Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.19

 

19 ta Ottubru, 2011

Quddiesa b’sufraġju tal-Isqof Joseph Grech

Dalgħodu l-Isqof Mario Grech mar fuq il-qabar tal-E.T. Mons Isqof Joseph Angelo Grech, isqof tad-djocesi ta Sandhurst, li miet fit-28 ta Dicembru li għadda fl-eta ta 62 sena. L-Isqof Joseph Grech, li huwa midfun fil-katidral ta Bendigo, għamel għaxar snin ragħaj spiritwali ta din id-djocesi.

Mons Isqof Mario Grech mexxa quddiesa konċelebrata f’sufraġju tal-Isqof Joseph Grech. Iqaddsu ma l-Isqof Mario, kien hemm Fr. Emmanuel Bonello, l-Arcipriet Paul Cardona, Fr. Eddie Zammit, Fr. John Sultana, Patri Remig Galea ofm cap., u Fr Tony Shallue mid-djocesi ta Bendigo.  Fl-omelija l-Isqof Mario għamel din ir-riflessjoni:

“Ġejna f’dan il-katidral b’turija ta rispett lejn l-ħabib u kon-ċittadin tagħna, l-Isqof Joseph Angelo Grech li l-fdalijiet tiegħu qed jistrieħu fil-kripta ta dan il-katidral.  Xahar qabel miet, l-Isqof Joseph Grech kien Malta għall-ordinazjzoni sacerdotali ta Fr. Robert Galea. Dak inhar kelli l-okkazzjoni niltaqa darbtejn mal-Isqof Joseph. Nistqarr li dak inhar ma kienx tani l-impressjoni li kien riesaq lejn it-tmiem ta ħajtu; pero, jien konvint li l-Isqof Joseph kien ippreparat biex jiltaqa mal-Mulej li tant kien iħobb!

L-Isqof Joseph kien vulcan kontinwament itajjar in-nar tal-Ispirtu li kellu fiħ!  L-Ispirtu s-Santu kien is-siġriet tal-entusjasmu spiritwali u pastorali tiegħu. Ilkoll niftakru kemm l-Isqof Joseph kellu għal qalbu l-Moviment Karizmatiku. In-Nunzju Apostoliku għall-Awstralja, l-E.T. l-Arcisqof Mons. Lazzarotto, meta ltqajt miegħu ftit jiem ilu, qalli li wara l-mewt ta l-Isqof Joseph, l-Amministratur tad-Djocesi ta Sandhurst qallu li dam tlett xhur jircievi ittri ta kondoljanzi mingħand gruppi karizmatici minn madwar id-dinja – fatt li jikkonferma li l-Isqof Joseph kien rikonoxxut bħala awtorita fi ħdan dan il-Moviment tal-Ispirtu.  Għax kien jafda fl-Ispirtu li kien imexxiħ, l-Isqof Joseph ma kienx bniedem tal-istrutturi u tar-regoli tal-bnedmin, imma kien isqof tan-nies!

Dan jispirani biex nitlob lil Alla ħalli jkompli jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, partikularment dik f’pajjizna u dik fl-Awstralja – għax jekk il-Knisja tiftaqar mill-presenza tal-Ispirtu, tkun qisha ġisem mingħajr ruħ! Nemmen li hemm bzonn urgenti li kif jikteb il-profeta Ezekjel, l-Ispirtu jerġa jagħt il-ħajja li tant skeletri li hemm fil-Knisja u fis-socjeta, ilibbishom fil-muskoli u l-laħam biex mill-ġdid jerġgħu jibdew ixandru l-bxara it-tajba!

Proprju f’din l-okkazzjoni nixtieq nikkomunikalkom ufficcjalment li l-Papa Benedettu XVI għadu kif ħabbar li jixtieq li s-sena 2012-13 tkun iċċelebrata fil-Knisja kollha bħala “is-sena tal-fidi”. Mingħajr l-imbuttatura tal-Ispirtu s-Santu la nistgħu nemmnu anqas insibu l-qawwa biex il-fidi tkun riflessa fl-opri tagħna. Għalhekk, imnebħin mill-ezempju qaddis tal-Isqof Joseph Grech, ma nhedewx naħdmu biex il-Knisja tkun manifestazzjoni tal-presenza tal-Ispirtu s-Santu.
L-Isqof Joseph Grech kien midħla ħafna tad-diffikultajiet marbuta mal-immigrazzjoni. L-attenzjoni u l-imħabba li l-Isqof Joseph kellu lejn dawn il-persuni ma tistax ma tqanqalnix biex aħna, li ukoll għandna din l-isfida tal-immigranti f’pajjizna, ninteressaw ruħna aktar biex quddiem din id-drama umana jingħataw soluzzjonijiet li jkunu jixierqu lid-dinjita tal-bniedem.

Matul din iz-zjara pastorali fl-Awstralja jien qed niġi f’kuntatt personali mar-realta kumplessa tal-emigranti Maltin. Huwa fatt li fost dawn l-emigranti kien hemm ukoll saċerdoti u reliġjuzi, fosthom l-Isqof Joseph Grech.  Dan kollu jfakkarni fid-dimensjoni missjunarja tal-Knisja. Normalment l-emigranti ġew l-Awstralja biex jaqlgħu l-ħobza ta kuljum. Imma s-sacerdoti u r-religjuzi li waslu f’dan il-kontinent kellhom għan differenti: huwa fetxew li jissettiljaw hawnhekk għax ħabbew lil Gesu, lill-Knisja u lil bniedem, specjalment lil min kien fil-bzonn. Jien inħossni kburi li nagħmel parti mill-Knisja Maltija li  sa llum kellha qalb missjunarja kbira!  Importanti li ma nħallux din il-qalb tieqaf għax Knisja nieqsa minn dan il-ftuħ missjunarju, ma għandhix futur! Ikun zball gravi jekk il-Knisja tagħna ddur fuqha nnifisha u ma tibqax issostni l-kawza missjunarja”.

Wara li ntemmet il-quddiesa, l-Isqof Grech flimkien mal-grupp kollu ta dawk prezenti, inġabru madwar il-qabar, għamlu xi talb u kantaw s-Salve Regina.