Sfruttament fuq ix-xogħol
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem
Parroċċa Qala – 1 ta’ Mejju 2010

Sfruttament fuq ix-xogħol

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, nhar is-Sibt 1 ta Mejju 2010, l-Isqof Mario Grech qaddes fil-knisja parrokkjali tal-Qala u fl-omelija għamel dan il-messaġġ:

“Fis-soċjetà tagħna hemm xogħol li jgħin lill-bniedem jgħix ħajja dinjituża, imma hemm ukoll xogħol li jidrob lill-ħaddiem fid-dinjità umana tiegħu.

L-esperjenza turi li l-liġijiet industrijali ma humiex biżżejjed biex il-ħaddiem ma jkunx sfruttat; xi drabi jingħataw ċirkustanzi fejn ċerti prattiċi illegali huma tollerati minkejja li huma ta’ dannu għas-sistema u għall-ħaddiema nfushom.

Għandu jħassibna l-fatt li ċerti ħaddiema jaħdmu mingħajr ktieb tax-xogħol. Dan ikun aktar gravi meta l-persuna tingħata impjieg biss jekk taċċetta li mhix ser tfittex li jkollha l-ktieb tax-xoghol. Din il-prassi hija immorali mhux biss għax hija mod kif tiġi evitata t-taxxa, imma wkoll għax b’dan l-arranġament il-ħaddiem ma jkollu ebda garanzija ta’ siguratà soċjali u ta’ pensjoni. F’każijiet bħal dawn, l-impjieg ikun dejjem mhedded għax il-ħaddiem jistà jsib ruħu skapriċċjat minn min iħaddmu. Meta l-ekonomija tkun dgħajfa, faċli li l-ħaddiem jiġi rikattat b’dan il-metodu.

Għandu jħassibna wkoll ix-xoghol tat-tfal, partikularment fix-xhur tas-sajf! Apparti l-fatt li mhux kull esperjenza ta’ xoghol hija tajba għat-tfal, f’ċerti każi jkollna tfal jaħdmu f’kundizzjonijiet inumani u f’ambjenti mhux adattati għal minorenni. Xi drabi jista’ jingħata l-każ li jkun jaqbel għal min iħaddem li jimpjega t-tfal biex ma jingaġġax adulti għax dawn jiġu jiswewlu aktar!  Xieraq li din il-moħqrija tat-tfal tiġi mrażżna.

Fil-qasam tax-xoghol huwa mifrux sewwa l-isfruttament tal-barranin li jitqabbdu jaħdmu “b’karità”. Ħafna drabi dawn il-barranin, partikularment l-immigranti li ghandhom il-permess joħorġu miċ-ċentri ta’ detenzjoni, ikunu f’sitwazzjoni ta’ bżonn u allura jkollhom jaċċettaw dak kollu li jitqabbdu jagħmlu, anke jekk ma jiriċevux paga ġusta minkejja li jista’ jkollhom jaħdmu għal ħinijiet esaġerati. Din il-forma emerġenti ta’ skjavitù hija tal-mistħija!

Għalhekk xieraq li fil-festa tal-ħaddiem, is-soċjetà tagħna, filwaqt li ma thediex tirrifletti dwar x’miżuri għandhom jittieħdu biex kull esperjenza ta’ xogħol tkun imsejsa fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u l-imħabba, tkun viġilanti biex ir-regoli tal-logħba jiġu rispettati. Hekk ix-xogħol mhux biss ikun mezz biex jitkattar il-ġid, imma wkoll strument biex tkun rispettata d-dinjità umana ta’ kull persuna.