Mons Isqof Grech l-Awstralja - Komunikat n.2

MONS ISQOF GRECH FOST L-EMIGRANTI FL-AWSTRALJA

Nhar l-Erbgħa wara nofsinhar l-Isqof Mario Grech telaq minn Malta lejn Sydney fuq titjira tal-Emirates biex jibda żjara pastorali Fl-Awstralja. Grupp ta’ 37 persuna, fosthom tliet saċerdoti u Patri Kapuċċin, qed jakkumpanjaw lill-Isqof.

Il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru

Nhar il-Ġimgħa fit-8.15am l-Isqof wasal Sydney International Airport fejn kien milqugħ minn għadd ta’ emigranti Maltin u Għawdxin fl-Awstralja. Fosthom kien hemm Christopher Mercieca, il-Konslu Malti għal NSW, Mr Monti Sultana u Emanuel Zammit membri tal-Kumitat Organizzattiv, u Fr Joe Barbara u Fr Tarcisio Micallef, membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

L-ewwel waqfa tal-Isqof Grech ser tkun għand is-Sorijiet Dumnikani li jmexxu St Dominic’s Hostel. Sr Georgina Sultana hija responsabbli min din il-komunita reliġjuża. F’din id-dar hawn joqogħdu 50 persuna anzjana, fosthom uħud mill-emigranti anzjani Maltin. Din id-dar infetħet 23 sena ilu u l-ewwel ġebla tqegħdet minn Mr John Aquilina, membru parlamentari fl-iState Parliament ta’ NSW.

Filgħaxija l-Isqof Grech iċċelebra quddiesa f’dan il-hostel. F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, l-Isqof Grech qal li f’din l-ewwel quddiesa li qed jiċċelebra fl-Awstralja, huwa jiftakar f’dawk il-ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li fis-snin l-imgħoddija ssetiljaw hawn l-Awstralja, jitlob għalihom u jrodd ħajr lil Alla għall-ġid li l-komunità Maltija wettqet f’dan il-pajjiż.

Imnebbaħ mill-festa ta’ San Ġirolmu, li l-Knisja ċċelebrat illum, l-Isqof Grech, filwaqt li tenna li huwa konvint li l-emigranti li fl-imgħoddi marru l-Awstralja, b’mod jew ieħor kellhom is-support tal-Kelma t’Alla, huwa fisser ix-xewqa tiegħu li l-istess Kelma t’Alla tibqa’ tkun il-musbieħ għall-passi tal-emigranti tal-lum.

Is-Sibt 1 ta’ Ottubru

Fl-10.30am l-Isqof Grech wasal fis-sala annessa mas-St Dominic’s Hostel fi Blacktown NSW u kien milqugħ minn Dr Steve Gatt MD, president tal-Bord tad-Direttur li introduċieh mal-membri tal-Bord, fosthom Mr Paul Borg, Mr Antoine Said Pullicino, u Mr George Mifsud.

Preżenti għal din il-laqgħa kienu r-residenti anzjani ta’ din id-dar, il-ħaddiema u l-familji tagħhom u xi ħbieb oħra tas-Sorijiet Dumnikani li jmexxu din id-dar. Is-sorijiet huma Sr Georgine Sultana, Sr Pauline, Sr Olivia.

L-Isqof Grech mexxa konċelebrazzjoni flimkien ma’ xi saċerdoti, fosthom Fr Ben Sant, Fr Mario Zammit u Fr Claude Borg li huma membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

Imnebbaħ mir-rakkont Evanġeliku dwar it-tħabbira tal-Arkanġlu lil Marija f’Nazaret, fl-omelija l-Isqof Grech qal li hu jemmen li l-missjoni tiegħu fl-Awstralja tixbah ħafna lil dik li kellu l-Arkanglu Gabrijel: kif l-arkanġlu sellem lil Marija bit-tislima “Il-Mulej miegħek”, l-Isqof Grech jgħid li qed jagħmel din iż-żjara pastorali biex ifakkar lill-emigranti tagħna li l-Mulej huwa magħhom! Din hija bxara tajba li tnissel il-ferħ.

L-Isqof Grech fisser l-apprezzament tiegħu għall-ħidma soċjali li qegħdin iwettqu f’dan il-kumpless is-Sorijiet Dumikani Maltin. L-Isqof irrimarka li huwa sinifikattiv ħafna l-fatt li dawn is-sorijiet huma frott tal-esperjenza ta’ Knisja fid-djoċesi t’Għawdex – peress li kien fl-1889 li grupp ta’ disa’ xebbiet Għawdxin taw bidu għal din il-ħajja reliġjuża.

