Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.16

16 ta Ottubru, 2011

Festa ta Stella Maris

Nhar il-Ħadd fis-2.30 p.m. l-emigranti Maltin li joqgħdu f’North Reserviour, Melbourne, iltaqgħu fil-knisja parrokkjali ta San Guzepp Ħaddiem fejn l-Assoċċjazznoi “Stella Maris” iċċelebrata l-festa ad unur tal-Madonna. L-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fliemkien ma xi saċerdoti oħra, fostkom Dun Manwel Bonello (il-kappillan ta din il-parroċċa), Fr. Domenic Degorgio, Fr. Eddie Zammit, Fr. John Sultana u l-Arcipriet Paul Cardona. Fl-omelija l-Isqof Grech wassal dan il-messaġġ:

“F’ċertu sens il-Farizej ta zmien Kristu kienu iffurtunati aktar minna llum! Għaliex almenu huma sabu lil xi ħadd li setgħu jirrikonoxxuh bħala “mgħallem tajjeb”! Kemm sar diffiċli llum li nsibu “mgħallem” li nistgħu noqgħodu fuqu – xi ħadd li kliemu verament iserraħ il-moħħ! Nafu kemm nafu, aħna lkoll nistaqsu ċerti mistoqsijiet u għalhekk f’ħin jew ieħor ilkoll nixtiequ niltaqgħu ma dik il-persuna li għandha l-ħila li tagħtina t-tweġiba! Mhux għax ma hawnx min jippretendi li għax huwa “mgħallem”, kapaċi jgħallem! Imma l-esperjenza tixhdilna li mhux kull “mgħallem” huwa “mgħallem” – anżi, ġie li jiġrilna li meta nserħu fuq dawk li huma “pseudo” għalliema, kellna nħalsu preżż qares!  Fil-ħajja jiġri li nisemgħu kliem sabieħ li jsaħħarna tant li naċċetawh, imma imbagħad niskopru li nkunu bnejna fuq ir-ramel! Xi drabi jkun tard wisq meta niskopru li xi ħadd ikun qarraq bina!

Illum il-verita saret skarsa wisq! Il-kelma saret irħisa ħafna u għalhekk kotor il-logħob bil-kliem! Hemm temi serji ħafna li sfortunatament illum aħna mħawdin dwarhom. Per ezempju llum qed insoffru minħabba nuqqas ta definizzjoni ċara u preciza ta min hu l-bniedem, x’inhi l-imħabba vera, x’inhi l-ġustiżżja etc. M’hemmx qbil dwar x’inhi l-ħajja umana jew meta tibda u tintemm il-ħajja! Illum għandna fehmiet konfuzjunarji dwar x’inhuma ż-żwieġ u l-familja. F’dan kollu qed taħkem dak li l-Missier tagħna l-Papa Benedettu XVI isejjaħ “id-dittatura tar-relattivizmu” – fejn il-bniedem jaħseb li l-verita mhix waħda oġġettiva, imma kulħadd għandu d-dritt li jafferma l-verita li jidhirlu hu jew hi!  Frott ta din il-kultura, dak li huwa veru għalik, jista jkun falz għal ħaddieħor! Għalhekk f’dan il-kuntest, ma hemm xejn li huwa ċert biex isserraħ fuqu!

It-taħwid jezisti ukoll dwar x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin! Il-bniedem ħoloq diversi sistemi etici; u peress li reġoli tal-imġieba ma għandhomx pedament ta verita oġġettiva waħda, spiss jiġri li dawn is-sistemi jmorru kontra xulxin u dak li huwa tajjeb għal wieħed, huwa ħazin għal ħaddieħor.

F’dan il-kuntest nistgħu nifhmu kemm kienu xortihom tajba l-Farizej ta zmien Kristu li għaliħ setgħu jgħidu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb  is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. [Mt:22:17].  Għax kif jgħid il-Malti,  « is-sewwa hija bint Alla » fis-sens li Alla huwa l-għajn tal-verita. Kristu nnifsu qalilna : « Jien it-triq, il-verita u l-ħajja ». Hu jgħallimna l-verita kif inhi bla ma jħares lejn wiċċ ħadd ! Għax huwa l-istess verita, Kristu huwa ħieles. Il-bniedem mhux hekk! Qabel xejn, min ma għandux għarfien tal-verita, hu nnifsu mhux kompletament ħieles ; imbagħad, jiġri li anke min laqa għandu s-sewwa, ħafna drabi tant iħossu kkundizzjonat minn dawk ta madwaru, tant jista jirriskja li jitlef minn dak li għandu jew jista jkollu, illi mhux ħieles li jitkellem skont is-sewwa ! Il-verita għandha preżż għoli u xi drabi m’aħnix lesti li nħalsu dan il-preżż biex inkunu sinċieri. Tassew li wieħed jista jkollu jissagrifika ħafna biex jikseb il-verita ; imma fl-istess waqt, wieħed kapaċi jissagrifika l-istess verita, biex mingħalih jagħmel xi akkwisti oħrajn !

Għalhekk f’dinja mudlama minħabba n-nofs veritajiet u minħabba l-gideb u l-falzita, nitolbu lil Marija, « Kewkba tal-baħar » tkun id-dawl li jgħinna nersqu għand Kristu, l-imgħallem tajjeb, li fiĦ hemm « il-milja tal-verita ». Marija, li fi ħdanha ħolqot spazju għall-Kelma Divina u  saret « tron tal-għerf », hija mudell għalina l-bnedmin li aħna imxenqin għal verita. Jekk il-verita tgħammar fina kif straħet fuq Marija, aħna nsiru kewba polari għas-soċjeta diffidenti u konfuza ta zmienijietna biex nindikaw id-direzzjoni biex il-bniedem jirbaħ id-dlam ta l-injoranza ».

Wara l-quddiesa, l-Isqof Grech ta l-barka sagramentali.

Imbagħad saru xi diskorsi u prezentazzjonijiet mis-Sur Emmanuel Brincat  u s-Sur Charlie Xerri,  President tal- « Stella Maris Maltese Association ».

Filgħaxija fis-sala tal-parroċċa sar kunċert taħt il-presidenza tal-Isqof Grech bis-sehem ta zewġ baned Maltin – Maltese Own Band Philarmonic Society u l-Malta Gozo Concert Band.