Bħall-poplu Lhudi, il-poplu tagħna jgħix f’ċerta stennija biex jara jitwettqu ċerti ħwejjeg li ħaddieħor iwebbillu qalbu u moħħu bihom. Il-poplu tagħna, bħall-poplu Lhudi, jemmen u jistenna li min għamillu ċerti wegħdiet xi darba jwettaqhom!
Wegħdiet materjali
Kien hemm wegħdiet ta’ ħajja soċjali aħjar li saru lill-poplu Lhudi minn min kellu l-poter pubbliku, kemm dak lokali, bħalma kellu Erodi, u kemm dak barrani, bħalma kienu r-Rumani. Imma baqgħu wegħdiet fiergħa. Dan id-diskors nistgħu napplikawh għal żminijietna!
Wegħdiet ta’ natura reliġjuża
Imbagħad il-Lhud kellhom ukoll wegħdiet ta’ natura reliġjuża. L-aqwa fosthom kienet il-wegħda li Alla jibgħatilhom il-Messija. Il-poplu Lhudi kien jgħix fl-istennija li jara din il-wegħda titwettaq. Dawn il-wegħdiet sarulu sa minn żmien il-Patrijarki; u l-istorja tad-diversi pattijiet li kien hemm bejn Alla u l-poplu tiegħu hija storja ta’ wegħdiet li kien jagħmel Alla.
San Pawl jgħid li “tagħhom (tal-Lhud) huma l-wegħdiet” (Rum 9:4). Pawlu jkompli jfisser li “Kristu sar qaddej tal-Lhud ċirkonċiżi minħabba l-fedeltà ta’ Alla biex seħħew il-wegħdiet li għamel lill-Patrijarki” (Rum 15:8). Fl-Atti tal-Appostli nsibu “li min-nisel ta’ David, Alla skond il-wegħda tiegħu ġab lil Israel is-Salvatur li hu Ġesù” (13:23).
Fis-sinagoga ta’ Nazaret Ġesù qara silta mill-profeta Isaija (dik is-silta li qrajna llum fil-liturġija) fejn jerġa’ jfakkar lill-poplu fil-wegħdiet li Alla għamel lill-poplu tiegħu: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin …”. Fl-istess silta, il-profeta jkompli li “Alla għad jerġa’ jibni mill-ġdid il-ħerbiet tal-qedem, għad itellgħu t-tiġrif tal-imgħoddi u jġedded il-bliet imġarrfa u meqruda … Nagħmel patt magħkom għal dejjem” (61:4,8).
Fi kliem ieħor, permezz ta’ Isaija Alla jwiegħed il-ħelsien sħiħ lil dak il-ġens li kien qiegħed jitlef mhux biss l-awtokuxjenza tiegħu imma wkoll il-fidi tiegħu.
Dak li wiegħed Alla twettaq fi Kristu
Wara li jaqra din is-silta, Ġesù jistqarr li din wegħda li għamel Alla seħħet illum fih: “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu” (Lq 4:21). Hekk Ġesù irid jikkomunikalhom li dak li Alla kien wiegħed issa twettaq fil-persuna tiegħu. Ġesù huwa dak li ġie biex iġib fil-milja il-wegħdiet ta’ Alla. Kristu ġie biex iwassal lill-poplu għall-ħelsien integrali: ħelsien minn kull madmad fiżiku, soċjali u spiritwali – il-ħelsien tal-persuna sħiħa!
Proċess kontinwu
Għalkemm Ġesù inawgura dan il-proċess ta’ realizZazzjoni tal-wegħdiet ta’ Alla, dan huwa proċess kontinwu li għadu għaddej. Kristu ried li qabel jgħaddi għal għand il-Missier iwaqqaf is-saċerdozju Kattoliku biex f’isem Kristu u bil-grazzja ta’ Kristu, is-saċerdot ikompli jaħdem biex jara li dak li Alla offra lill-bniedem jasal fil-konkret tal-ħajja. Illum ukoll jeħtieġ li nibnu l-ħerbiet li qed isiru; illum ukoll jeħtieġ li ntellgħu t-tiġrif li qed nassistu għalih; illum ukoll jeħtieġ li nibnu l-belt imġarrfa. Illum ukoll jeħtieġ li ngħinu lil dan il-poplu tagħna li qed jirriskja bil-kbir li jitlef l-identità tiegħu, l-awtokuxjenza tiegħu u l-fidi tiegħu.
Is-saċerdot jikkonkretizza l-wegħda ta’ Alla
Din mhijiex vokazzjoni ħafifa, u nifhem kemm is-saċerdoti tagħna jkollhom mumenti tqal biex iwettqu din il-missjoni. Bħala saċerdoti aħna mhux biss nittamaw fil-grazzja ta’ Alla imma wkoll nagħmlu wegħda solenni lil Alla dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali li rridu ningħataw għal din il-ħidma. Ta kull sena aħna nġeddu din il-wegħda waqt il-liturġija ta’ dalgħodu.
