Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.5

L-Isqof Grech f’Parramatta

It-Tlieta, 4 ta’ Ottubru 2011

Laqgħa mal-Isqof ta’ Parramatta

Dalgħodu l-Isqof Mario Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Isqof ta’ Parramatta, l-E.T. Mons Anthony Fisher O.P. fil-Kurja, peress li f’din id-djoċesi li twaqqfet 25 sena ilu, hawn joqogħdu ħafna emigranti Maltin u Ghawdxin. Matul din il-laqgħa, li ħadet madwar siegħa, l-isqfijiet tkellmu dwar temi li għandhom x’jaqsmu mal-Knisja universali kif ukoll dwar suġġetti li jolqtu lill-emigranti Maltin.

Fi kliem l-Isqof Fischer ir-realtà ta’ Parramatta hija waħda multi-etnika, tant li fiha hemm preżenza ta’ 110 lingwa! Anke r-realtà reliġjuża hija varjata – għax barra li wieħed minn tlieta tal-popolazzjoni jgħidu li ma jħaddnu ebda twemmin, hemm reliġjonijiet oħra bħalma huma l-Ħindu u l-Iżlam. Din ir-realtà toffri sfida ta’ evanġelizzazzjoni lill-Knisja Kattolika. Barra minn hekk, il-Knisja f’Parramatta qed tħoss l-urġenza li tħabbar mill-ġdid l-Evanġelju lil dawk il-Kattoliċi li, għalkemm huma mgħammda, ittraskuraw il-ħajja tas-sagramenti u qed jgħixu stil ta’ ħajja barranija għall-Evanġelju.

F’ċertu sens dawn l-isfidi huma komuni wkoll għall-Knisja f’pajjiżna.

Fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet li ser isir f’Ruma s-sena d-dieħla dwar l-Evanġelizazzjoni l-Ġdida, l-isqfijiet tkellmu dwar l-ħtieġa li kull Knisja partikulari ssib metodi u lingwaġġi ġodda biex titkellem mal-bniedem tal-lum dwar Kristu. Fost ħwejjeġ oħra, huma qablu dwar is-sehem li jistgħu jagħtu l-movimenti fil-Knisja, dwar il-proposta tal-lectio divina, il-katekeżi li tingħata qabel is-sagramenti, partikularment lill-għarajjes qabel iż-żwieġ. Hawnhekk l-Isqof Fischer wera interess fl-inizjattiva li ħadet id-Djoċesi t’Għawdex, meta dan l-aħħar qed tipproponi kors ta’ sentejn ta’ tħejjija lill-għarajjes.

L-Isqfijiet tkellmu wkoll dwar il-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u għall-ħajja reliġjuża. L-Isqof Fischer fisser it-tħassib tiegħu għall-fatt li fl-Awstralja l-ħajja reliġjuża qed tnin ftit ftit. Anke l-vokazzjonijiet saċerdotali huma ftit ħafna. Kien hawn li l-Isqof Fischer apprezza n-numru ta’ vokazzjonijiet li għandna fil-Knisja f’Malta u Għawdex u saħaq mal-Isqof Grech biex il-familji Maltin u Ghawdxin jibqgħu jkunu l-ewwel mixtla fejn tinżera’ l-vokazzjoni. Iż-żewġ isqfijiet jaqblu dwar l-importanza tal-pastorali vokazzjonali.

Kien f’dan il-kuntest li l-Isqfijiet tkellmu dwar id-Djakonat permanenti. Filwaqt li huma qablu dwar kemm dan il-ministeru jagħmel sens kemm mill-aspett teoloġiku kif ukoll prattiku, huma tkellmu wkoll dwar l-aspetti pożittivi u dawk inqas pożittivi tad-Djakonat permanenti.

L-Isqof Fischer kellu kliem ta’ tifħir għall-emigranti Maltin u Għadwxin. Huwa konvint li l-emigranti tagħna għadhom jgħożżu d-din Nisrani u għandhom għal qalbhom il-ħajja tal-Knisja. Huwa apprezza wkoll il-fatt li l-familji tal-emigranti tagħna fil-kotra l-kbira tagħhom jieħdu ħsieb jittrażmettu l-fidi lil uliedhom. Dan l-aħħar huwa ħa sehem fil-festa ta’ Marija Bambina li kienet iċċelebrata mill-emigranti fil-knisja parrokkjali ta’ Greystanes, Blacktown.

Fi tmiem din il-laqgħa, l-Isqof Fischer introduċa lil Annabelle Cauchi, żagħżugħa Għawdxija, li qed taħdem fis-Segretarjat għall-pastorali maż-żgħazagħ tad-djoċesi ta’ Parramatta.

Matul din il-laqgħa l-Isqof Grech kien akkumpanjat minn Fr. Eddie Zammit.

Żjara lill-Katidral ta’ Parramatta

Wara l-laqgħa mal-Isqof Fischer, l-Isqof Grech għamel żjara lill-Katidral ta’ Parramatta. Billi dan il-Katidral kien ġarrab ħsarat kbar minħabba ħruq, dan l-aħħar ġie restawrat b’estensjoni ġdida. Dan il-Katidral huwa xhieda ta’ Knisja żagħżugħa għaliex kemm l-arkitettura kif ukoll l-arredament liturġiku jirriflettu stil u lingwaġġ post-konċiljari li jagħtu bixra friska lil-liturġija. Is-simboli liturġiċi wżati f’dan il-Katidral huma qawwija ħafna: l-altar, l-ambone, is-salib, il-fonti tal-magħmudija, id-dawl, il-Via Sagra, eċċ. Wieħed ma jistax ma japprezzax il-fatt li f’dan il-proġett il-Knisja ta’ Parramatta għamlet deċiżjoni qawwija li tixhed viżjoni. Għalkemm setgħu għażlu li jikkonfermaw ruħhom mat-tradizzjoni, huma għażlu li jibnu tempju u jiċċelebraw liturġija “tal-lum”.

Żjajjar lill-familji

L-Isqof Grech imbagħad kellu l-possibiltà li jagħmel ftit żjajjar f’xi familji tal-emigranti Għawdxin. Huwa nnota kemm is-sens reliġjuż li għandhom, kif ukoll l-imħabba u n-nostalġija lejn pajjiżhom. F’dawn iż-żjajjar huwa kellu konferma li xi wħud minn dawn il-familji għadhom jitolbu kuljum u oħrajn isibu ħin biex imorru għall-quddiesa ta’ kuljum. Sfortunatament xi ġenituri jħossu t-toqol tal-problemi taż-żwiġijiet ta’ wliedhom, speċjalment ta’ dawk li ż-żwieġ tagħhom ma jkunx irnexxa. Dan jixhed li għalkemm dawn il-familji qed jgħixu f’kultura u soċjetà fejn hawn il-liġi tad-divorzju, xorta għadhom jgħożżu l-istabilità u l-għaqda fiż-żwieġ u l-familja.

Laqgħa mal-Kumitat Organizzattiv

L-Isqof Grech kellu laqgha mal-Kumitat li qed jieħu ħsieb jorganizza din iż-żjara pastorali f’Sydney. Uhud mill-membri tal-Kumitat preżenti għal din il-laqgħa kienu Josephine u Raymond Bigeni, Monti Sultana u Emanuel Zammit. F’din il-laqgħa saret evalwazzjoni tal-jiem li għaddew u ġie definit il-programm għall-jiem li ġejjin.