L-Isqof Grech fisser ix-xewqa tiegħu biex kif kienet il-Kelma t’Alla li qanqlet lis-Sorijiet Dumnikani biex iwettqu din il-ħidma soċjali u spiritwali b’risq l-anzjani, hekk l-istess Kelma t’Alla tkompli ssawwar u timla bil-ħeġġa lill-emigranti Maltin u Għawdxin biex joffru s-sehem tagħhom fil-ħajja soċjali Awstraljana. Kif tgħallem il-Knisja fid-Duttrina Soċjali tagħha, il-valuri tal-Vanġelu huma ħmira li kapaċi tibdel l-għaġna soċjali u hekk in-Nisrani ikun qed jagħti s-sehem tiegħu biex is-soċjetà Awstraljana żżomm id-dinjità tal-bniedem bħala l-kejl tal-għażliet li tagħmel.

Wara l-quddiesa l-Isqof waqaf jiekol ma’ dawk preżenti. Interessanti l-fatt li għalkemm din hija dar immexxija mir-reliġjużi, fiha m’hemmx biss residenti Kattoliċi, imma hemm ukoll xi residenti Anglikani u persuna Musulmana. Biex ikunu jistgħu joffru għajnuna spiritwali lil dan il-Musulman, ta’ kull ġimgħa s-sorijiet jistiednu lill-Imam ta’ ċentru Iżlamiku fil-qrib biex jibgħat lil xi ħadd jitkellem ma’ dan l-anzjan.

Intervista għal SBS Radio

Mr Antoine Said Pullicino għamel intervista lill-Isqof Grech fuq SBS Radio.

La Valette Social Center

Fis-6.00pm l-Isqof Grech kellu laqgħa sabiħa fil-La Valette Social Center ta’ Blacktown. Huwa kien milqugħ mill-President ta’ dan iċ-Ċentru Gejtu Pace u membri oħra tal-kumitat. Aktar minn 500 persuna mlew is-sala ta’ dan iċ-Ċentru. Mal-wasla tal-Isqof Grech, “banda” żgħira daqqet l-innu Pontifiċju u l-innu nazzjonali ta’ Malta u tal-Awstralja.

Is-Sur Frank Zammit ta merħba lill-Isqof billi qara messaġġ-poeżija, fejn fost ħwejjeġ oħra Zammit jikteb hekk dwar l-emigranti Għawdxin:

“Stagħna l-ġisem u l-kus ġmielu mtela,
iżda r-ruħ donnha ftaqret,
għax tilfet l-egħżeż tifkiriet bikrija,
l-ogħla teżori illi hienja kienet kisbet.”

Hawnhekk, flimkien ma’ xi saċerdoti, fosthom Fr Mario Zammit, Fr Ben Sant, Arċipriet Pawlu Cardona, Fr Eddie Zammit, Fr Richard Farrugia, Fr Remiġ Galea OFM Cap, u Fr John Vella OFM Cap, l-Isqof Grech iċċelebra quddiesa bis-sehem ta’ kor magħmul minn għadd ta’ emigranti.

Fl-omelija l-Isqof Grech apprezza li fil-kotra tagħhom l-emigranti Maltin u Għawdxin huma beżlin, kif jixhdu l-pali tal-idejn ta’ ħafna! Għalhekk hu ħeġġiġhom biex din l-istess bżulija japplikawha wkoll biex jaħdmu l-“għalqa tad-dwieli” (li hija l-istess komunità) biex din tagħmel frott bnin u kotran; kif ukoll biex ikomplu “jibnu” il-binja umana u spiritwali fuq Kristu li huwa l-ġebla tax-xewka tal-bini li jirreżisti kull xorta ta’ terremot.

Wara l-quddiesa l-Isqof kellu laqgħat personali ma’ ħafna mill-emigranti preżenti.

Gejtu Pace ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda numeruża u kommoventi ħafna. F’kelmtejn li għamel, Gejtu fisser it-tħassib tiegħu dwar il-futur tat-tielet ġenerazzjoni tal-emigranti. Huwa qal li l-filosofija taċ-Ċentru “La Valette” hija li ħadmu flimkien kemm l-aspett soċjali/kulturali kif ukoll l-aspett reliġjuż – iż-żewġ dimensjonijiet li flimkien isawru l-identità Maltija. Huwa esprima x-xewqa li ’l quddiem is-saċerdoti Maltin u Għawdxin jibqgħu jakkumpanjaw lill-emigranti.