GĦASSIES TA’ RUĦKOM

Nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Jannar, l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ saċerdoti fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb fl-okkażjoni tar- raba’ anniversarju tal-konsagrazzjoni tiegħu bħala isqof ta’ Għawdex. F’din l-okkażjoni l-Isqof għamel din l-omelija:

Iltqajna flimkien għal din l-Ewkaristija biex irroddu ħajr lil Alla li fit-tjubija tiegħu erba’ snin ilu assigura s-suċċessjoni apostolika lil din il-Knisja lokali bil-konsagrazzjoni ta’ isqof ġdid! Magħkom jien ukoll irrid ngħid grazzi lil Alla talli minkejja l-limiti tiegħi afdali t-tmexxija ta’ din id-djoċesi.

Ir-raba’ anniversarju tal-konsagrazzjoni episkopali tiegħi jagħtina l-okkażjoni biex nagħmlu riflessjoni dwar il-ministeru tal-isqof. Naturalment, l-ewwel u qabel kollox jien nagħmel din ir-riflessjoni għalija nnifsi biex inkun nista’ ngħix bil-fedeltà s-sejħa li għamilli Alla; imma importanti wkoll li din ir-riflessjoni nagħmluha flimkien għaliex il- ministeri jingħataw in vista ta’ komunità u jitħaddmu fi ħdan il-komunità; għalhekk, anke l-komunità Nisranija għandha sehem importanti biex kull ministeru, inkluż il-ministeru ta’ isqof, jagħti l-frott.

Il-ministeru ta’ isqof

L-ewwel qari li smajna llejla huwa meħud minn ittra miktuba minn San Pietru – is-silta fejn Kristu talab lil Pietru biex jirgħa l-merħla tiegħu (1Pt 2,19-25). Wieħed dritt jinnota li ċ-ċentru tad-diskors ta’ Pietru huwa Kristu: “Kristu ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu” (v.21). Dan ifakkarna fis-sejħa tagħna l-Insara, partikularment tiegħi li rrid inkun xhud għalikom, biex fil-ħajja tagħna nagħmlu ħilitna ħalli kull jum nikbru fix-xebh tagħna mal-Mulej. Fil-ħajja nistgħu nagħmlu ħafna proġetti, imma kollox jiswielna suf jekk ħidmitna ma twassalx biex nagħrfu lil Kristu u nitħeġġu biex inkunu nixbhuh. Dan mhux biss huwa d-dmir individwali ta’ kull Nisrani, imma huwa d-dmir ewlieni ta’ kull saċerdot, inkluż l-isqof. Il-missjoni li afdatli l-Knisja f’isem Alla hija proprju li ngħin lilkom tikbru fix-xebh tagħkom ma’ Kristu, u hekk kull wieħed u waħda minna jkun jirrifletti l-ġmiel ta’ Kristu, l-isbaħ fost ulied il-bnedmin. Din il-ħidma l-isqof iwettaqha flimkien mal-kollaboraturi tiegħu li huma s-saċerdoti, partikularment il-kappillani, ir-reliġjużi u l-operaturi pastorali lajċi.

Ragħaj u Għassies ta’ ruħna

Lil dan Kristu li aħna rridu nimitaw, San Pietru jsejjaħlu “ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħna”. It-test bil-Grieg juża l-kelma “episcopos” għall-kelma “għassies”; għalhekk lil Kristu, Pietru jsejjaħlu “isqof”. Dan jindika li l-isqof huwa l-għassies jew il-kustodju tal-merħla. Ma jfissirx li l-isqof huwa dak li jagħmel għassa biex jaħkem fuq l-oħrajn u bħall-għassies tal-ħabs ijassar lill-oħrajn! Imma l-għassies li jitkellem minnu Pietru huwa dak li jħares lejn il-ġewwieni jew il-ħajja interjuri tal-bniedem; huwa dak li jħares lejn il-bniedem bl-għajnejn ta’ Alla. Din il-ħarsa lejn il-bniedem mill-perspettiva t’Alla tgħin lil kull Nisrani kif ukoll lil kull bniedem (għax kull bniedem huwa maħluq xbieha t’Alla u maħbub minn Alla) biex ma jitlifx l-essenza u l-identità umana tiegħu – ma jitlifx il-ħila tiegħu biex jikseb il-verità u l-imħabba. Din il-ħarsa kollha mħabba hija meħtieġa biex il-bniedem ma jħassarx dik ix-xbieha t’Alla li hemm stampata fil-persuna tiegħu. Din hija l-missjoni li l-Mulej sejjaħli għaliha. Nirrikonoxxi l-limiti tiegħi biex inkun nista’ nwettaqha fil-milja tagħha, imma fl-istess ħin għandi fiduċja fil-grazzja ta’ Kristu u fl-għajnuna tagħkom.

