Awguri lill-Papa Benedittu XVI

Pope Bendict XVI

Awguri lill-Papa Benedittu XVI

mario_grech_arm.jpgF’isem il-poplu t’Alla f’Għawdex insejjaħ il-barka t’Alla fuq il-Qdusija Tiegħu l-Papa li llum jiċċelebra għeluq sninu. Il-ħajja dejjem hija motiv biex irroddu ħajr lil Alla, imma partikularment fil-każ tal-Papa li ta ħajtu għal Kristu, għall-Knisja u għall-umanità.

Huwa ta’ sodisfazzjon li f’dawn il-jiem ta’ tħejjija għaż-Żjara tal-Papa stajna naraw l-entużjażmu jikber fid-djocesi t’Ghawdex. Infatti minn Ghawdex ser ikun hemm din il-partecipazzjoni sabiħa: madwar mitt saċerdot ser iqaddes mal-Papa fuq il-Fosos; ’il fuq minn 1000 pellegrin ser ikun preżenti għall-quddiesa, u madwar 800 żgħażagħ se jattendu għall-attività tal-Papa fuq il-Valletta Waterfront.

Nirringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u lill-Gozo Channel li għal din l-okkażjoni qed joffru servizz b’xejn mill-Imġarr sa Sa Masion u lura lill-pellegrini Ghawdxin.

Barra minn din ir-rappreżentanza sabiħa, jiena konvint li l-anzjani u l-morda tagħna ser isieħbu lill-Papa bl-offerta tat-talb u s-sagrifiċċji tagħhom.

Nixtieq infisser l-apprezzament tiegħi għal dawk l-Għawdxin li ilhom ix-xhur jistinkaw biex janimaw iċ-ċelebrazzjonijiet li ser isiru f’Malta: Dorienne Portelli, Richard Grech, u Mro John Galea, u lil Mario Abela tal-logo uffiċċjali li ġie magħżul għal din iż-Żjara.

Nappella lill-Knisja f’Għawdex biex f’dawn il-jiem taż-Żjara ssejjaħ il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu, speċjalment bit-talba tar-Rużarju fil-familji.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum, il-Ġimgħa, 16 ta’ April 2010.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex