Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.6

L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-Kardinal Pell

L-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru 2011

Laqgħa mal-Emigranti Anzjani

Dalgħodu numru mdaqqas ta’ emigranti anzjani (madwar 350) inġabru f’Redgum Function Centre f’Wentworthville għal laqgħa ma’ Mons Isqof Mario Grech.

Il-funzjoni bdiet b’diskors ta’ merħba minn Sr. Mary Ann Grima fmm. Imbagħad, l-Isqof Grech, akkumpanjat minn Fr. Claude Borg mssp, Fr. Eddie Zammit, Fr. John Sultana u Fr. John Vella ofm cap., ta bidu għall-quddiesa. Fil-bidu tal-quddiesa, l-Isqof sellem lil dawk preżenti bħala l-aktar “grupp Malti”, għax ikkunsidrata l-età tagħhom, fost l-emigranti Maltin kollha dawn l-anzjani għandhom karatteristiċi Maltin awtentiċi; huma wkoll l-aktar “grupp reliġjuż” minħabba l-għeruq qodma Kristjani tagħhom! Fl-omelija tiegħu l-Isqof wassal dan il-messaġġ:

“Inbid qadim mhux biss isir tajjeb imma wkoll aktar ċar għax joqgħod! Hekk ukoll jiġri lill-bniedem meta jikber fiż-żmien. Isir aktar tajjeb għax it-“tartru” tal-ħajja jibda joqgħod u hekk jibda jara aktar ċar! L-anzjani għandhom il-benefiċċju li jħarsu lura lejn ħajjithom u jitgħallmu mill-esperjenza tagħhom stess! Żgur li meta nħarsu lejn il-passat, nirrikonoxxu li nkunu għamilna għażliet li setgħu kienu aktar għaqlin! Forsi nsibu wkoll li ħadna deċiżjonijiet żbaljati! Min jaf kemm-il darba sibna ruħna f’salib it-toroq u bl-għaġġla ħadna triq b’oħra, u forsi bqajna għaddejjin minnha! Għaddejna minn żminijiet fejn minħabba ċ-ċpar ma stajniex naraw b’mod ċar! Mhux qed ngħid hekk biex innissel sens ta’ ħtija jew dieqa fikom – l-imgħoddi mhux tagħna! Imma żgur li l-anzjani, għax illum jaraw ftit aktar ċar, kapaċi jiżnu u jitgħallmu mill-istess esperjenza tal-imgħoddi u hekk ifasslu l-preżent aħjar!

Ara ż-żgħażagħ, ma għandhomx din il-possibiltà, u għaliex huma bla esperjenza faċli li jgerfxu u jagħmlu għażliet żbaljati! Spiss jiġri li ż-żgħar jaħsbu li jafu kollox u għalhekk ifittxu li jkunu indipendenti u awtonomi minn kulħadd!

F’dan il-kuntest kemm jagħmel sens il-qawl Malti li jgħid li “kliem ix-xiħ zomm fih”! Għalina l-esperjenza tagħkom hija riżorsa importanti! Matul is-snin intom bnejtu mhux biss darkom imma lilkom infuskom, il-familja tagħkom u s-soċjetà! Dan kollu għenkom tiġbru ħafna għerf! Għalhekk intom “akkademja” tal-valuri umani: meta nisimgħukom jew nosservaw għemilkom, aħna għandna ħafna x’nitgħallmu minnkom!

Intom ukoll riżorsa tal-valuri Kristjani! Ma jistax jonqos li matul is-snin ma kellkomx xi maltempata spiritwali, imma xorta bqajtu temmnu f’Alla. Bqajtu mqabbdin miegħu, anke fl-iebes tal-ħajja meta Alla deher li huwa assenti minn ħajjitkom! Jien konvint li kull wieħed u waħda minnkom tistgħu ttennu kliem il-profeta Isaija meta jgħid: “irrid infakkar il-grazzi tal-Mulej, insemma għanja ta’ tifħir lill-Mulej għal dak kollu li għamel magħna, għax kbira kienet il-ħniena tiegħu ma’ dar Iżrael. Mexa magħna skont l-imħabba tiegħu, skont it-tjieba kbira tiegħu … Hu ħelishom, refagħhom u ġarrhom dejjem fl-imgħoddi” (Is 63:7-9).

Din il-viżjoni ta’ fidi li ksibtu u ħaddantu sa minn meta kontu żgħar mhux biss mexxietkom fil-ħajja, imma għadha toffrilkom direzzjoni anke f’dan iż-żmien kritiku tal-ħajja umana, meta l-bniedem jibda jara x-xemx tal-ħajja nieżla!

Aħna neħtieġu din ix-xhieda tagħkom, partikularment meta wieħed iqis li l-bniedem tal-lum jaħseb li sar flok Alla – li Alla huwa xkiel għall-istess progress! Ħasra li ma nindunawx li l-ħajja tal-bniedem mingħajr Alla tkun qisha bużżieqa sabiħa li faċli tinfaqa’ b’daqsxejn ta’ tingiża!