Ir-ruħ tal-bniedem

San Pietru jgħid li Kristu huwa “l-isqof ta’ ruħna”. Sfortunatament il-kelma “ruħ” m’għadhiex tagħmel parti mill-lingwaġġ popolari, forsi hija nieqsa wkoll fil-vokabularju ta’ min għandu jitkellem dwar il-ħajja tar-ruħ. Illum jeżisti biża’ li jekk nitkellmu dwar ir-ruħ naqsmu l-bniedem bejn dak li huwa spirtu u l-fiżiku, bejn ruħ u ġisem! Imma dan huwa nuqqas serju fil-lingwaġġ, fil-ħsieb u fl-apostolat tagħna jekk aħna ma ngħassux u ma nagħtux importanza lil dak li għandu x’jaqsam mar-ruħ tal-bniedem. Infatti, fl-istess ittra San Pietru jssejjaħ in-nuqqas ta’ għarfien ta’ Alla u n-nuqqas ta’ ubbidjenza għall-verità tiegħu bħala injoranza tar-ruħ (ara 1 Pt. 1,14). Fejn id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem hija traskurata u m’hix imdawla minn Alla, ikun hemm mard serju.

Hemm min b’mod żbaljat isostni li jekk nitkellmu dwar ir-ruħ inkunu ninsew u nittraskuraw dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja materjali u soċjali! Dan m’hux minnu: għax kif ilkoll nafu imma mhux ilkoll nammettu, il-mard soċjali li għandna ġej għax il-bniedem fl-individwalità tiegħu huwa spiritwalment marid. Jekk aħna tant imħeġġin biex insibu rimedju għal tant sfidi u problemi soċjali li għandna, daqstant ieħor irridu nkunu anzjużi biex nindirizzaw din id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem. Meta l-ħajja tar-ruħ tkun b’saħħitha, jekk il-ħajja interjuri tkun ikkurata, dan ikollu rifless pożittiv fil-ħajja soċjali tagħna.

Għalhekk meta nisimgħu lil Pietru jitkellem mill-“isqof (għassies) ta’ ruħna”, għandna nitħeġġu biex ma naqtgħux qalbna quddiem is-sekulariżmu u l-lajċiżmu: kurrenti bħal dawn jippruvaw jidfnu din id-dimensjoni spiritwali. Biex nistgħu nagħtu sehemna ħalli l-bniedem ma jkunx spiritwalment dgħajjef, għandna l-ewwel stedina li jagħmel Pietru: li nixxennqu biex nikbru fl-intimità ta’ Kristu, u l-Kelma t’Alla li saret bniedem tkun il-kelma li ssawwarna spiritwalment u umanament; nixxennqu biex il-grazzja li Kristu kisbilna bil-mewt u l-qawmien tiegħu tkun il-mediċina li żżomm il-mard ’il bogħod minna.

Il-kura tal-merħla: it-talb, it-tagħlim, it-tmexxija

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-isqof-għassies fuq il-merħla huwa dak li jħares lejn il-merħla fil-prospettiva t’Alla. Nafu li Alla jħares lejn il-bniedem b’ħarsa kollha mħabba. Fuq ir-raġel għani li staqsa x’kellu jagħmel biex ikollu l-ħajja ta’ dejjem, Ġesù tefa’ ħarsa ta’ mħabba (Mk. 10,21). Din hija l-għassa li għamel Kristu u li hemm bżonn jagħmel l-isqof flimkien mas-saċerdoti. Dan il-qadi fl-imħabba nistgħu nwettquh f’diversi modi.

