IĊ-ĊITTADINANZA TAL-FIDI
“Disfattiżmu tar-raġuni”
Dawn il-ġranet qiegħed naqra artiklu; mhux xi kitba tas-Santi Padri, lanqas mhu ħiereġ mill-pinna ta’ xi Papa, lanqas huwa folja mill-Maġisteru tal-Knisja tagħna, imma huma ftit ħsibijiet midmumin minn filosfu li jgħid li ma jemminx: Jürgen Habermas. Hu artiklu li kitbu ftit tax-xhur ilu. Ta’ bniedem tassew għaref, jagħmel osservazzjoni u jgħid illi l-istat modern li huwa liberali u sekularizzat tilef il-presupposti meħtieġa biex ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu ta’ Stat. Proprju għaliex huwa nieqes minn dan il-fundament, l-Istat qed iħabbat wiċċu ma’ dak li jissejjaħ “disfattiżmu tar-raġuni” – tilef kull fiduċja fl-ħajja umana, fiż-żwieġ, fil-familja, fil-ġustizzja, eċċ. Għaldaqstant, meta l-Istat jitlef is-sens ta’ Alla, ma jkunx jista’ jiggarantixxi li ser ikun kapaċi jiggverna b’mod li tassew iħares id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.
Kieku din l-affermazzjoni qed nagħmilha jien jew kieku qalha l-Papa Benedittu XVI, kieku xi ħadd jista’ jgħid: “Int agħlaq ħalqek” – kif qegħdin jgħidulna – “għax m’hawnx spazju, m’għandekx dritt għall-kelma, m’għandekx dritt li taħseb, għax int qassis”. Għax f’din is-sitwazzjoni wasalna issa: għax int qassis jew Kattoliku, allura m’għandekx moħħ! Imma din qed jgħidha – u min jaqra jaf x’qed ngħid – filosfu ta’ kalibru: Jürgen Habermas.
Ma tarawx xebh bejn din is-sitwazzjoni u l-kultura li fiha kien qed jgħix San Ġorġ Martri? San Ġorġ, aħna li nafu l-istorja tiegħu, nafuh jgħix f’ambjent fejn l-istat ta’ żmienu, allura l-Imperu ta’ Ruma, kien ukoll imperu liberali illi ried jinfatam minn Alla u jsikket lil Alla. U xi ġralu dan l-imperu? Kisser u qered lilu nnifsu, bħalma jiġrilhom l-istati moderni jekk ma joqogħdux attenti x’direzzjoni sa jieħdu. Kien f’dan il-kuntest li żvolġiet il-ħajja glorjuża tal-martri tagħna San Ġorġ. U għalhekk huwa ħafna opportun li din id-devozzjoni tagħna lejn San Ġorġ tkompli xxettel l-għeruq tagħha biex lilna tispirana biex insibu soluzzjoni għal din l-istraġi politika.
“Alleanza” bejn ir-raġuni u l-fidi
Quddiem id-disfatta tar-raġuni li biha mexjin l-istati liberali, il-filosfu Jürgen Habermas jissuġġerixxi t-tiġdid tal-alleanza bejn ir-raġuni u l-fidi. Huwa jara li l-ħażna tal-għerf ta’ żmienna flimkien mal-għerf teoloġiku li joffru r-reliġjonijiet, tista’ tgħin biex il-bniedem ma jkollux disfatti fil-ħajja!
Fejn huma l-filosfi tagħna? Fejn huma l-għorrief tagħna li qegħdin jiddeċiedu għalina? M’iniex nikkwota riżorsa tal-Knisja; qed nikkwota filosfu li jipproponi bħala triq futura l-alleanza bejn il-konoxxenza tar-raġuni u l-konoxxenza tal-fidi. Tiżen ftit din l-affermazzjoni! Sfortunatament il-ħassieba tagħna, li formalment huma Nsara, jaħsbuha mod ieħor! Dawn huma konvinti li l-progress veru jfisser li Alla għandu jiġi msikket u li dawk li għandhom twemmin Nisrani m’għandhomx dritt jieħdu sehem fid-dibattitu pubbliku! Anzi għandna min jgħid li jekk jiftħu fommhom in-nies tal-Knisja, dawn ifixklu l-proċess demokratiku! Għal xi wħud jidher li dawk li jemmnu f’Alla huma nies bla moħħ u ma għandhom xejn x’jikkontribwixxu fid-diskussjoni pubblika!
