Ċirkulari 21/2011
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Superjuri Reliġjużi
DIRETTIVI DWAR INVESTITURI U ĊELEBRAZZJONIJIET
TA’ ORDNIJIET KAVALLERESKI
Billi ġejna mitluba biex il-Kurja f’Għawdex ikollha linji gwida ċari dwar x’għandha tkun ir-relazzjoni uffiċċjali tagħna bħala Knisja mal-Ordnijiet Kavallereski, ninfurmakom illi:
1. Ebda investitura ta’ Kavallieri ma tista’ ssir fil-knejjes tagħna jekk l-Ordni involut ma jkunx rikonoxxut uffiċċjalment mis-Santa Sede. Dawk li għandhom dan l-għarfien huma l-Ordni Militari Sovran ta’ Malta (SMOM) u l-Ordni Ekwestru tas-Santu Sepulkru ta’ Ġersualemm.
2. Dawk l-Ordnijiet li ma għandhomx l-għarfien tas-Santa Sede ma jistgħux jieħdu sehem f’purċissjonijiet u f’funzjonijiet oħra tal-Knisja bl-abitu kavalleresk.
3. Is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi ma għandhomx jaċċettaw li jsiru membri ta’ Ordnijiet Kavallereski jekk mhux bi qbil tan-normi tas-Santa Sede u bil-permess tal-Ordinarju.
Maħruġa mill-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, Ir-Rabat, illum, 6 ta’ Diċembru 2011.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Mons. Salv Debrincat
Kanċellier