L-ewwel nett billi nkunu ta’ qadi għall-bniedem fil-ħajja tat-talb tagħna. Aħna ngħassu fuq il-merħla jekk ninterċedu għaliha quddiem Alla. It-talb liturġiku kif ukoll personali huwa aspett essenzjali tal-minisiteru tagħna s-saċerdoti. Ikun gwaj kbir jekk aħna s-saċerdoti fil-ħajja tagħna nittraskuraw dan il-ministeru tat-talb. Anke jekk ma narawx il-frott immedjat u ma jkollniex is-sodisfazzjon pastorali li umanament nistennew, ma għandniex nehdew u ngħejjew nitolbu għall-qdusija tal-poplu. Fit-talb tagħna għall-oħrajn aħna nkunu nqassru d-distanza li hemm tifred il-bniedem minn Alla. Għalhekk inħeġġiġkom biex titolbu għalija u għal dawn ħuti s-saċerdoti biex qabel ma nkunu nies tal-attività nkunu ministri mogħtija għall-ħajja tat-talb.

Imbagħad hemm il-qadi tat-tagħlim mdawwal mill-Kelma t’Alla li waslitilna lbieraħ fil-Knisja u dawlet il-bniedem fid-dinja, u hija l-istess Kelma li qed taslilna bl-istess mod illum biex iddawwal il-ħajja tal-bniedem kontemporanju. Din hija parti oħra sustanzjali mill-ministeru tal-għassa – ministeru ta’ qadi li aħna s-saċerdoti msejħin biex noffru lill-poplu t’Alla u lid-dinja. Ma għandna qatt inħallu l-għejja taħkimna f’dan is-servizz ta’ tagħlim. Id-dmir tagħna huwa li ngħallmu dak li huwa speċifiku tagħna: dik l-arti, ix-xjenza, għerf li huma proprji tal-ministeru saċerdotali tagħna. Dan it-tagħlim jissejjaħ evanġelizzazzjoni u katekeżi. Hawnhekk ukoll nappella lill-poplu t’Alla biex jitlob għalija u għal ħuti s-saċerdoti biex l-ewwel u qabel kollox aħna stess niddisponu rwieħna biex niġu evanġelizzati, biex aġna stess nagħmlu l-wisa’ f’qalbna biex il-Kelma tgħammar fina; imbagħad aħna nkunu nistgħu nagħmlu din l-għassa magħkom billi nwasslulkom il-Kelma t’Alla għall-ħajja ta’ llum.

Imbagħad hemm il-qadi tad-deċiżjoni – forsi dan huwa qadi speċifikament marbut mal-ministeru tal-isqof. Alla jsejjaħ lil xi wħud fi ħdan il-komunità ekkleżjali biex jaqdu fit-tmexxija, u t-tmexxija ġġib magħha ċerti deċiżjonijiet. Kull ġemgħa teħtieġ lil xi ħadd li fl-aħħar irid jerfa’ l-piż tad-deċiżjonijiet, u fil-Knisja lokali dan il-piż iġorru l-isqof. Dan m’hux qadi faċli u jitlob dixxerniment kontinwu biex min għandu jagħmel l-għażla jew deċiżjoni jfittex jagħmel ir-rieda t’Alla, kemm fil-każ li deċiżjoni tkun tirrigwarda lill-individwu kif ukoll meta tkun deċiżjoni li tolqot lill-Knisja kollha kemm hi. Filwaqt li nirrikonoxxi li kontinwament irrid insejjaħ l-Ispirtu s-Santu biex jgħinni f’dan it-tip ta’ għassa, filwaqt li nagħraf li rrid nibqa’ nitgħallem kif naqdi din id-dimensjoni ta’ qadi lill-poplu t’Alla, inħeġġiġkom titolbu għalija u għall-kollaboraturi tiegħi ħalli xħin niġi biex inwettaq dan il-qadi tad-deċiżjoni li jagħfas fuq spallejja, dan nagħmlu b’kuxjenza quddiem Alla għall-ġid tal-poplu t’Alla.

Dawn kienu ftit riflessjonijiet li f’din il-ġurnata tal-anniversarju tal-konsagrazzjoni tiegħi għamilt għalija nnifsi u f’din l-Ewkaristija qed naqsam magħkom. Jien fiduċjuż li kif illum inġbarna madwar l-altar biex inroddu ħajr lil Alla għad-don li ta lill-Knisja tagħna u ma ħallihiex iltima wara snin ta’ qadi kollu dedikazzjoni, imħabba u tbatija li ta ħija fl-episkopat, hawn preżenti, l-Isqof Emeritus Nikol Cauchi, anke jien bl-għajnuna tagħkom inkompli naqdikom bħala “ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom”.