NINDUKRAW L-EKOLOĠIJA MEDJATIKA

dscf1950b.jpg

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti, ilbieraħ it-Tnejn 24 ta’ Jannar 2011, l-Isqof Mario Grech iċċelebra quddiesa għall-ġurnalisti u x-xandara Għawdxin, u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Xieraq li s-soċjetà tagħna tippromovi l-għadd u l-kwalità ta’ dawk li huma involuti fil-qasam tal-midja, ikkunsidrat li l-midja għandha rwol importanti kemm biex tistimula r-riflessjoni dwar id-dinamika tas-soċjetà, kif ukoll biex tgħin fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika. Infatti, dejjem skont kif jintużaw, il-mezzi tal-midja jiffurmaw wieħed mill-istrumenti ewlenin biex ikollna poplu razzjonali jew irrazzjonali.

L-influwenza tal-midja hija tali li tgħin biex titħaddem id-demokrazija fejn kull vuċi tingħata spazju; fl-istess waqt, użu abbużiv tal-midja jista’, fi kliem il-filosfu Jurgen Habermas, jintroduċi mill-ġdid il-“fewdaliżmu”, fejn il-manipulazzjoni tal-ħsieb tkun tant qawwija li toħloq “kasti ġodda”, u hekk tirrendi diffiċli d-djalogu fit-tfittix għall-verità oġġettiva.

Kif fostna tkattar l-interess għall-ekoloġija ambjentali, tajjeb ukoll li nindukraw dik li Marshall McLuhan sejjaħ l-“ekoloġija medjatika”. Huwa fatt li l-mezzi tal-komunikazzjoni jinfluwenzaw qatigħ lill-bniedem f’dak li għandu x’jaqsam mal-perċezzjoni tar-realtà oġġettiva, mal-proċess tar-riflessjoni, mas-sentimenti u mal-valuri. Għalhekk, quddiem din ir-responsabiltà umana u kulturali, il-midja teħtieg mhux biss taħriġ fit-teknoloġija u fl-arti tal-komunikazzjoni, imma wkoll fl-etika. Dan jgħin biex it-tħaddim tal-midja verament jibni u mhux iħarbat lill-bniedem, lill-istituzzjonijiet u l-istess sistema soċjali.