Ċirkulari 17/2011
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
It-talba tar-Rużarju
Sa ftit snin ilu, kull filgħaxija f’Għawdex tagħna kien ikollna kor kbir li jgħanni għanja ħelwa! Kont tista’ tgħaddi mit-toroq ħiemda ta’ gżiritna u tisma’ lill-familji tagħna jgħannu s-sinfonija tar-Rużarju! Kienet drawwa sabiħa li l-familja tinġabar flimkien, uħud minnhom anke għarkupptejhom, madwar ix-xbieha ta’ Marija ta’ Nazaret, Omm Alla u Omm tagħna, u flimkien jitolbu bit-talba tar-Rużarju.
Huwa fatt li ż-żminijiet inbidlu. Il-ħin tagħna qsar. Ikun sar tard filgħaxija u ħafna jkunu għadhom qegħdin jinġabru mill-iskola u mix-xogħol. Agħar minn hekk, naqas ukoll il-gost tat-talb, biex ma ngħidx il-gost ta’ Alla! Flimkien mal-ħafna ħsejjes li hawn madwarna, li mhux biss jgħejjuna imma jaħtfulna l-ħemda li neħtieġu biex nitolbu, ġie li żżarżar f’widnejna l-għajta li “Alla miet”!
Dan kollu jikkonferma kemm sar urġenti li nieħdu t-talb bis-serjetà! Mingħajr l-ossiġnu l-pulmuni jinxfu u l-bniedem jifga! It-talb huwa l-ossiġnu spiritwali għalina individwalment u għall-familji tagħna.
Għalhekk, issa li bdejna x-xahar ta’ Mejju, nappella lil kull familja biex, anke jekk b’diffikultà, nerġgħu niffurmaw dan il-“kor” u fid-djar tagħna terġa’ tibda “titkanta” l-għanja smewwija tar-Rużarju. Inħeġġeġ lill-ġenituri biex kif kuljum jiġbru lil uliedhom mal-mejda għall-ikel, isejħulhom ukoll biex bħala familja jfaħħru lil Alla u lill-Madonna bit-talba tar-Rużarju. Hekk f’din l-iskola ta’ talb, il-miżżewġin isibu l-qawwa biex iżommu sħiħ u sal-aħħar l-impenji konjugali tagħhom; il-membri tal-familja jitħarrġu f’dawk l-atteġġjamenti meħtieġa biex iqaddsu s-soċjetà mhedda mir-riskju tal-bruda spiritwali u li qed “tmut” għal Alla.
Il-Beatu Ġwanni Pawlu II kien qalilna li jekk il-familji Nsara jerġgħu jiskopru l-ġmiel tar-Rużarju, dan ikun mezz effikaċi biex jintrebħu l-effetti qerrieda tal-kriżijiet epokali (ara, Rosarium Virginis Mariae, 6), fosthom insemmi l-kriżi ta’ fidi u tal-familja li għandna fil-komunità Nisranija.
Issa li bdejna l-Erbgħat tal-Madonna bi tħejjija għall-festa tat-Tlugħ tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem, nistieden lill-familji biex iżommu għal qalbhom id-drawwa qaddisa tagħna l-Għawdxin li kull nhar ta’ Erbgħa nagħmlu żjara lill-Madonna fis-Santwarju Ta’ Pinu. Bħas-sena l-oħra, matul dawn l-Erbgħat jien ser nidħol Ta’ Pinu biex fid-8.45p.m. ngħid ir-Rużarju, u kull darba nġedded l-affidament tal-familji tagħna lill-Madonna. Tkun ħaġa sabiħa jekk niltaqgħu flimkien hemmhekk.
Bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu, Sultana tal-Familja, nitlob fuqkom ilkoll u fuq il-familji kollha tagħna l-barka tas-Sema.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum il-Ħamis 5 ta’ Mejju 2011.
+ Mario Grech Mons. Salv Debrincat
Isqof ta’ Għawdex Kanċellier