Meta aħna nitkellmu fuq il-fidi tagħna u nfittxu li ndawlu anki r-raġuni permezz tal-fidi, iċamawna li aħna rridu stat teokratiku! Anzi, għandna min jiġġustifika li l-Insara m’għandhomx jingħataw vuċi fil-kapitlu proprju għax ma jridx li jkollna stat teokratiku! Mela ma jafux illi l-Knisja għamlet passi ta’ ġgant ’il quddiem fl-għarfien tagħha nfisha u ta’ kif għandha tirrelata mad-dinja u mas-soċjetà ċivili? Min jaħseb dan għadu ma ntebaħx li l-Kattoliċi għamlu l-esperjenza tal-Konċilju Vatikan II, fejn il-Knisja tgħallem li għandu jkun hemm separazzjoni bejn stat u Knisja! Għalkemm naqblu li stat ma għandux ikun konfessjonali, ikun gwaj serju jekk ikollna stat ateista, kif hawn fostna min qed irewwaħ! Qed iqarraq min jgħid illi l-Insara b’xi mod jixtiequ xi stat teokratiku u konfessjonali. Aħna ma rridux li jkollna stat ateista. Jekk tridu xempju ta’ xi jfisser nazzjon ateista, diġà semmejtilkom iż-żmien ta’ San Ġorġ bil-persekuzzjonijiet kollha u l-qerda li kien hemm. Imma nista’ nsemmilkom esperjenzi iktar qrib tagħna: l-Albanija stat ateista. U tafu x’hemm fl-Albanija! Allura aħna hemm irridu naslu? Aħna rridu naslu f’sitwazzjoni fejn ara ssemmi lil Alla, ara titkellem fuq dawk li huma drittijiet ta’ Alla?
Din hi l-alleanza li hija meħtieġa llum biex l-istat isib il-presupposti li fuqhom jibni lilu nnifsu, biex is-soċjetà jkollha dawk il-pedamenti, jew fundamenta, li tista’ sserraħ fuqhom. Intom immaġinaw ftit… ħa nagħtikom eżempju żgħir, jekk m’intomx tifhmuni. Jekk ngħidilkom: “Mur għand tabib li m’għandux kuxjenza u sens ta’ Alla”, inti tafda ruħek ma’ dak it-tabib? Issa jien flok tabib nista’ nsemmilek kull professjoni oħra, inkluża l-professjoni nobbli ta’ dawk li huma fil-politika! Dan li rridu aħna? Dan hu l-progress li qegħdin nirreġistraw? Xejn m’aħna differenti miż-żminijiet li fihom tħabat il-martri San Ġorġ! Araw kemm hu figura attwali għal żminijietna! Dan li jiena nawgura: illi s-soċjetà tagħna tagħraf issib din l-alleanza bejn affarijiet li tgħidlek ir-raġuni – għax xi darba lanqas ma nimxu skont ir-raġuni – u dak li tgħidilna l-fidi.
Ċertu diskors li qed jinkiteb u jingħad għandu jkexkixna. Meta jingħad li m’għandux ikun hemm relazzjoni bejn dawk li huma liġijiet tal-pajjiż u l-etika, din hija pożizzjoni serja ħafna għax ifisser illi min għandu l-poter leġiżlattiv, billi m’għandux il-fundament etiku – għax m’għandux lil Alla – għandu setgħat assoluti! Possibbli l-Knisja biss tgħid dan id-diskors? Huwa fatt li din hi vuċi solitarja! Hekk kienu l-martri, hekk kien San Ġorġ… vuċi solitarja quddiem it-tirannija ta’ Djoklezjanu, li kellu l-poter u ħaseb illi bih seta’ jagħmel kollox, għax kien poter assolut! Mentri hija dik l-alleanza bejn ir-raġuni u l-fidi f’Alla li tista’ tgħin lill-bniedem isib l-ekwilibriju biex għemilu jkun skont is-sewwa u l-ġustizzja.
