Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.8

7 ta Ottubru, 2011

Fis-7.15 p.m. ta filgħaxija l-Isqof Mario Grech, akkumpanjat minn Monti Sultana, wasal fil-knisja “Our Lady of Peace” f’Greystanes, Pendle Hill. F’din il-parrocca hemm joqgħodu ħafna emigranti Għawdxin u Maltin. L-Isqof Grech kien milqugħ mill-Kappillan tal-paroċċa Fr. Bob Bossini.  Fis-7.30 bdiet quddiesa konċelebrata mill-Isqof Grech akkumpanjat mill-Kappillan Bossini, Fr Eddie Zammit, P. Remig Galea ofm cap., u  l-Arcipriet Paul Cardona.

Fl-omelija l-Isqof Grech wassal dan il-messaġġ:

“Meta dalgħodu ħaduni nara l-Blue Mountains, innutajt li kien hemm minjiera tal-faħam! Ftakart li kemm il-faħam kif ukoll id-djamanti huma magħmula mill-istess materjal; id-differenza tinsab fil-fatt li l-materjal li jinbidel f’djamant huwa dak li jkun ġarrab pressjoni qawwija!

Issa aħna ġie li nuzaw il-frazi “qisek faħma”! Fost il-bnedmin hemm ħafna li huma djamanti; imma imbagħad hemm ukoll il-“faħam”. Għandna individwi li tassew fihom valur u għandna oħrajn li meta tqis kemm huma msieken, iġibulek ħasra! Jien konvint li fostkom l-emigranti hawn ħafna “djamanti” u ġejt fostkom biex nagħmlilkom kuraġġ ħalli l-komunita maltija fl-Awstralja, filwaqt li tnaqqas il-“produzzjoni” tal-“faħam”  tibqa tkun minjiera li tipproduci d-djamanti u hekk n-nisel malti f’dan il-pajjiz jibqa mfittex u apprezzat għal valur u l-ġmiel tiegħu! Kollox jiddependi mit-tip ta “pressjoni” li rridu nħallu tgħafas fuqna!  Min mhux qiegħed taħt pressjoni?

Hemm il-pressjoni ġejja mill-ħajja mgħaġla ta madwarna – jekk ma noqgħodux attenti l-ħin ma għadux tagħna! Il-ħajja saret tellieqa sfrenata! Imbagħad hemm pressjoni kkawzata mill-ekonomija – biex wieħed ilaħħaq mal-ħajja, isib ruħu mgħobbi b’diversi piżijiet. Biex ma nsemmux il-madmad tad-dejn li xi drabi jwassal biex wieħed iċedi u jsir vittma tal-usura! Naf b’persuni li din il-problema kisritilhom x-xewka ta daharhom! Hemm minn minħabba xi vizzju, bħalma huwa l-logħob tal-ażżard u l-betting fuq iz-żwiemel, isibu ruħhom taħt pressjoni finanzjarja enormi. Id-droga hija flaġell ieħor li kapaci jikkawza pressjoni inġusta. Dawn it-tipi ta pressjoni mhux biss jitħnu l-persuni imma jdgħajfu u jkissru l-familji! Imbagħad hemm tal-kultura tas-suq ta zmienijietna li l-għan tagħha huwa wieħed: li tqanqal lil bniedem biex jixtri mhux biss meta ma jkollux bzonn imma anke meta ma jkollux flus u allura jixtri u jħallas bin-nifs.

Imbagħad hemm il-pressjoni li qed toħloq il-kultura bla Alla kontemporanja! Ħajja mingħajr Alla, tforni biss “faħam” għax min iwarrab lil Alla jitlef kull sens ta valur! L-allerġija li l-bniedem illum għandu għal dak li għandu x’jaqsam ma Alla hija impressjonanti. Dan l-aħħar il-BBC,li sa ftit ilu kienu meqjuz bħala stażżjon tar-radio ideali, ddecida li ma jibqax juza is-sigla li timmarka z-zmien “BC” (before Christ) u “AD” (anno domini) u minflok juza BCE (before Common era) u CE (common era). Dan huwa sinjal ta din il-kultura bla Alla! Din ukoll tkompli tiġġenera pressjoni fuq il-bniedem specjalment fuq in-nisrani.
Imma din il-pressjoni li semmejna hija waħda negattiva u mhix ser tipproduci djamanti! Minflok, il-pressjoni li toħloq il-ħaġar prezzjuz li jilma bil-kuluri u jġib valur għoli, hija l-pressjoni li tiġi mill-fatt għax il-bniedem f’ħajtu joqgħod għal Alla! Bħalma l-verita hija evidenti minnha nnifisha u għalhekk “timponi” lilha nnifisha, hekk ukoll Alla “jinzel” fuq il-bniedem; tant hu hekk, li l-bniedem ma għandux bzonn jagħmel sforz biex jemmen f’Alla daqskemm jeħtieġlu jagħmel impenn biex jiċħad lil Alla!

