Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.4

Mons Isqof Mario Grech jiltaqa’ mas-Sorijiet Dumnikani u mas-Soċji tal-Museum

 It-Tnejn, 3 ta’ Ottubru 2011

Konsagrazzjoni ta’ altar

Dalgħodu l-Isqof Grech bierek kappella ġdida fil-kunvent tal-Annunzjazzjoni tas-sorijiet Dumnikani fi Blacktown u kkonsagra altar fl-istess kappella ddedikata lil San Duminku.

Fl-omelija tiegħu l-Isqof fisser ix-xewqa li l-esperjenza mal-mejda tal-altar tas-sagrifiċċju għandha tgħin biex in-Nisrani jarma mejda oħra li tilqa’ madwarha lil dawk li huma għajjenin għax nieqsa mill-ikel u mill-imħabba. L-Isqof Grech appella biex isir talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjuzi.

Is-Soċjetà Museum f’Sydney

Fil-belt ta’ Sydney hawn preżenza tas-Soċji rġiel u nisa Maltin li qegħdin iwettqu ħidma kateketika.

F’laqgħa li kellhom mal-Isqof Grech, huma fissrulu d-diversi attivitajiet li qed jagħmlu bħala katekisti kemm fil-parroċċi kif ukoll fl-iskejjel. Huwa ta’ sodisfazzjon kemm għas-Soċjetà tal-Museum innifisha kif ukoll għall-Knisja f’pajjiżna li lajċi Maltin emigraw lejn l-Awstralja biex jgħinu f’din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Dawn il-lajċi huma mudell għal ħafna lajċi oħra, anke f’pajjiżna, biex ikunu ġenerużi u jissieħbu fil-missjoni tal-Knisja.