Iċ-Ċensura: prinċipju Ewropew

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti, nhar il-Ħamis 21 ta’ Jannar 2010, l-Isqof Mario Grech qaddes għall-ġurnalisti fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani, Victoria, u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

“F’kuntest soċjali bħal tagħna, fejn tinħass l-urġenza li tinfirex ħidma edukattiva tal-bniedem sħiħ, il-midja għandha sehem importanti għax hija strument li jista’ jagħmel ħafna ġid f’din l-emerġenza edukattiva.

Meta l-ġurnalisti jħaddmu l-midja b’mod responsabbli, għandna nkunu ħafna grati lejhom għax bil-kelma mitkellma jew miktuba effettivament huma jinfluwenzaw ħafna fit-tiswir tal-individwu, tas-soċjetà u tal-kultura. Daqskemm il-midja tista’ tgħin fit-tajjeb, daqshekk ieħor tista’ tagħmel ħsara, speċjalment illum meta aħna m’aħniex edukati biex naqraw jew naraw b’mod kritiku.


Meta fis-soċjetà tagħna għaddej dibattitu dwar iċ-ċensura, nixtieq nagħmel riflessjoni dwar “il-prinċipju ta’ prekawzjoni” – kunċett li l-ewwel iddaħħal fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio wara l-Earth Summit fl-1992, imbagħad kien adottat mill-Unjoni Ewropea l-ewwel fit-Trattat ta’ Maastriċht mbagħad fit-Trattat ta’ Lisbona. Skont il-Kummissjoni Ewropea, a bażi ta’ dan il-prinċipju, meta wieħed jissuspetta li oġġett partikulari jista’ jkollu effetti perikolużi, huwa jista’ jwarrab dak l-oġġett mill-idejn. Fi kliem ieħor, f’isem dan il-prinċipju, l-awtorità tintervjeni biex tirtira mis-soċjetà dawk il-prodotti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ħajja jew għall-ambjent.  Min hu responsabbli mill-ġid komuni għandu l-fakultà li jwarrab dak l-oġġett li jista’ jkun ta’ theddid għall-ħajja.
Fil-kuntest edukattiv lokali allura nistaqsi għaliex dan il-prinċipju ta’ prekawzjoni li jintuża għall-prodotti normali, m’għandniex naplikawh ukoll għall-prodotti tal-midja.  Jekk ġustament illum ahna mħassbin dwar l-ekoloġija: għaliex ma nkunux daqstant ieħor imħassba dwar l-ambjent medjatiku u l-ekoloġija umana? Ladarba huwa xjentifikament ippruvat li l-midja tista’ tkun ta’ dannu għas-saħħa psikoloġika u morali tal-bniedem, għaliex m’hux aċċettabbli li nħaddmu dan il-“prinċipju Ewropew”?
Għal dawk li jitnaffru meta jisimgħu bl-etika u l-Vanġelu, dan il-prinċipju li qed insemmi  m’hux mislut mill-Katekiżmu, imma mil-leġiżlazzjoni Ewropeja. Fid-dawl ta’ din il-miżura prekawtelari, jidher li s-soċjetà tagħna ma tkunx tgħix “fis-snin tad-dlam” jekk illum tagħżel li jkollha awtorità bis-setgħa li tintervjeni biex trażżan dak li fid-dinja medjatika jista’ jkun ta’ dannu għall-proċess edukattiv.

Dan huwa l-messaġġ li nixtieq inwassal lill-istrutturi medjatiċi u lis-soċjetà tagħna fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti: billi huwa urġenti li naġixxu biex nedukaw lill-bniedem b’mod sħiħ biex forsi nsibu l-għerq ta’ ħafna diffikultajiet, filwaqt li nirrikonoxxi s-sehem validu tal-ġurnalisti f’dan il-proċess inkwantu li l-midja hija wieħed mill-edukaturi prinċipali, fl-istess waqt irridu nkunu attenti biex ma jkunx hemm min b’mod irresponsabbli juza l-midja biex ifixkel dan il-proċess formattiv tal-bniedem.