Il-pressjoni li hija ġejja minn Alla tissejjaħ “grazzja” jew “imħabba”. Hija l-grazzja t’Alla li timbotta lil bniedem għat-tajjeb. Hija l-imħabba t’Alla li tlibbes lil bniedem bil-ġmiel – mhux il-ġmiel estetiku, imma s-sbuħija interjuri! Infatti l-bniedem djamant huwa dak li jħobb, jgħin, jgħid is-sewwa, jagħmel dak li huwa ġust, jdewwi etc. Dan kollu huwa rifless tal-ħajja divina.

Hemm tlett modi kif il-bniedem joqgħod għal din il-pressjoni li taf tibdlu f’djamant:

(a)    is-smiegħ attent tal-Kelma t’Alla. Għax il-fidi tiġi mis-smiegħ tal-Kelma. Il-fidi mhix frott tat-tradizzjonijiet, lanqas dawk religjuzi!  Dawn jistgħu jgħinu l-ħajja tal-fidi, imma ma jistgħux jieħdu post il-Kelma t’Alla. Altrimenti l-fidi tkun rizultat tal-isforzi tal-bniedem u mhux grazzja minn Alla. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkun ħbieb tal-Evangelju u tixxenqu għal Kelma t’Alla. Nagħtikom parir biex tfittxu dik li tissejjaħ “katakezi għall-adulti” li normalment tiġi pprovduta fil-parrocci. Nesorta lil ġenituri biex ikunu huma l-ewwel li jħabbru l-Kelma t’Alla lil uliedhom biex jaqraw siltiet mill-Bibja flimkien id-dar.

(b)    Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti li huma l-għejjun ordinarji tal-grazzja t’Alla. Allura neħtieġu tħejjija aktar bil-għaqal għas-sagramenti li nircevuhom darba f’ħajjitna: magħmudija, Grizma tal-Isqof, żwieġ u ordni sagri. Imbagħad hemm bzonn nappreżżaw aktar is-sagrament tar-Rikonciljazzjoni (Qrar) u s-sagrament tal-Ewkaristija. Dawn iz-zewġ sagramenti ma humiex “kapriċċ” għan-nisrani, imma huma l-mezzi ordinarji li permezz tagħhom aħna nimtlew bil-grazzja t’Alla u hekk bil-mod il-mod ngħaddu minn ġmiel għal ieħor – minn glorja għal oħra!

(c)    Il-Karita għandha qawwa li tneħħi l-ħmieġ fil-bniedem! Min huwa ġeneruz mal-foqra, mhux biss ikun qed jgħix il-kmandament tal-imħabba imma tinfetaħ quddiemu t-triq tal-ġustizzja.

Permezz ta dawn it-tlett meżżi (Kelma t’Alla, sagramenti, karita) il-bniedem jkunu kontinwament taħt il-ħarsa kollha mħabba t’Alla. Bil-qawwa ta din il-ħajja tal-grazzja, il-bniedem jissebbaħ u jitqawwa u hekk isir djamant.

Jien konvint li ħafna mill-emigranti ħutnali waslu hawn l-Awstralja 60 u 50 sena ilu huma “djamanti”!  Għalkemm meta telqu minn Malta u Għawdex huma ħarġu minn ambjent religjuz ħafna, ma jistax jonqos li meta waslu l-Awstralja ma ħassewx il-fewġa kiesħa tas-socjeta sekularizzta ta dak iz-zmien; imma għax kienu “maħkuma” mill-ispirtu t’Alla, huma xorta għamlu resistenza u baqgħu sodi fit- twemmin. Għaddew minn ħafna provi imma dawn il-provi għamluhom isħaħ. Frott dawn il-grajjiet, ħafna mill-emigranti tagħna saru “djamanti”!  L-għozza għall-familja li għandkom, il-bzulija,  il-ġenerozita u l-qlubija tagħkom huma konferma ta dan! Fuq kollox il-fidi kristjana tagħkom hija xhieda oħra sħiħa.

Wieħed jawgura li din il-“minjiera tad-djamanti” tibqa tikber! Aħna li rcievejna ħafna minn din l-art tal-Awstralja, għandna d-dmir li nikkontribwixxu biex insebħu l-ambjent u s-socjeta ta madwarna. Hekk kif l-Għawdxin ikantaw li “Għawdex djamant”, jum wieħed ukoll din l-art awstraljana tkun tista tkanta li hija djamant.