tinsab fil-bidu tat-triq li tieħu għas-santwarju.  Tul din il-mixja, sa jsiru disa’ waqfiet żgħar li fihom jinqraw riflessjonijiet qosra fuq diversi temi marbuta mal-valur tal-ħajja miktuba minn Dun Richard N. Farrugia.  Dawn il-waqfiet ikunu animati wkoll bi preżentazzjoni koreografika mill-istudenti ta’ l-Academy of Dance.  In-numru disgħa ġie magħżul apposta biex jissimbolizza x-xhur tat-tqala fil-ġuf ta’ l-omm.

Fl-istess ġurnata, fuq iz-zuntier jew fit-taraġ prinċipali ta’ diversi knejjes parrokkjali f’Għawdex sa jitwaħħlu ma’ l-art speċi ta’ passi kkuluriti li jwasslu messaġġi pożittivi fuq il-ħajja lil min ikun dieħel fil-knisja għall-Quddiesa.  Sa jsiru wkoll Quddies u adorazzjonijiet b’talb speċjali għall-ħidma favur il-ħajja.

L-aħħar attività għal Jum il-Ħajja ta’ din is-sena ħa tkun immirata b’mod partikulari għaż-żgħażagħ.  F’laqgħa apposta għalihom, Dun Richard N. Farrugia, saċerdot żagħżugħ li qed jistudja t-Teoloġija Morali f’Ruma, u Dr Margaret Spiteri, tabiba speċjalizzata fil-Ginekoloġija, sa jaqsmu maż-żgħażagħ xi riflessjonijiet fuq il-valur tal-ħajja mil-lenti bioetika kif ukoll tas-saħħa fiżika.  Din il-laqgħa ħa ssir nhar is-Sibt 11 ta’ Frar, fis-2.00pm, f’Dar Ġużeppa Debono, Għajnsielem.

Għal aktar tagħrif, żur il-websajt tad-Dar www.darguzeppadebono.org jew ċempel 21552595.  Dar Ġużeppa Debono toffri diversi servizzi, fosthom għajnuna u sapport dirett lil xebbiet ommijiet u l-familji tagħhom.  Dan l-aħħar, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Aġenzija Appoġġ, għadha kemm estendiet is-servizz Home-Start għal Għawdex, u ppubblikat ukoll sussidju ta’ riżorsi għall-għalliema fl-iskejjel primarji bit-tema The Beauty of Life, grazzi għal fondi mogħtija mill-iskema eko-Għawdex.