IL-FWIEĦA TA’ KRISTU
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
fit-tifkira tal-ewwel anniversarju minn meta l-Papa Benedittu XVI ta l-Warda tad-deheb lill-Madonna Ta’ Pinu
Santwarju Madonna Ta’ Pinu – It-Tnejn, 18 ta’ April 2011

IL-FWIEĦA TA’ KRISTU

Dakinhar li Ġesù mar jiekol għand Lazzru, Marta u Marija, fid-dar kien hemm taħlita ta’ rwejjaħ. Marija ta’ Magdala ġabet magħha libbra żejt ta’ nard u dan mela d-dar b’riħa tfuħ (Ġw 12,1-11)! Però, fid-dar kien hemm ukoll Ġuda l-Iskarjota li kien ħalliel, rgħib, traditur u qattiel! Nistgħu ngħidu li Ġuda jippersonifika r-riħa tat-taħsir, tal-mewt u d-dnub.

Din it-taħlita ta’ fwieħa u ntiena tista’ tkun preżenti fil-qlub tagħna, fid-djar tagħna u saħansitra fl-awli liturġiċi tagħna. Għaliex kull wieħed minna jista’ jġorr fih innifsu taħlita ta’ tajjeb u ħażin, ta’ grazzja u dnub, ta’ ħajja u mewt! Filwaqt li l-fwieħa sserraħ u tiġbed lill-oħrajn, ir-riħa ħażina tbiegħed! Sfortunatament, l-arja ta’ madwarna hija mniġġsa għax bħal Ġuda l-bniedem huwa mħassar. Faċli ħafna li din ir-riħa tinten toqgħod fuqna, tidħol fina u timla madwarna!

Illum qegħdin infakkru l-ewwel anniversarju minn meta l-Papa Benedittu XVI kien fostna u waqt quddiesa li huwa ċċelebra fuq il-Fosos tal-Furjana ppreżenta Warda tad-Deheb lill-Madonna Ta’ Pinu. Permezz ta’ dan ir-rigal il-Papa mhux biss ried jurina l-imħabba li huwa għandu lejn il-Madonna, imma ried ifakkarna wkoll li l-Madonna hija “warda mistika” li ssebbaħ u tfewwaħ is-Santwarju u lil dawk kollu li jżuruha. Min jista’ jgħodd il-pellegrini li matul din is-sena ġew quddiem il-Madonna Ta’ Pinu u ddakkru fil-fwieħa tagħha! Imsaħħrin mill-fwieħa ta’ Marija, huma jaslu f’dan is-Santwarju, ħafna drabi maħmuġin u b’irwejjaħ jintnu ta’ matul il-vjaġġ tal-ħajja, u jħallu l-fwieħa tal-Madonna tinżel fuqhom. Bħan-naħal li joqgħod fuq il-fjuri biex jiġbor it-trab dakkari (pollen) ħalli mbagħad jaħdem u jagħmel l-għasel, hekk il-pellegrini joqogħdu quddiem Marija jiġbru minn għandha t-tjubija biex imbagħad huma jkattru dik il-ħlewwa madwarhom.

Marija hija l-isbaħ fjura fil-ġnien tal-Mulej! Mhux biss għax imliha bil-grazzja, imma wkoll għax bl-iva tagħha Marija tikkopera ma’ Alla. Fiha l-ħajja tal-virtù tarmi l-fwieħa; u l-aqwa virtù hija l-ubbidjenza tagħha għar-rieda ta’ Alla. Bħal warda li tarmi l-fwieħa tagħha meta tiftaħ, hekk Marija, meta waslet il-milja taż-żmien, “fetħet” u tat lid-dinja lil Ġesù – l’Iben t’Alla li sar bniedem biex jeqred id-dnub, li huwa l-espressjoni u l-kawża ta’ kull riħa tinten. Dakinhar li nirċievu l-“Griżma”, Kristu, il-midluk tal-Mulej, jibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu li jissawwab fuqna bħal balzmu u hekk kull wieħed u wieħed minna jsir il-fwieħa ta’ Kristu.

Bħalma l-fjuri jixhdu li bdiet ir-rebbiegħa, hekk meta Marija ta’ Nazaret tatna lil Kristu inawgurat żmien ġdid għall-umanità. Kemm neħtieġu din ir-rebbiegħa ġdida fil-ħajja tagħna personali, fil-ħajja tal-familja u fil-ħajja tal-Knisja! Imma biex il-ġnien tagħna jibda jwarrad u jarmi l-fwieħa, ir-ruħ tagħna trid temmen verament li Kristu huwa Alla! Ħafna drabi l-mod kif nittrattaw il-Kelma ta’ Kristu iġagħalni nissuspetta li hawn min ma jarax lil Alla fi Kristu! Dan ifisser li l-għarfien tagħna ta’ Kristu huwa fqir ħafna. Huwa evidenti li jonqosna dak li San Pawl isejjaħlu “il-fwieħa tat-tagħrif tiegħu” (2Kor 2,14).

Għalhekk nersqu għand Marija biex nisimgħuha tgħidilna: “Agħlu dak li jgħidilkom hu”. Meta permezz ta’ Marija aħna niftħu l-bieb lil Kristu biex jgħammar fostna, imbagħad id-dar tagħna mhux biss tkun nadifa minn irwejjaħ jintnu, imma timtela bil-fwieħa t’Alla u tarmi l-fwieħa fil-madwar. Imnebbħin minn dak li jingħad fl-Għanja tal-Għanjiet: “Qum Tramuntana, riħ isfel, ejja, onfoħ fuq il-ġnien tiegħi, ħalli s-siġar tal-balzmu tiegħu jqattru” (4,16), insejħu lill-Madonna, Għarusa tal-Ispirtu s-Santu, biex bl-interċessjoni tagħha f’dan il-Għid ir-riħ qawwi ta’ Pentekoste jonfoħ fuqna, “il-balzmu tal-ġnien ta’ Alla”, u hekk il-fwieħa ta’ Kristu tixtered u timla kullimkien.