Hija l-missjoni tagħna l-Insara li nippruvaw innaqqxu fl-istorja tan-Nazzjon il-veritajiet Kristjani dwar il-bniedem u dak kollu li jmiss mal-bniedem. Ma nħallux li min jintimidana u jrid jipprova jsikkitna! Bħalma kienet il-missjoni tat-Tribun ta’ Lidda, din hi l-missjoni tagħna: illi f’soċjetà li ma riditx tisma’ bi Kristu, li hi għadu tas-Salib, b’ħafna mħabba, bil-prudenza, imma b’rispett lejn il-verità, ma nibżgħux naffrontaw l-iżball, niddenunzjaw il-gidba u nikkoreġu n-nofs verità. San Ġorġ ta s-sehem tiegħu, anki bl-istess uffiċċju li kien jokkupa fl-armata, biex tintlaħaq din l-alleanza bejn ir-raġuni u l-fidi.
Libertà reliġjuża
Illum nitkellmu ħafna fuq drittijiet… nitkellmu fuq drittijiet ċivili, li wħud minnhom mhuma drittijiet xejn imma huma drittijiet li ħloqniehom aħna għax jaqblilna, u għada kapaċi ninsewhom għax ma jkunx jaqblilna. Imma hemm drittijiet li jgħidulhom drittijiet fundamentali, u fost dawn id-drittijiet – u dan mhux qed tgħidu l-Knisja, imma jgħiduh Charters tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem – hemm id-dritt għal-libertà reliġjuża: dak id-dritt illi ġie miċħud lil San Ġorġ u llum qed jiġi mċaħħad ukoll lid-dixxipli ta’ Kristu. Id-dritt għal-libertà reliġjuża jfisser illi fil-privat u fil-pubbliku inti li tħaddan twemmin reliġjuż tista’ tistqarr il-konvinzjonijiet tiegħek bħala kredenti, inti tista’ tiddjaloga ma’ ħaddieħor, imdawwal mill-konvinzjonijiet tal-fidi tiegħek.
Propju għaliex għandna d-dritt tal-libertà reliġjuża, il-Knisja għandha d-dritt fundamentali li xxerred il-fidi bil-libertà vera. Għax hemm tentattivi biex dan l-eżerċizzju jiġi mxekkel! Naf x’qed ngħid. Araw id-direttiva li ħarġet ftit ilu mill-Awtorità tax-Xandir. Fuq il-mezzi tax-xandir tagħna aħna ma nistgħux nitkellmu x’jgħid il-Vanġelu fuq il-bniedem u dak li jmiss lill-bniedem, u allura ż-żwieġ u l-familja. Le! Dan biex taparsi jkollok il-bilanċ! U l-bilanċ ifisser li jekk jien illejla qed nagħmel prietka trażmessa fuq radju, missu hawnhekk hawn xi ħadd ieħor illi nagħtuh id-dritt li jgħid dak li ma jaqbilx mal-ethos tagħna. Dak il-bilanċ?
Id-dritt tal-libertà reliġjuża jfisser li l-Knisja għadha d-dritt li tgħallem it-tagħlim soċjali tagħha, imnebbaħ mill-Vanġelu, mibni fuq ir-raġuni. Xi żvantaġġ għandha l-Knisja – għax hija Knisja? – illi taħseb b’moħħha, illi r-raġuni mdawla mill-fidi tgħinha biex tasal għal ċerti konklużjonijiet soċjali? Is-sabiħa hi li meta jien, isqof tagħkom, f’dawn il-ħames snin tkellimt fuq issues soċjali, applawdewni. Imma issa le, issa fuq iż-żwieġ ma tistax titkellem… iż-żwieġ m’għadux issue soċjali! Dan jagħmel sens? Allura x’ħin nitkellem fuq il-ħaddiema, jew meta nitkellem fuq l-inġustizzji, jew x’ħin tkellemt fuq l-emigranti irregolari, dakinhar intqal li “għamel sew l-Isqof”. Imma issa “mhux jagħmel sew” meta qed jitkellem fuq il-Vanġelu, meta qed nitkellem fuq il-familja! Il-Knisja għandha dritt illi tgħallem it-tagħlim soċjali tagħha.
Fuq kollox il-Knisja għandha dritt, ħiereġ mid-dritt tal-libertà reliġjuża, illi tagħmel ġudizzju morali fuq ħwejjeg li għandhom x’jaqsmu mal-ordni politiku, speċjalment meta l-jeddijiet fundamentali tal-persuna jew is-salvazzjoni tal-erwieħjitolbu dan. Imbagħad iridux isegwuh jew le, dik ħaġa oħra.
