Għoti tal-ministeru tal-Lettorat

lettorat-27-ta-frar-20112.jpg

Nhar il-Ħadd 27 ta’ Frar, fil-Knisja Arċipretali taż-Żebbuġ, Mons. Isqof Mario Grech ta l-ministeru tal-Lettorat lil żewġ seminaristi: John Paul Cefai, mill-parroċċa tal-Qala, u Gabriel Gauci mill-parroċċa ta’ Kerċem. Bil-ministeru tal-Lettorat is-seminaristi isiru qarrejja uffiċjali tal-Kelma t’Alla waqt il-quddies u waqt ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra. Barra minn hekk huma jkollhom ir-responsabilità li jxandru l-Kelma t’Alla permezz tal-katekiżmu kif ukoll waqt laqgħat oħra ta’ formazzjoni Nisarnija. Dan il-ministeru jingħata lis-seminaristi li jkunu waslu fil-ħames sena tal-formazzjoni tagħhom fis-seminarju, u għalhekk dan ikun pass ieħor li jkompli jqarribhom lejn id-djakonat u s-saċerdozju. Fl-omelija tiegħu. Mons. Isqof saħaq dwar l-importanza li l-Knisja f’Għawdex ikollha nies imħejjija kif jixraq sabiex mhux biss jaqraw imma jxandru l-Kelma t’Alla, sabiex din tħalli iktar effett fuq dawk li jisimgħuha. Saħaq ukoll kemm biex min jingħażel biex jaqra waqt il-quddies ikun tassew ippreparat biex jagħmel dan.