L-Isqof Mario Grech jiċċelebra l-festa ta’ Santa Margerita mal-komunità parrokkjali ta’ Sannat

Dalgħodu, il-Ħadd 24 ta’ Lulju, Mons Isqof Mario Grech mexxa pontifikal solenni fil-parroċċa ta’ Sannat li kienet qed tiċċelebra l-festa ta’ Santa Margerita. Fl-omelija tiegħu, Mons Isqof wassal dan il-messaġġ:

Il-kontribut awtentiku tal-awtorità lejn soċjetà b’saħħitha

Skont il-filosfa Amerikana Hannah Arendt, fost il-vittmi tal-modernità, deskritta bħala “pluri-omiċida”, hemm il-kunċett tal-awtorità! Minkejja li qatt daqs illum ma kellna għamliet ta “awtorità”, huwa fatt li hemm ir-riskju ta’ kriżi tal-awtorità!

“Vacuum” ta’ awtorità
Waħda mir-raġunijiet tan-nuqqas ta’ direzzjoni żgura fil-ħajja tal-individwu hija propju għax mhux faċli li wieħed isib “awtorità” li fiha jista’ jqiegħed il-fiduċja tiegħu. Il-frakass fil-familja huwa l-kaġun li l-ulied iħossuhom sprovvisti mis-servizz tal-awtorità li joffru l-ġenituri. Il-kważi anarkija fis-soċjetà ġejja wkoll mill-fatt li għandna awtorità li mhix serja – x’serjetà tispira awtorità li tħaddem kriterji differenti ma’ persuni differenti? Anke fil-Knisja jiġri li xi drabi l-awtorità hija mifhuma l-kuntrarju ta’ dak li suppost tkun – mezz ta’ qadi.

Dan kollu jindika li jista’ għandna “vacuum” ta’ awtorità awtorevoli. L-awtorità tbattlet mit-tifsira propja tagħha. Għal xi wħud flok ma hija servizz biex iġġib ’il quddiem il-ġid tal-individwu u dak komuni, l-awtorità saret poter, arbitrarjetà, impożizzjoni, u f’xi każi wkoll repressjoni. Meta l-awtorità hija mmanipulata u ssir “awtoritariżmu”, min huwa fl-awtorità jibda jaħkem fuq l-oħrajn u jinqeda bl-oħrajn.

L-awtorità fil-familja
Kif josserva l-filosofu Augusto Del Noce, l-instabilità tal-familja hija waħda mill-kawżi ta’ din il-kriżi fl-awtorità. Meta jgħib il-ġenitur, l-ulied jitilfu figura awtorevoli importanti ħafna li jeħtieġuha biex tgħinhom jikbru u jpoġġu pedament sod għal ħajjithom. Illum mhux biss għandna wlied li huma miftumin mill-ġenituri tagħhom, imma għandna wkoll ġenituri li abdikaw mir-responsabilità tagħhom u ttrasferew l-awtorità parentali fuq oħrajn. Imbagħad, hemm ġenituri li ċedew quddiem il-kultura permissiva u għażlu li ma jindaħlux lil uliedhom f’dak kollu li jagħmlu. L-esperjenza tikkonferma li din ir-rinunzja tal-awtorità qed tiswielna prezz għoli! In-nuqqas ta’ awtorità fid-dar tista’ tħalli marka negattiva li żgur ma tgħinx meta l-ulied jikbru u jsibu ruħhom afdati b’xi għamla ta’ awtorità!

L-awtorità pubblika
Forma eminenti ta’ dan is-servizz tal-awtorità hija l-awtorità pubblika, li mhix ħielsa mill-proċess ta’ taħsir. Hemm żewġ teoriji li jfissru l-awtorità pubblika:

(a) Thomas Hobbes jgħid li billi l-bniedem faċli jaħtaf lil sieħbu – homo homini lupus, – biex il-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu flimkien, kull bniedem permezz ta’ “patt soċjali” iċedi ftit mill-poter tiegħu lil persuna jew grupp ta’ persuni li jirċievu l-awtorità biex jiggvernaw il-ħajja soċjali.

(b) Jean-Jacques Rousseau iżomm li min-natura tiegħu l-bniedem huwa soċjali – għandu bżonn tal-oħrajn biex jiżviluppa. Għalhekk, huwa jagħmel “kuntratt soċjali” mal-oħrajn fejn iċedi parti mil-libertà tiegħu biex iwaqqaf l-Istat. Skont din it-teorija, ir-“rieda ġenerali” hemm bżonn li tkun obduta – hija din ir-rieda ġenerali li tagħmel lill-bniedem ħieles.

