FIL-ĠRAJJA TAL-MILIED ALLA U L-BNIEDEM JILTAQGĦU FLIMKIEN
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pontifikal tal-Lejl tal-Milied
Knisja Katidrali – Is-Sibt 25 ta’ Diċembru 2010

Il-qalb tal-bniedem tixtieq lil Alla

Il-lejl tal-Milied huwa lejl illi fina joħloq ċerta nostalġija. Ma ngħidx nostalġija mnebbħa mir-rakkont poetiku li għadna kif smajna tat-twelid ta’ Ġesù f’Betlem; imma ngħid nostalġija taċ-ċkunija tagħna meta ta’ tfal konna niċċelebraw il-Milied. Imma, jiena ngħid illi l-Milied illum, forsi b’mod inkonxju, joħloq fina nostalġija oħra, speċjalment meta nikkunsidra li l-qalb umana, allura l-qalb tiegħi u l-qalb tiegħek, hija qalb mimlija bl-imħabba u bit-tradimenti, qalb mimlija b’kuraġġ u bil-biża’, qalb mimlija biċ-ċertezzi u fl-istess ħin mimlija dubji! F’mumenti bħal dawn, jekk irridu nkunu sinċieri, żgur li fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna hemm nostalġija – imma issa mhux nostalġija għal meta konna tfal, imma għal dak li huwa tajjeb, veru u sabiħ. Bir-raġun ninġabru madwar it-tarbija ta’ Betlem, għaliex din in-nostalġija profonda u eżistenzjali hija wkoll nostalġija għal Alla. Forsi aħna stess m’aħniex konxji li fina hemm din ix-xewqa għal Alla.

Dan huwa l-lejl tal-Milied li fih Alla sar bniedem u għammar fostna biex jgħin lill-bniedem itemm din in-nostalġija tiegħu! Inħoss li dan id-diskors jgħodd ħafna għal żminijietna, għaliex fostna nilmaħ tendenzi ta’ bnedmin illi tilfu lil Alla jew rrinunzjaw għal Alla. Madwarna tinħass żiffa ta’ atejiżmu. Niflu ftit kif qed nitkellmu fuq ċerti issues. Saħansitra hawn min b’wiċċu minn quddiem jistqarr li Alla ma jfisser xejn għalih. Min jiċħad ’l Alla, imbagħad jasal biex jiċħad lill-bniedem!

Inħoss ħafna għal dawn ħutna, u f’dan il-lejl qaddis tal-Milied nixtieq nitlob għal dawk li qed jagħmlu sforz kbir biex jemmnu f’Alla imma ma jistgħux jinfdu d-dlam. Għandi f’qalbi lil dawk li bi tbatija kbira qegħdin ifittxu li jissodisfaw din in-nostalġija għal Alla.

Li tfittex lil Alla hi mixja twila

Lil dawn li jfittxu fejn Alla jidher illum, ngħidilhom li mhumiex waħidhom, għaliex anki aħna li nqisu lilna nfusna bħala Nsara, għalkemm mixjin fit-triq tal-fidi, aħna wkoll fadlilna biċċa triq ġmielha x’interrqu – fina wkoll suppost hemm xi ħaġa li timbuttana biex niskopru lil Alla. Santu Wistin jgħid li “min jgħid li jaf lil Alla, għadu ma ltaqax m’Alla”.

Din is-sentenza tbeżżagħni għaliex fil-Knisja, allura fostna, hawn min hu wisq ċert li jaf lil Alla! Min għandu din iċ-ċertezza jista’ jkun fl-istess livell tal-atejist, għax nies bħal dawn faċilment jidhrilhom li m’għandhomx jimpenjaw ruħhom biex ikomplu jfittxu lil Alla. Wieħed Lhudi, li għamel l-esperjenza tal-kamp tal-konċentrament, jagħmel affermazzjoni li fiha ħafna sens meta jgħid li l-ħajja tal-bniedem hija tfittix bla ma jaqta’ ta’ Alla u l-ħajja vera tal-bniedem hija meta l-bniedem isib lil Alla. Mela l-ħajja tagħna hija tfittix kontinwu, u hija ħajja vera meta naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ għax hemmhekk ikollna ċ-ċertezza.