Il-wegħdiet li għamilna fl-ordinazzjoni saċerdotali huma erbgħa:
i) inwegħdu li nwettqu d-dmirijiet saċerdotali tagħna għal ħajjitna kollha u li ngħixu s-saċerdozju tagħna f’rabta mas-suċċessjoni apostolika;
ii) inwegħdu li nipprietkaw il-Vanġelu u li nfissru l-fidi Kattolika;
iii) inwegħdu li niċċelebraw il-misteri ta’ Kristu, speċjalment l-Ewkaristija u s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni;
iv) inwegħdu li ħajjitna tkun talba għall-proxxmu tagħna.
Inħoss li l-formulazzjoni tal-wegħda fil-liturġija tal-lum li ser nagħmlu minn hawn u ftit mumenti oħra hija aktar qawwija, għax tgħid hekk: “Aħna nwegħdu li nintrabtu aktar mal-Mulej Ġesù u nsiru nixbħuh iżjed billi niċħdu lilna nfusna. Aħna nwegħdu li nkunu amministraturi fidili tal-misteri ta’ Alla u tal-Ewkaristija u fl-azzjonijiet liturġiċi l-oħra. Aħna nwegħdu li bil-fedeltà kollha, fid-dawl ta’ Kristu ras u ragħaj, naqdu d-dmir qaddis li ngħallmu, imqanqlin mhux mir-regħba tal-ġid tal-art imma biss mill-ħeġġa għall-erwieħ.”
Dan il-kliem fih ħafna x’wieħed jixtarr għax fihom ġabra tal-ministeru saċerdotali.
Rifless soċjali
Dawn huma l-għanijiet spiritwali b’rifless fis-soċjal li aħna s-saċerdoti rridu nilħqu. Biex inwettquhom, għandna l-mezzi spiritwali, jiġifieri il-predikazzjoni u t-tqaddis permezz tas-sagramenti. Permezz ta’ din il-missjoni aħna s-saċerdoti mbagħad niffurmaw u nħeġġu lil ħutna l-lajċi, li huwa d-dmir tagħhom li jkunu preżenti fis-soċjetà u biex b’impenn politiku jaraw kif jistgħu jqiegħdu fil-prattika l-fidwa sħiħa li kisbilna Kristu.
Lura għall-oriġini tas-saċerdozju
It-tiġdid tal-wegħdi saċerdotali huwa stedina biex aħna nerġgħu lura għall-oriġini tas-saċerdozju tagħna – dak l-oriġini li ħafna drabi naħslu ninsew jew nittraskuraw mhux biss minħabba l-ħafna taħbit tagħna ta’ kuljum iżda wkoll minħabba l-influss negattiv tal-kultura ta’ żmienna. Li nirritornaw għall-oriġini jfisser li għal darb’oħra nfittxu “nitilqu minn Kristu” bħala l-għajn ta’ kollox: Kristu huwa dak li għażilna primarjament mhux biex naħdmu imma biex nibqgħu miegħu. Dak li jgħodd fil-ħajja saċerdotali mhuwiex tant dak li nagħmlu, imma proprju l-ħajja spiritwali tagħna bbażata fuq relazzjoni personali u stabbli mal-imgħallem Ġesù.
Spazji meħtieġa
Għalhekk, għeżież ħuti fis-saċerdozju, hemm ċerti spazji fil-ħajja saċerdotali tagħna li huma indispensabbli: it-talb ta’ kuljum, partikularment iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija tas-sigħat, u l-Ewkaristija ċċelebrata bl-akbar devozzjoni.
Qed ngħixu f’kultura u f’epoka fejn il-kelma li jagħti l-bniedem mhijiex kelma; fejn ħafna wegħdiet li jagħmel il-bniedem faċli jirriżolvu ruħhom f’wegħdiet fiergħa. Għalhekk il-bniedem illum m’għadux jemmen li jista’ jieħu impenn għal ħajtu kollha – tilef il-fiduċja fil-ħila tiegħu li kapaċi jagħmel wegħda u jżommha! F’dan il-kuntest, huwa importanti li nħossu r-responsabiltà li ngħixu b’fedeltà l-wegħdiet saċerdotali tagħna u nippruvaw ngħixuhom anke jekk jistgħu jiswewlna prezz! Dan nagħmluh biex l-ewwel u qabel kollox inkomplu nuru li l-wegħda li Alla għamel lill-bniedem twettqet fi Kristu Ġesù. Meta nkunu xhieda li Alla jżomm kelmtu, dan għandu jimla lill-bniedem b’qawwa u fiduċja biex anke hu jżomm kelmtu u jonora l-wegħdiet li huwa jagħmel.