Dawn iż-żewġ teoriji jżommu li s-sovranità popolari hija assoluta. Ma jeżisti xejn ’il fuq mir-rieda ġenerali tal-poplu. Hija din ir-rieda ġenerali taċ-ċittadini l-kejl aħħari ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin, ġust jew inġust, onest jew diżonest. Hekk, per eżempju, biżżejjed li “ir-rieda ġenerali” tkun trid li l-abort, biex l-awtorità pubblika tagħti l-permess biex dan ikun jista’ jsir, irrispettaviment mill-fatt li l-abort huwa omiċidju! Dan ifisser li dawn it-teoriji jserrħu fuq antroploġija ateista u falza, u għalhekk mhumiex garanzija li din ix-xorta ta’ awtorità ser tibni soċjetà li tassew tixraq lill-bniedem. Għax skont dawn it-teoriji, il-bniedem huwa magħluq għal Alla! Huwa f’dan id-dawl li Del Noce jirrimarka li l-kriżi tal-awtorità llum għandha fundament antroploġiku u teoloġiku!

Oriġini tal-awtorità
Huwa t-tagħlim kostanti tagħna l-Kattoliċi li Alla huwa l-oriġini tan-natura soċjali tal-bniedem u tal-awtorità. Lil Pilatu Kristu jgħidlu: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi, kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq” [Gw 19:11]. Diġà fl-1939 il-Papa Piju XII, bl-enciklika Summi Pontificatus, kien għallem li l-Ħallieq ried li s-sovranità civili torganizza l-ħajja soċjali skont dawk il-prinċipji tal-liġi naturali li jgħinu biex il-bniedem jilħaq il-perfezzjoni fiżika, intellettwali, morali u spiritwali. Dokument reċenti tal-Kongregazzjoni tal-Fidi jfisser kif l-għerq tat-traġedji li qed isieħbu l-istorja moderna tal-libertà jinsab fit-teorija ta’ min twebbel li huwa ħieles minn kull liġi morali. Meta l-bniedem jieħu l-indipendenza minn Alla, flok ma jkattar il-libertà, jitlifha.

L-awtorità u r-raġuni
F’diskors li għamel sentejn ilu dwar Scotus Eriugena, il-Papa Benedittu XVI ifisser li skont dan it-teologu l-awtorità u r-raġuni qatt ma jistgħu ikunu f’kuntrast ma’ xulxin. Infatti kull tip ta’ awtorità li mhix ikkonfermata mir-raġuni, hija meqjusa bħala awtorità dgħajfa! Il-vera awtorità hija dik li taqbel mal-verità li l-bniedem jaf jasal għaliha bir-raġuni. M’hemmx kontradizzjoni bejn l-awtorità awtentika u r-raġuni retta għax it-tnejn ġejjin minn għajn waħda: l-għerf t’Alla!

Fid-dawl ta’ dan kollu, għalhekk, mhix ir-“rieda ġenerali” l-għajn unika u universali tad-drittijiet ċivili, imma l-verità. Jekk intennu li kollox jiddependi mill-ħsieb arbitrarju tal-maġġoranza, allura “ir-rieda ġenerali” issir “reliġjon ċivili” li tiddetta x’inhi l-verità. F’dan il-każ, ir-riskju huwa serju ħafna!

Ċittadini responsabbli
Huma ħafna dawk iċ-cittadini li qed iħaddmu l-awtorità, anke dik pubblika, b’għaqal u responsabilità. Filwaqt li s-soċjetà għandha tkun grata lejn dawk li jaċċettaw li jerfgħu l-piż tal-awtorità pubblika, f’dawn il-każi ċ-ċittadini huma obbligati fil-kuxjenza li jobdu.

Awtorità abbużata
Imma meta l-awtorità tiddeġenera, tikber il-possibilità li jkun hemm abbuż mill-awtorità u joktru l-vittmi. Fis-soċjetà tagħna hemm diversi każijiet ta’ abbuzi ta’ din ix-xorta: jeżistu abbuzi minn min għandu l-poter tal-flus, tal-għerf, tal-professjoni, tal-uffiċċju amministrattiv, tal-uniformi, tal-midja, tal-politika kif ukoll minn min jassumi “poter” reliġjuż. F’dawn il-każi, min kiseb l-awtorità li mbaghad bidilha f’poter jaf jasal biex jisfrutta l-awtorità tiegħu biex jaħkem jew jintimidizza lil ħaddieħor.

Wieħed jawgura li, filwaqt li dawn il-forom ta’ inġustizzja jiġu indirizzati b’mod tassew effettiv, ilkoll noffru s-sehem tagħna biex tkun irkuprata t-tifsira u l-prattika tal-awtorità awtentika u hekk ikollna soċjetà b’saħħitha.
(It-test sħiħ tal-omelija jkun ippubblikat aktar ’il quddiem.)