Dan huwa l-lejl li fih telqet it-tfittxija għal Alla. Telqu ir-rgħajja biex jaslu fil-grotta biex jaduraw lill-Ġesù; telqu l-għorrief (Maġi) biex isibu lil Ġesù; telaq ukoll Erodi biex ifittex lil Ġesù. Imma għalkemm huwa l-lejl li fih telqet it-tfittxija – u jien ngħid li lkoll kemm aħna għandna nissieħbu f’din il-karwana biex flimkien infittxu lil Alla –, mhux biżżejjed li nkunu formalment imsieħba f’dik il-karwana li tissejjaħ “Knisja”, għax hemm bżonn neżaminaw x’inhuma l-motivazzjonijiet tagħna, peress li mhux kull min qiegħed jiġri lejn il-grotta għandu motivazzjoni tajba: Erodi kien qed ifittex, imma mbuttat mix-xewqa li jelimina lil Alla!

Alla jixtieq jiltaqa’ mal-bniedem!

Jekk f’dan il-lejl telqet it-tfittxija għal Alla, imbuttati minn din in-nostalġija għal Alla, inħabbrilkom illi dan il-lejl twieled Alla li jrid ifittex lill-bniedem. Għaliex Alla wkoll għandu n-nostalġija għalik. Anzi, inti u jien niltaqgħu ma’ Alla mhux għax aħna qegħdin niġru warajh imma għax hu qiegħed jiġri warajna. Aħna nibqgħu ħielsa jekk niftħulux il-bieb biex jidħol u joqgħod magħna.

Iva, il-lejl tal-Milied mhux biss ifakkarna f’din in-nostalġija tal-bniedem għal Alla imma għandu jagħmlilna l-qalb għaliex qegħdin niċċelebraw in-nostalġija ta’ Alla li qiegħed ifittex lill-bniedem. Nerġa’ nirreferi għal Wistin ta’ Ippona, li meta stqarr ma’ Ambroġ li qed ifittex il-verità, Ambroġ malajr ippreċiżalu li mhux hu kien qed ifittex il-verità, imma kienet l-istess Vertità li qed tiġri warajh biex taħtfu. Qawwija din il-preċiżazzjoni!

Mela, f’dan il-lejl qaddis tal-Milied mhux aħna ninġabru madwar it-tarbija ta’ Betlem sabiex infittxu dik it-tweġiba għal ħafna domandi li għandna fil-fond ta’ qalbna, li qisha kaldarun ta’ dawk it-tensjonijiet li semmejtilkom fil-bidu; imma l-lejl tal-Milied huwa affermazzjoni min-naħa ta’ Alla li jixtieq jaħtaf lilek u lili biex ikollna l-ħajja.

Naqsmu l-ferħ tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem

Għalhekk nifirħu f’dan il-lejl. Imma ma nifirħux waħidna. Naqsmu dan il-ferħ ma’ ħafna oħrajn, anke ma’ dawk li huma ’l bogħod minn Alla, anke ma’ dawk li bil-miftuħ jgħidu li ma jimpurtahomx minn Alla u qed iħaddnu stil ta’ ħajja li oġġettivament jista’ jikkuntrasta ma’ dak li jrid Alla! Kunu intom il-ħabbara ta’ din il-ġrajja, għaliex b’dan il-mod aħna jista’ jkollna dak il-ferħ veru tal-Milied. B’dan il-mod in-nostalġija tagħna tintemm meta mhux biss aħna nagħrfu l-grazzja ta’ Alla li dehret fostna, imma wkoll meta din il-bxara tajba tasal għand l-oħrajn. Hekk għamlu r-rgħajja ta’ Betlem meta ltaqgħu ma’ Ġesù: marru jħabbru madwarhom dak li kienu raw u semgħu. Taqtgħux qalbkom fit-tfittix tagħkom ta’ Alla. Tagħmlux reżistenza għal Ġesù Kristu li qiegħed ifittixkom. Il-ftuħ tagħkom għal Alla jżarma r-reżistenza tal-oħrajn. Dan huwa l-awgurju sinċier li jiena nagħmel lilkom u lid-djoċesi kollha f’dan il-Milied imqaddes.