ĠARAR VOJTA

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna Ta’ Pinu li saret nhar it-Tlieta, 22 ta’ Jannar 2010. Mons Isqof irrifletta fuq il-ġrajja evanġelika tat-tieġ ta’ Kana.

“Għandu jħassibna l-fatt li madwarna jinħass vojt eżistenzjali: tnaqqir ta’ valuri, nixfa ta’ ideali għolja, defiċit etiku, rifjut spiritwali, nuqqas ta’ viżjoni. Din l-iskarsezza għandha rifless fil-ħajja personali, familjari u soċjali. Effett ta’ dan il-vojt eżistenzjali huma għamliet ta’ evażjoni trasgressivi, il-pessimiżmu, id-dieqa u l-frustrazzjoni.

Aktar ma l-bniedem għandu responsabiltà lejn l-oħrajn, aktar għandu jgħasses fuqu nnifsu biex ma jsibx ruħu f’dan il-baħħ eżistenzjali; altrimenti flok il-ġid jiżra’ d-deni.

Meta tkun imħaddma bis-sens, il-ħidma politika hija arti nobbli ħafna u s-soċjetà għandha tkun rikonoxxenti lejn il-politiċi. Imma xi drabi l-messaġġi u l-eżempji li jagħtu xi politiċi juru faqar ta’ ideali għolja li għandhom iservu ta’ ispirazzjoni għal ġensna. Ċerti proposti ta’ liġijiet rigward il-ħajja umana, iż-żwieġ u l-familja u l-ġustizzja soċjali huma konferma ta’ dan il-vojt!

Il-vojt ta’ valuri jinħass ukoll f’uħud li jħaddmu l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Il-ġurnaliżmu huwa professjoni serja ħafna għax jista’ jifrex l-informazzjoni u jgħin fit-tiswir tal-fehmiet. Imma xi drabi l-midja tintuża biex ixxerred il-qlajjiet, tiżra’ d-diżordni u l-firda, timmanipula l-imħuħ u toqtol il-karattri. Dan kollu jkattar il-vojt eżistenzjali.

Anke fil-Knisja hemm “ġarar votja”. In-Nisrani awtentiku jaf jagħti sehmu għal soċjetà aktar umana; imma dan l-effett ma jidhirx meta n-nies tal-Knisja jkunu mimlija bl-imbarazz minflok bi Kristu u t-tagħlim tiegħu. It-tradizzjonijiet u ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi waħidhom mhumiex garanzija li għandna kontenut evanġeliku u uman.

Bħalma kien l-intervent ta’ Marija li għen biex fit-tieg ta’ Kana intebħu li l-ġarar kienu vojta, illum ukoll id-devozzjoni lejn Marija tgħinna nindunaw bil-vojt li hemm fina u madwarna. Dan il-vojt nistgħu nimlewh jekk noqogħdu għall-istedina ta’ Marija: “Agħmlu dak li jgħidikom Ġesù”. Kristu għandu l-verità li neħtieġu biex il-ħajja battala mis-sens terġa’ tibda tieħu sura.