Imma intom l-anzjani tgħallmuna li biex il-bniedem ikollu din il-viżjoni ta’ fidi hu għandu bżonn li jitgħallem jisma’ u jitkellem ma’ Alla! Kif meta ġejtu l-Awstralja intom fhimtu l-bżonn li titgħallmu “lingwaġġ” ġdid, hekk biex jirnexxilkom tikkomunikaw ma’ Alla intom komplejtu titgħallmu l-“lingwaġġ” ta’ Alla! Huwa ta’ sodisfazzjon għalija bħala Isqof li nisma’ lil xi wħud minnkom jgħiduli li fil-familja tagħhom jitolbu flimkien, li jmorru għall-quddiesa ta’ kuljum, aktar u aktar għall-quddiesa tal-Ħadd! Filwaqt li nħeġġiġkom biex ma tehdewx tfaħħru lil Alla bit-talb tagħkom, neżortakom biex tittrażmettu dawn il-valuri lil uliedkom u lil ulied uliedkom!

Hekk għad jgħaddi ż-żmien u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin bħalkom ikunu jistgħu jtennu li kien Alla li ħelishom, refagħhom u ġarrhom fit-toroq tal-ħajja. Ammen.”

Wara l-quddiesa, Dr. George Boffa għamel diskors tal-okkażjoni – kelmtejn bis-sens li tajjeb li wieħed jiżinhom!
Żjara ta’ kortesija lill-Kardinal George Pell

L-Isqof Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Kardinal George Pell. Dan il-Kardinal jafhom tajjeb lill-emigranti Maltin, għax qabel inħatar bħala ragħaj spiritwali ta’ Sydney, hu kien Arċisqof ta’ Melbourne. Huwa kuntent ħafna bil-mod kif l-emigranti Maltin jintegraw fil-ħajja soċjali u ekkleżjali ta’ Sydney. Esprima l-preokkupazzjoni pastorali tiegħu għall-fatt li fi ftit xhur oħra ser ikollu jipprovdi kappillan għal waħda mill-parroċċi fejn hemm ħafna Maltin. B’rispett kbir u b’sens ta’ stima huwa rrefera għall-Isqof Joseph Grech li miet ħesrem f’Diċembru li għadda. Il-Kardinal Pell għamel referenza wkoll għall-kappella tal-Madonna Ta’ Pinu li bdiet tinbena minn Mons Beneditt Camilleri f’Bacchus Marsh, Melbourne, fiż-żmien li Pell kien Arċisqof ta’ Melbourne. Il-Kardinal qal li kienet ix-xewqa tiegħu li dan iċ-ċentru Marjan ikun wieħed mis-“santwarji” ta’ pellegrinaġġi għall-Insara fl-Awstralja.

Il-Kardinal Pell u l-Isqof Grech tkellmu wkoll dwar l-isfida tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida u Pell qal li l-Knisja f’Sydney qed taħseb biex toffri xi programmi fuq it-televiżjoni maħsuba biex tgħin lill-Kattoliċi li ħallew il-Knisja jerġgħu lura fi ħdanha. Kien hawn li l-Kardinal Pell osserva li xi wħud qed iħallu l-Knisja minħabba l-eżempji ħżiena fl-istess Knisja.

Il-Kardinal Pell qal li għandu żewġ seminarji – wieħed djoċesan u ieħor Redemptoris Mater tal-Mixja Neokatekumenali – u b’kollox għandu madwar 40 persuna jippreparaw għas-saċerdozju.

Iż-żewġ isqfijiet tkellmu wkoll dwar temi li għandhom x’jaqsmu mal-ħidma ekumenika.

Fit-tmien il-laqgħa, billi kien jaf li l-Isqof Grech ser imur Melbourne, il-Kardinal Pell bagħat it-tislijiet tiegħu lil P. Victor Bonello OFM Conv u lil Fr. Emanuel Bonello – li t-tnejn jinsabu Melbourne.

Matul din iż-żjara, l-Isqof Grech kien akkumpanjat minn Fr. Eddie Zammit u Fr. Tarcisio Micallef mssp. Fir-reception tal-“kurja” ta’ Sydney kien hemm Anne Borg neé Sultana – imwielda l-Awstralja minn ġenituri mix-Xagħra u miżżewga Malti!

Żjara lil De Piro House

Akkumpanjat minn Fr. Tarcisio Micallef tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, l-Isqof Grech għamel żjara lil De Piro House fejn iltaqa’ ma’ Fr Joe Barbara u Bro Salvu Pantalleresco. Minn din id-dar, is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl toffri s-servizzi pastorali lill-emigranti. Kull nhar ta’ Ħadd jorganizzaw quddiesa bil-Malti. Is-Soċjetà ilha f’dan il-post mill-1964 – kienu għażlu apposta din iż-żona peress li tinsab qrib il-port ta’ Sydney, u dak iż-żmien ħafna emigranti kienu jkunu jaħdmu f’dawk l-inħawi. Il-membri tal-MSSP jinsabu f’żewġ parroċċi u fil-kappella annessa maċ-Ċentru La Valette. Fid-daħla tad-dar De Piro hemm ritratt ta’ Fr George Scerri – membru tas-Soċjetà li kien inqatel f’Melbourne! Ħasra li dawn “ir-ritratti” tal-MSSP jibqgħu bit-trab fuqhom!

Liberal Catholic Church
Fi Stanley Street, l-Isqof Grech għadda minn quddiem knisja bl-isem “Liberal Catholic Church”! L-isem ġibidlu l-attenzjoni! Imma nnota wkoll li kienet knisja mitluqa għall-aħħar – wieħed jieħu l-impressjoni li hija “binja” abbandunata … mejta! Il-konklużjoni li wieħed jasal għaliha kienet waħda: dan huwa d-destin tal-“Knisja Kattolika liberali”?