Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.15

15 ta Ottubru, 2010

Quddiesa f’Ta Pinu

Folla mdaqsa ta emigranti mliet quddiem il-kappella ddedikata lil Madonna Ta Pinu mibnija fuq l-għolja ta Bacchus Marsh fejn l-Isqof Grech kien ser imexxi quddiesa koncelebrata.

Fis-2.30 p.m. mill-kappella ħarget purcissjoni preseduta mill-Isqof Grech li mxiet sa ħdejn is-“salib tal-Għolja” fejn l-Isqof bierek artal ġdid tal-irħam.  Meta l-purcissjoni reġgħet lura lejn il-kappella, fil-bidu tal-koncelebrazzjoni, Mons Beneditt Camilleri, li huwa responsabli minn dan il-proġett, għamel kelmtejn ta merħba lill-Isqof.

Fl-omelija ta din l-okkazzjoni l-Isqof Grech wassal dan il-messaġġ: “Fil-bidu ta din il-vizta pastorali fostkom l-emigranti Maltin u Għawdxin f’Melbourne, ħassejt li għandi nagħmel din l-ewwel quddiesa f’din il-kappella ddedikata lil Madonna Ta Pinu biex intenni dak li ktibt fl-Ittra li bgħattilkom ftit jiem qabel ma tlaqt minn pajjizna: irrid inqiegħed din il-missjoni tiegħi fostkom taħt il-ħarsien matern tal-Madonna Ta Pinu. Kif is-santwarju Ta Pinu f’Għawdex huwa waqfa obbligatorja għalikom l-emigranti kull meta tirritornaw lejn pajjiżna, kelli xewqa kbira li issa li qiegħed magħkom fl-Awstralja, jien nitlob magħkom u għalikom f’din il-kappella marjana li hija tifkira dejjiema tad-dar ta Marija f’Għawdex!

Il-Madonna Ta Pinu hija ikona li magħha niddentifikaw ruħna aħna l-Maltin u l-Għawdxin kollha!  Il-Madonna Ta Pinu hija simbolu nazzjonali għalina lkoll! Għalhekk quddiem din ix-xbieħa hawn f’Bacchus Marsh qed nistħajjilni li qed ningħaqad mal-emigranti kollha taghna f’dan il-pajjiz!

Peress li l-Madonna hija ukoll ikona li tipprezenta lill-Knisja universali. hija tħaddan lill-insara kollha! Għalhekk huwa qaddis il-ħsieb ta Mons Beneditt Camilleri li jagħmel minn dan il-kumpless marjan f’Bacchus Marsh “a marian shrine for all nations” – aktar ma nwessgħu r-reċint ta dan il-post qaddis, hawnhekk tissawwar aktar l-komunita ekklezjali li tħaddan fiha lil kull ġens u hekk toħroġ aktar fid-dieher il-figura ta Marija, Omm il-bnedmin kollha!

L-evanġelju li għadu kif tħabrilna, jitkellem dwar il-presenza ta Marija fit-tieġ ta Kana! F’dawn il-gimgħat li ilni fostkom, stajt nosserva l-imħabba tagħkom lejn il-familja. Sirt aktar konvint kemm ħafna mill-familji tagħkom irnexxilhom jgħelbu l-isfidi kbar tal-ħajja u baqgħu magħqudin. Jien konvint li l-fiduċja tagħkom fil-Madonna kienet strumentali biex għaraftu tgħaddu minn tant taħbit u l-familja tagħkom irresistit u baqgħet wieqfa! Zgur li f’mument jew ieħor, anke lilkom naqaskom l-imbid kif ġara lil għarajjes ta Kana, imma bl-intervent tal-Madonna irnexxilkom ma tħasrux il-festa tal-familja tagħkom! Jien perswazz li kif l-għarajjes ta Kana huma midjunin lejn Marija li bl-intervent tagħha quddiem Gesu, iffrankatilhom waħda kbira, hekk ħafna mill-familji tagħna jistgħu jagħtu xhieda li l-Madonna tassew “issalva l-familja” mit-tiġrib tal-ħajja.

