Regina Caeli
Fosos tal-Furjana, 18 ta’ April 2010 (Maltese Version)

PDF Version

Ħuti fi Kristu,

Meta intom tirringrazzjaw, meta jkollkom intenzjonijiet partikolari tat-talb, u meta titolbu l-protezzjoni tas-sema għall-maħbubin tagħkom, hija d-drawwa tagħkom li ddur lejn l-Imqadda Verġni Marija, Omm il-Knisja u Omm tagħna. Jien naf bid-devozzjoni partikolari tal-poplu Malti lejn Omm Alla, espressa b’fervur kbir lill-Madonna ta’ Pinu, u għalhekk għandi pjaċir nieħu l-okkażjoni biex nitlob quddiem ix-xbieha tagħha miġjuba hawn apposta minn Għawdex għal din l-okkażjoni. Jien nieħu wkoll pjaċir nippreżenta Warda tad-Deheb lilha, bħala sinjal tal-imħabba finjali li naqsmu lejn Omm Alla.

Nitlobkom b’mod partikolari li titolbuha taħt it-titlu miżjud mal-Litanija ta’ Loreto mill-maħbub predeċessur tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II, li f’aktar minn okkażjoni waħda żar dawn ix-xtut. Waqt li noffrilkom din it-tifkira tanġibbli taż-żjara tiegħi, jien nirringrazzjakom ilkoll għal dak kollu li rċevejt lura minn għandkom, u l-aktar għall-ħeġġa tad-devozzjoni tagħkom u l-appoġġ tat-talb tagħkom għall-ministeru tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru.

Issa nduru fit-talb lil Marija, Omm il-Knisja u Sultana tas-Sema, waqt li nifirħu fil-Qamien ta’ Dak li ġarret f’ġufha.

Regina Cæli, lætare …

Jien ferħan li nsellem lill-pellegrini tal-ilsien Taljan preżenti hawn illum f’din l-okkażjoni feliċi, u l-aktar lil dawk li ġew minn Lampedusa e Linosa! Grazzi li ġejtu biex taqsmu dan ma’ ħutna Maltin. Jalla l-Appostlu Pawlu, li qed infakkru l-anniversarju tal-preżenza tiegħu f’dawn il-gżejjer, ikun għalikom eżempju ta’ fidi soda u kuraġġuża quddiem l-avversità.

Fuqkom ilkoll u fuq il-familjari tagħkom li qegħdin id-dar, bil-qalb kollha nitlob il-Barka tal-Mulej għaż-żmien feliċi u qaddis tal-Għid.