Dawn il-prinċipji huma elenkati fil-Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju Vatikan II, “Il-Knisja fid-dinja tal-lum” (n.76).
L-impenn Nisrani fil-ħajja soċjali
Din hi s-sitwazzjoni! Għaliex taħsbu li San Ġorġ ħa l-martirju? Għaliex hu u sħabu kellhom dik il-persekuzzjoni? Għaliex – forsi b’termini oħra, imma s-sustanza hija l-istess – il-poplu ta’ Alla, quddiem dak it-tip ta’ stat, l-Imperu Ruman, ried ixerred il-Vanġelu, ried jitkellem fuq is-soċjal u ried jgħaddi ġudizzju morali fuq il-ħajja soċjali.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li għadna kif iċċelebrajna l-beatifikazzjoni tiegħu – li huwa d-difensur mhux biss ta’ Kristu, imma għax hu difensur ta’ Kristu hu difensur tal-bniedem – kien wieħed mill-ħabbara li ddefenda d-drittijiet ta’ Alla, tal-Knisja u tal-bniedem. Hu jgħidilna illi jekk il-fidi tagħna ma tkunx fidi illi ddakkar il-kultura, is-soċjal u l-politika, allura mhix fidi mgħejxa bil-fedeltà – hija fidi mejta. L-intelligenza tal-fidi tittraduċi ruħha f’intelliġenza tar-realtà ta’ madwarna u hekk issir ċavetta ta’ gudizzju u bidla! Hija bla sens li x-xhieda Nisranija tiġi eskluża mill-ħajja pubblika!
X’qed nagħmel ħażin jekk illejla nħeġġeġ lilkom, u magħkom lill-Knisja tagħna kollha, biex, fid-dawl ta’ dak li jgħidilna Ġwanni Pawlu II, il-fidi tagħna ma nħalluhiex mejta, imma tkun fidi illi ddakkar il-ħajja personali, tal-familja, soċjali u tal-kultura tagħna? Ara ma taħsbux illi dan qegħdin ngħiduh għax għandna f’moħħna li niksbu xi forma ta’ poter, ta’ eġemonija soċjali jew politika. Dik m’għandhiex x’taqsam mal-vokazzjoni tagħna bħala Knisja. Lilna jinteressana biss illi, imdawlin mit-tagħlim ta’ Kristu, dak it-tagħlim illli ħeġġeġ lill-martri San Ġorġ biex b’ħajtu jagħti xhieda, lilna wkoll dan it-tagħlim jimbuttana u jistimulana ħalli s-soċjetà tagħna tkun mibnija fuq il-ġebla tax-xewka. Il-bini li m’għandux ġebla tax-xewka soda, iħoss u jinżel. Id-dmir tagħna hu illi, nerġa’ ngħid, quddiem kunċett ta’ stat liberali u sekularizzat, mingħajr m’għandna nippretendu li jkollna stat konfessjonali, għandna nippretendu, bħala ċittadini – u ċittadini Kattoliċi – illi jħalluna nagħtu l-kontribut tagħna biex tintlaħaq din l-alleanza bejn ir-raġuni u l-fidi.
Biex nagħmlu dan aħna għandna bżonn l-interċessjoni tas-Sema. U bħalma għamilt ilbieraħ f’din il-festa liturġika li qegħdin nagħmlu lill-Patrun tagħna San Ġorġ, hekk nerġa’ nagħmel illejla, fejn nitlob lil San Ġorġ Martri, xhud ta’ Kristu, li ta s-sehem tiegħu biex tikber iż-żerriegħa tal-Insara, jgħin lilna wkoll biex ngħożżu l-fidi u t-twemmin tagħna, ngħożżu wkoll iċ-ċittadinanza tagħna, aħna li niffurmaw parti minn dan in-Nazzjon, u għax inħobbu lil Kristu u lil pajjiżna, bħalma kien iħobb San Ġorġ, tiġi s-siegħa tagħna fejn b’wiċċna minn quddiem nagħtu xhieda tal-valuri li nemmnu fihom, bit-tama li bis-sehem tagħna mhux biss tidher fostna s-Saltna ta’ Alla, imma nibnu soċjetà illi għandha futur.