Minkejja dan kollu, huwa fatt ukoll li għandna miżżewġin u familji li ma rnexxilhomx jgħelbu l-prova!  Kienu diversi dawk l-emigranti li b’għafsa ta qalb fdawli stejjer ta niket dwar l-insuccessi ta xi familji! Għandna koppji u familji li tħarbtu u nixfu għax naqsamhom “l-imbid”.  F’moħħi għandi dawk il-familji li tfixklu għax kienu xi ftit bla ħsieb u ħadnu l-istili ta ħajja li qed toffri d-dinja ta llum – modi ta ħajja li assolutament ifarku r-relazzjonijiet ta bejn il-membri tal-familja.  Niftakar f’dawk il-familiji li ċedew taħt il-pressjonijiet finanzjarji  tal-ħajja – forsi telqu b’intenzjonijiet tajba imma mbagħad is-sagrificcji tagħhom għall-familja wasluhom biex isagrifikaw lill-istess familja! Niftakar f’dawk li maz-zmien ħadnu bħala valuri dawk li ma humiex valuri peress li l-prijoritajiet li għandha s-soċjeta miskina tagħna llum f’kuntrast qawwija mal-ħajja taż-żwieħ u l-familja.  Naf ukoll li huma diversi dawk il-familji li baqgħux familji minħabba konflitti interni fl-istess familja bħal fil-kaz ta nuqqas ta qbil fuq il-wirt tal-familja!  Dawn l-esperjenzi u aktar battlu l-garar tal-imbid ta xi uħud mill-familji tagħna bil-konsegwenza li imbagħad ġarbu l-isfrattu.

Tajjeb li wieħed jinnota li fir-rakkont tal-miraklu ta Kana, mhux l-għarajjes kienu responsabli għal fatt li naqas l-imbid! It-tort kien tal-“kbar” li suppost ipprovdewlhom ħazna bizzejjed ta mbid. Hekk ukoll qed jiġri lil miżżewgin zgħazagħ tagħna. Huma l-adulti li xieraq li jagħmlu ezemi tal-kuxjenza u jistħarġu jekk liz-zgħazagħ tagħna aħnix nipprovdulhom imbid tajjeb …. jekk l-“kbar” humiex jagħtuhom ezempji tajba … jekk aħnix ngħhinuhom jagħmlu “ħazna” ta dak li huwa essenzjali għall-ħajja! Huwa piz li jagħfas fuq l-ispallejn tas-soċjeta adulta li toffri sussidji liż-żgħazagħ li qegħdin jitħejjew għaż-zwieg kif ukoll lil miżżewġin fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewga li normalment huma snin ftit delikati.

Il-formażżjoni għal ħajja miżżewga u għal ħajja tal-familja tiswa d-deheb! Fid-djocesi t’Għawdex qed nippruvaw noffru korsijiet ta tħejjija kemm lil dawk li qed jaħsbu biex jidħlu għaż-żwieg kif ukoll lil familji. Għalhekk nappella liż-żgħazagħ fi ħdan il-familji emigranti tagħna biex jieħdu b’impenn il-preparazzjoni tagħhom għaż-żwieġ – dan jista iservihom biex jaħżnu l-imbid mhux biss għal jum tat-tieġ imma għal ħajjithom kollha.

Ikun għaqal kbir jekk aħna nibqgħu ngħożżu d-devozzjoni lejn il-Madonna, Sultana tal-familja! Kif kienet mistiedna għat-tieġ ta Kana, importanti li Marija jkollha spazju ukoll fil-familji tagħna llum! Il-presenza tagħha hija meħtieġa biex il-miżżewġin ifittxu jagħmlu dak li jrid minnhom Gesu! Alla għandu pjan għaz-zwieg u l-familja u jekk aħna nħarsu dan il-pjan, iz-zwiegijiet u l-familji tagħna jgħelbu l-provi tal-ħajja. Imma ma nistgħux inkunu nafu x’inhiu r-rieda t’Alla għalina u għal familji tagħna jekk ma nkunux konvint mill-valur tat-talb, specjalment it-talb fil-familja! Inħeġġiġkom taqbdu f’idejkom il-kuruna tar-Ruzarju, li huwa talba marjana msejsa fuq l-Evanġelju. Il-familja li titlob flimkien issib il-qawwa li tibdel l-ilma fl-imbid … li timla sax-xfar l-ġarar vojta!.

Kif is-Santwarju Ta Pinu f’Għawdex huwa d-destinazzjoni ta ħafna familji li jfittxu rifuġjyu f’riglejn il-Madonna, nixtieq li din il-kappella Ta Pinu f’Bacchus Marsh issir santwarju ta pellegrinaġġi partikularment għall-familji kollha. Minn hawnhekk tistgħu ittiru bil-ħsieb lejn is-Santwarju uniku tal-Madonna Ta Pinu f’Għawdex fejn Marija għadha ttenni dak li qalet lil Karmni Grima – “ejja”.

Fi tmiem il-quddiesa, l-Isqof Grech ta l-barka Sagramentali u għamel prezentazzjoni ta tarbija lil Madonna Ta Pinu. Dawk prezenti kellhom l-okkazjzoni li jiltaqgħu mal-Isqof personalment.