GĦAL ORDNI SOĊJALI AĦJAR
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Jum Għawdex
Knisja ta’ San Ġakbu, Rabat, Għawdex – Il-Ħamis 28 ta’ Ottubru 2010

Kristu bagħat lill-appostli biex ixandru l-Bxara t-Tajba li kellha tkun il-bażi ta’ ordni soċjali ġdid – mhux biss ikollna ordni soċjali konfessjonali, imma sistema li sserraħ fuq ordni etiku li jaqbel mad-dinjità tal-persuna.

Is-sehem tal-Knisja fil-progress soċjali tal-poplu

Bit-tkeċċija tal-Franċizi minn Għawdex fl-1798, l-Għawdxin taw bidu għal ordni soċjali ġdid. Il-fatt li dakinhar l-Għawdxin kienu taħt it-tmexxija tal-Arċipriet Saver Cassar mhux dettal bla tifsira. Dan ifisser li dakinhar ir-reliġjon Kattolika ma kienitx meqjusa bhala xkiel għall-progress soċjali tal-gżira.

Mhux hekk illum. Huwa fatt li f’pajjiżna hawn min qed jgħid li r-reliġjon, partikularment il-Knisja Kattolika, hija ta’ dannu għas-soċjetà. Għalhekk, qed nassistu għal tentattivi kontinwi biex jiskreditaw il-Knisja u jillimitaw ir-reliġjon għall-ħajja privata. Hawn min irid li dawk il-Kattoliċi li għandhom karigi pubbliċi, f’ċerti każi għandhom jaġixxu kontra l-kuxjenza tagħhom. Din l-attitudni anti-Kristjana la tirrispetta d-dritt taċ-ċittadini Nsara għal-libertà reliġjuża u lanqas id-dritt tar-reliġjon fl-isfera pubblika.

Erożjoni tal-legalità

Nifhem li ċ-ċelebrazzjoni li qed issir ta’ “Jum Għawdex” tfisser ukoll l-impenn tagħna llum biex ikollna Għawdex isbaħ u aktar b’saħħtu – impenn biex insaħħu l-qafas soċjali tagħna. Imma biex dan iseħħ, inħoss li għandna nistinkaw aktar biex tiġi mħarsa l-leġalità jew dik li tissejjaħ “rule of law”. Għax meta l-liġi tiġi skapriċċjata, id-diżordni soċjali jikber.

L-eżempji li jistgħu jagħtu l-impressjoni li qegħdin nassistu għall-erożjoni tal-legalità huma diversi.

Fil-qasam tal-ambjent, il-proġett Eko-Għawdex joffri miri utli u ambiżzjużi. Imma ċertament neħtieġu aktar edukazzjoni ċivika biex l-ambjent naturali jinżamm nadif. Mhumiex rari kemm dawk li jarmu fit-toroq oġġetti żgħar mit-twieqi tal-karozzi, kif ukoll dawk li jiddampjaw skart fil-kampanja. Dan minkejja li hemm normi u pieni dwar iż-żamma tal-ambjent!

Imbagħad hemm is-serq ta’ propjetà pubblika, bħal ma jista’ jiġri fil-każ ta encroachment jew bini privat fuq art pubblika. Art pubblika ma tfissirx li ma hija ta’ ħadd, imma hija propjetà tal-poplu. Hemm l-obbligu li din l-art tkun amministrata tajjeb bl-istess mod li hija mħarsa l-propjetà privata. Xi drabi anke f’dan il-qasam jista’ jkun hemm rilassament tal-liġijiet maħsuba biex iħarsu dak li jappartjeni lin-nazzjon.

Aktar gravi huma d-delitti kontra l-ħajja, bħal fil-każ tat-traffikar tad-droga. Għalkemm din hija attività kriminali, xorta waħda ssir anke f’postijiet magħrufa. Hawn l-impressjoni li dan l-aħħar f’Għawdex is-suq tad-droga kotor bil-konsegwenza li l-vittmi kotru wkoll. Dan ifisser li r-rule of law qed tiddgħajjef?

Huwa fatt li fostna hawn persuni li jixtiequ u jagħmlu ħilithom biex il-legalità tkun imħarsa, anke jekk mhux dejjem isibu l-koperazzjoni u s-sapport li jkollhom bżonn. Fl-istess waqt huwa fatt ukoll li, għal xi raġuni jew oħra, hemm għaddej proċess ta’ erożjoni tal-legalità!

Fundament etiku għal-liġijiet

Ir-rule of law tiġi osservata jekk iċ-ċittadin ikun konvint li l-liġijiet mhumiex frott tal-arbitrarjetà ta’ min jagħmilhom, imma huma l-applikazzjoni konkreta ta’ prinċipji u valuri li jeżistu qabel l-istess liġi pożittiva. Kif josserva l-filosofu Jurgen Habermas, f’soċjetà post-sekulari bħal tagħna, il-liġijiet fi stat demokratiku jżommu biss jekk ikollhom fundament etiku. Dawn il-prinċipji etiċi li jiffurmaw il-qafas tal-proċess demokratiku ma jiddependux mill-kunsens soċjali imma jeżistu fihom infushom. Huwa għalhekk li r-reliġjon għandha kontribut vitali x’tagħti fid-dibatittu pubbliku!

Għalhekk, jekk verament nixtiequ li llum insaħħu l-pedament biex ikollna Għawdex isbaħ u isħaħ, fost ħwejjeġ oħra hemm bżonn nirsistu biex ikollna ordni soċjali msejjes fuq ordni etiku tajjeb.