Marzu – ix-xahar ta’ San Ġużepp
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

mario_grech_arm.jpgĊirkulari 16/2011

Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

Marzu – ix-xahar ta’ San Ġużepp

Is-solennità ta’ San Ġuzepp, li ta’ kull sena niċċelebraw fid-19 ta’ Marzu, tagħti kulur Ġuzeppin lix-xahar kollu ta’ Marzu. Din id-devozzjoni, għalkemm għandha aktar minn mitejn sena, għad fadlilha l-attwalità tagħha.

Kien Giuseppe Marconi li fl-1801 ippubblika f’Ruma ktejjeb dwar ix-xahar ta’ Marzu bħala xahar iddedikat lill-Patrijarka San Ġużepp. Imbagħad, fl-1865 il-Papa Piju IX ħeġġeġ biex l-Insara jgħożżu din id-devozzjoni bħala mezz biex jitolbu lil San Ġużepp u għajnuna biex jimitaw il-virtujiet tiegħu. Il-Papa Benedittu XV, bil-motu propju Bonum sane, eżorta lill-isqfijiet biex jaraw li fid-djocesi tagħhom dan ix-xahar Ġużeppin ikun magħruf biex l-Insara jikbru fl-imħabba tagħhom lejn San Ġużepp, ir-raġel ta’ Marija ta’ Nazaret. Għadha friska l-eżortazzjoni apostolika dwar San Ġużepp “Il-Kustodju tal-Feddej” li fl-1989 tana l-Papa Ġwanni Pawlu II, li ftit xhur oħra l-Knisja ser tiddikjarah Beatu.

Fuq l-eżempju ta’ dawn ir-Rgħajja tal-Knisja, neżortakom biex matul dan ix-xahar “nistkennu taħt il-ħarsien” ta’ Ġużeppi billi fil-familji u fil-komunitajiet tagħna nirriflettu dwar dan il-qaddis u nagħmlu talb ħerqan lil Alla bl-interċessjoni tiegħu.

Fiż-żminijiet tal-lum, inħoss li għandi nipproponi żewġ intenzjonijiet għat-talb tagħna lil San Ġużepp:

(a)    nitolbu biex il-familji tagħna jibqgħu jserrħu fuq żwieġ dejjiemi. Ta’ bniedem “ġust” li kien, Ġużeppi kien jara l-affarijiet bl-għajnejn ta’ Alla. Kien bniedem li fittex li jagħmel ir-rieda t’Alla, anke meta l-ubbidjenza tiegħu lejn Alla swietlu prezz għoli. F’kuntest bħal tagħna, fejn qed nisimgħu b’fehmiet diversi dwar iż-żwieġ u l-familja, liema fehmiet jistgħu jħawdu l-kuxjenzi tagħna, inħarsu lejn u nitolbu lil San Ġużepp li “għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej u ħa lil martu għandu” (Mt 1,24). Huma baqgħu flimkien minkejja li bil-liġi tal-bnedmin seta’ “jibgħatha” ’l barra.

(b)    Nitolbu għar-refuġjati u dawk li jistgħu jsibu ruħhom f’din il-kundizzjoni anke minħabba l-inkwiet li għaddej minnu l-pajjiż ġar tagħna l-Libja. Billi minħabba l-qagħda mwiergħa ta’ pajjiżhom ħafna qed ikollhom jitilqu, xieraq li l-komunità internazzjonali turi disponibilità li toffrilhom kenn u tgħinhom itaffu ftit it-tbatija. San Ġużepp ġarrab l-istess tbatija tar-refuġjati meta kellu jaqbad lil Marija u lit-tfajjel Ġesù u jemigraw lejn l-Eġittu.

Filwaqt li napprezza l-ġesti ta’ umanità kbira anke b’sagrifiċċji mhux żgħar li wrejna f’dawn l-aħħar jiem, nirrakkomanda li nkunu ħaġa waħda fit-talb u b’kull forma ta’ għajnuna oħra mal-Knisja Kattolika preżenti fil-pajjiżi Għarab, b’mod partikulari ma’ ħuti fl-episkopat Mons. Isqof Silvestru Magro, O.F.M., Vigarju Apostoliku ta’ Benghażi u Mons. Isqof Giovanni Martinelli, O.F.M., Vigarju Apostoliku ta’ Tripli. Niftakru wkoll f’dawk ir-reliġjużi li għadhom jaqdu f’isem Kristu f’dawn il-pajjiżi.

Wara li smajt il-Kappillani, nipproponi li l-flus li niffrankaw frott is-sawma ta’ Ras ir-Randan nagħtuhom bħala offerta ta’ solidarjetà mal-Knisja Kattolika fil-Libja f’ġabra li se ssir fil-knejjes kollha tad-Djoċesi waqt il-quddies fl-istess jum.

Xieraq li matul ix-xahar ta’ Marzu fil-familji, fl-iskejjel u fil-knejjes tingħad kuljum it-talba f’ġieħ San Ġużepp.

Bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp nitlob fuqkom ilkoll u fuq il-familji kollha tagħna l-barka tas-Sema.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum it-Tlieta 1 ta’ Marzu 2011.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Mons. Salv Debrincat
Kanċellier