Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.3

L-Isqof Grech f’Sydney

Il-Ħadd, 2 ta’ Ottubru 2011

Żjara lil xi morda

Dalgħodu l-Isqof Mario Grech għamel zjara fil-Mt. Druitt Hospital fejn ra xi morda u ta s-sagrament tad-Dilka tal-morda lil Ġustinu Aquilina, emigrant min-Nadur li emigra lejn l-Awstralja 61 sena ilu.

Quddiesa fil-Katidral ta’ Sydney

Folla mdaqqsa ta’ emigranti mliet il-Katidral ta’ St. Mary f’Sydney. Għall-ħabta tas-2.00pm, it-tabib Chev. Dr. George Boffa għamel kelmtejn ta’ merħba. Imbagħad l-Isqof Grech beda r-reċita tar-Rużarju u George Felice, Superjur tas-Soċjetà tal-Museum fi Blacktown, mexxa t-talba tar-Rużarju.

Wara t-talba tar-Rużarju, l-Isqof Grech ta bidu għall-quddiesa pontifikali. Jikkonċelebraw mal-isqof kien hemm P. Tarcisio Micallef, P. Joe Barbara, P. Joe Cremona, P. Claudio Borg, P. John Catania – kollha membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, P. John Briffa sdb, Arċipriet Pawlu Cardona, Fr. John Sultana, Fr. Eddie Zammit, P. John Vella ofm., P Remiġ Galea ofm Cap.

Fl-omelija l-Isqof Grech għamel riflessjoni dwar “l-għalqa” mqabbla mis-sid lill-bdiewa, kif jingħad fl-Evanġelju (Mt. 21:33-34). L-Isqof beda biex qal li l-“għalqa” għalkemm hija f’idejn il-bdiewa, qatt ma ssir “propjetà privata” imma tibqa’ tgħajjat lis-Sid. Il-problema tal-lum hija li sar diffiċli għall-bniedem li jirrikonoxxi li hemm “is-sid”, u għalhekk jiddisponi minn dak li huwa tas-Sid daqslikieku hija propjetà tiegħu! Dan iseħħ ukoll fir-rigward ta’ Alla! Għax f’soċjetà sekularizzata fejn Alla qed jingħata l-ġenb u xi drabi huwa miċħud, il-bniedem jaħseb li kiseb l-awtonomija u għalhekk jaġixxi daqslikieku Alla ma jeżistix. Konsegwenza ta’ dan, il-bniedem huwa ttentat iqis tiegħu ħwejjeg li huma ta’ Alla!

L-Isqof Grech semma tliet tipi ta’ “għelieqi” li s-Sid jafda lill-bniedem:

(a) Il-kuxjenza hija l-leħen t’Alla fil-bniedem li jgħinu jagħċel bejn il-veru u l-falz, it-tajjeb u l-ħaċin! Imma kemm-il darba l-bniedem irreduċa l-kuxjenza għall-vuċi egoista tiegħu nnifsu, u flok jagħmel dak li jrid Alla, jagħmel fattih! Il-gwaj tal-lum huwa li ħafna jqisu l-kuxjenza bħala “propjetà privata”. Għalhekk hu dmir tal-bniedem li jifforma l-kuxjenza. Il-kuxjenza tan-Nisrani tissawwar fid-dawl tal-Kelma t’Alla u tat-tagħlim tal-Knisja. Għalhekk il-ħtieġa li l-bniedem ikun attent għas-smigħ tal-Kelma t’Alla u jinteressa ruħu fit-tagħlim tal-Knisja.

(b) Il-familja mibnija fuq iż-żwieġ u l-imħabba mhix ħlieqa jew fantasija tal-bniedem, imma “is-Sid” għandu pjan u proġett għaliha! Alla jrid li ż-żwieġ ikun bejn raġel u mara, u min-natura tiegħu huwa dejjiemi. Sfortunatament illum hawn min jaħseb li ż-żwieġ u l-familja huma “propjetà privata” u għaldaqstant il-bniedem jista’ jilgħab bihom kif u meta jrid! Kemm ilni magħkom l-emigranti smajt żewġ esperjenzi li jikkonfermawli kemm il-familja hija l-għożża ta’ ħafna minnkom. Wieħed qalli li sakemm ommu u missieru kienu għadhom ħajjin f’Għawdex, huwa kellu l-passaport dejjem lest biex x’ħin jirċievi telefonata li xi ħadd minnhom jimrad serjament, kien jinżel mill-Awstralja biex ikunu qrib tagħhom! Persuna oħra qaltli li wara li kien ilhom madwar 30 sena hawn fl-Awstralja, darbtejn ippruvaw jinżlu biex jissettiljaw Malta, imma kull darba kellhom jerġgħu lura lejn l-Awstralja għax iħossu n-nuqqas ta’ wliedhom u wlied uliedhom! Neżortakom biex tibqgħu tgħożżu l-familja – anzi, agħtu xhieda li l-mudelli taż-żwieġ u tal-familja kif maħsuba minn Alla sa mill-bidu tal-ħolqien u ikkonfermati minn Ġesù Kristu, huma dawk li jixirqu lill-bniedem.

(c) It-tielet “għalqa” li tappartjeni lis-“Sid” u hija mqabbla lilna l-bnedmin hija l-Knisja! Il-Knisja mhix istituzzjoni umana mfassla skont il-fantasija tal-bnedmin, imma kien Ġesù Kristu li waqqafha. Hawn min jistenna li l-Knisja għandha tibdel id-duttrina jew id-dixxiplina tagħha biex tkun aktar moderna u popolari! Min jgħid hekk ifisser li għadu ma fehemx li l-Knisja mhix “propjetà privata” tagħna, imma hija don mogħti lilna minn Ġesù! Il-komunità ekkleżjali hija awtentika jekk ikollha għal qalbha l-komunjoni ma’ Ġesù u mal-Ġerarkija.

Fi tmiem il-quddiesa l-Isqof Grech fisser l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl b’risq l-emigranti fl-Awstralja. Fi kliem l-Isqof Grech, meta wieħed iqis is-sehem li tat matul is-snin din is-Soċjetà lill-“Knisja Maltija” fl-Awstralja, wieħed jista’ jqisha bħala ġojjel tal-Knisja f’pajjiżna li mhux dejjem huwa apprezzat. Huwa feraħ lil P. Claudio Borg mssp, li ilu ħafna snin jaħdem mal-emigranti f’Sydney, li din is-sena qed jiċċelebra is-60 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.

Ċentru tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl

Wara l-quddiesa pontifikali, l-emigranti ltaqgħu fic-Ċentru tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fi Stanley Street f’Sydney. Hemmhekk l-emigranti tkellmu individwalment mal-Isqof.

L-Isqof kellu laqgħa mal-Maltese Community Council ta’ NSW li għandu lil Alfred Fenech OAM., B.A. bħala President. Il-Kunsill fisser ix-xewqa li xi saċerdot/i minn Malta jiġu jwettqu ħidma pastorali mal-emigranti Maltin f’Sydney. Il-Kunsill innota li aktar ma l-emigranti qed jikbru fiż-żmien, aktar qed iħossu l-bżonn li jkollkom sacerdoti Maltin/Għawdxin li jsegwuhom spiritwalment.

Laqgħa mal-membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl

L-Isqof Grech imbagħad għadda xi ħin mal-membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li tawh tagħrif dwar il-ħidma tagħhom mal-emigranti.