Sintesi tal-omelija li għamel l-Isqof Mario Grech waqt il-quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex fil-festa ta’ Santa Marija (15 ta’ Awwissu 2009)

“Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem tagħtina dawl dwar kemm għandu valur dak kollu li huwa uman.

Minkejja li għandna diversi li jitilgħu fuq il-kattedra u jitkellmu f’isem l-umaniżmu, qed niftaqru umanament. Infatti ħafna mir-relazzjonijiet ta’ bejnietna mhumiex sinċieri imma mibnija fuq interessi personali. Qed jiżdiedu t-tfal orfni għax jitwieldu barra miż-żwieġ jew għax il-ġenituri tagħhom infirdu. Id-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol issir kemm ma dawk ta’ ġilda bajda u iktar ma’ dawk ta’ ġilda skura. Peress li kollox jitmexxa skont kif tiddetta l-liġi tal-profitt, ħafna valuri umani jiġu ssagrifikati!

Umaniżmu li jeskludi lil Alla, huwa umaniżmu diżuman. Huwa biss umaniżmu miftuħ għall-Assolut li jista’ jgħinna nġibu ’l quddiem u nibnu forom ta’ ħajja soċjali u ċivili, - bħalma huma l-istrutturi, l-istituzzjonijiet, il-kultura u l-ethos, - li ma jittradixxux lill-bniedem. Għalhekk f’dawn iċ-ċirkustanzi neħtieġu dak li Jacques Maritain sejjaħlu “umaniżmu integrali” jew “umaniżmu Kristjan”. Mhux għaliex il-fidi Nisranija ser iżżid xi ħaġa ma’ dak li huwa naturalment uman; imma bil-kelma u bl-għajnuna ta’ Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, il-bniedem jagħraf aħjar lilu nnifsu u jagħraf jirrispetta d-dinjità umana tiegħu.

Żwieg u familja aktar umani

Nara li hemm bżonn aktar rispett lejn id-dinjità taż-żwieġ u l-familja bħala istituzzjonijiet umani. Ċerti proposti li qed isiru dwar iż-żwieġ ma jirrispettawx in-natura umana taż-żwieġ u l-familja. Kull familja suppost hija skola ta’ valuri umani; imma bl-istil ta’ ħajja mgħaġġla li qed tgħix illum il-familja qed tissagrifika din il-funzjoni li mhix delegabbli. Il-vjolenza domestika hija imġiba diżumana li tkisser il-persuni. Anke jekk ma nisimgħux spiss dwarha, in-numru tal-vittmi tal-vjolenza domestika mhux żgħir – ħafna drabi dawn jibqgħu jbatu fis-skiet biex isalvaw iż-żwieġ u l-familja.

Id-dinjità tal-ħaddiema

Rispett lejn id-dinjità tal-persuna jfisser ukoll l-għarfien tad-dritt naturali għax-xogħol li għandu kull bniedem. Hija tal-mistħija li llum l-ġurnata hawn min isostni sistema inumana ta’ klijenteliżmu fejn wieħed jittallab biex xi ħadd jaqbeż għalih biex jikseb ix-xogħol. Għalkemm saru avvanzi dwar id-drittijiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll ta’ min iħaddem, għad fadal ħafna x’isir biex il-ħaddiem jaħdem b’kundizzjonijiet umani. Għandu joħloq tħassib serju x-xogħol tal-minuri, speċjalment f’dawn ix-xhur tas-sajf.

Id-dinjità tal-marid

Is-sistema tas-saħħa hija waħda delikata għax tinteressa lill-bniedem meta jkun milqut mill-mard. Nibża’ li meta l-bniedem ikun fraġli minħabba l-mard, ikun hemm min jabbuża minnu. Fis-soċjetà tagħna l-Istat jipprovdi servizzi ta’ saħħa u fostna hemm min jabbuża minn dan is-servizz. Dan huwa ħażin għax jaħdem kontra l-istess sistema. Però naħseb li tajjeb nistħarġgu jekk is-sistema hijiex qed taqdi lill-marid fil-mument li jkollu bżonn l-għajnuna. Għax x’jiswa li pazjent jitniżżel f’lista u jkollu jistenna ġimgħat u xhur biex jinqeda? F’każijiet bħal dawn, l-istess sistema twassal lill-pazjent biex ifittex alternattivi oħra. X’jiġri minn min ma għandux mezzi? Nixtieq li fil-kamp tas-saħħa jkollna sistema li verament ikollha ethos favur il-ħajja; altrimenti sistema sanitarja li fil-prinċipju ma tiddefendix il-ħajja, tkun sistema diżumana.

Missjoni tal-lajċi Nsara

Billi l-Knisja għandha l-missjoni li tiġġenera era ta’ umaniżmu ġdid, bil-Bxara t-Tajba ta’ Kristu f’idejha hija ddawwal l-intelliġenza tal-bniedem u tidderiġi l-kuxjenzi tal-bnedmin biex kull bniedem ikun aktar bniedem. Nagħmel sejħa lill-membri kollha tal-Knisja, partikularment lil-lajci li għandhom xi uffiċċju fis-soċjetà, bħal fil-każ tal-politiċi u dawk impenjati fl-edukazzjoni, u lill-ġenituri biex jissieħbu mal-Knisja f’ħidma biex b’intelliġenza mdawla u b’kuxjenza ffurmata nibnu sojċetà aktar umana. Amen.”