“NILBSU QALZIET TWIL”
Diskors Mons. Isqof Mario Grech
Knisja Ragħaj it-Tajjeb, Rabat - 28 ta’ Frar 2009

Eżortazzjoni tal-Isqof Mario Grech lis-saċerdoti miġbura għal nofs ta’ nhar ta’ spiritwalità fil-bidu tar-Randan
Knisja Ragħaj it-Tajjeb, Rabat – Is-Sibt, 28 ta’ Frar 2009

F’laqgħa li saret ftit jiem ilu bejn il-Papa Benedittu XVI u l-kappillani tad-djoċesi ta Ruma, wieħed mill-kappillani jirrakkonta li darba ltaqa’ ma’ parruċċana tiegħu u għamlitlu osservazzjoni li inkwetatu: “Meta ser tilbes il-qalziet twil?”. Din mhix xi espressjoni Romaneska, imma tirrifletti sentiment komuni għalina wkoll. Niftakar li meta konna tfal, normalment konna nilbsu “qalziet qasir”, u meta xi ħadd minna t-tfal kien ixidd “qalziet twil” dan kien sinjal li wieħed ikun kiber – ikun għadda mit-tfulija għall-irġulija.

Mil-laboratorju akkademiku għal-laboratorju tal-ħajja

Għalhekk il-mistoqsija li din il-mara għamlet lil wieħed mill-kappillani ta’ Ruma tiftiehem: aktar milli kienet qed tikrittikah għax l-imġieba tiegħu kienet puwerili, b’din ir-rimarka riedet tgħidlu biex jibda jħares lejn id-dinja, il-bniedem u Alla b’għajnejn ta’ wieħed kbir, għaliex dawn ir-realtajiet (id-dinja, il-bniedem, Alla) huma wisq aktar profondi u sorprendenti minn dawk il-“kunċetti” li huma elaborati fil-laboratorju tat-teoloġija, li mbagħad jiġu mgħallma lill-“istudent” bl-amment u dan jirrepetihom!  B’din id-domanda din il-mara ppruvat tgħid lil dan is-saċerdot li flimkien mal-formazzjoni teoloġika akkademika kellu bżonn jikseb ukoll għarfien tar-realtà u jidħol f’relazzjoni mal-istess realtà, għax fiha jeżistu sinjali tal-preżenza ta’ Alla.

Għalkemm f’dik li hija formazzjoni teoloġika l-kleru tagħna għandu sinsla tajba, ikkunsidrat il-livell għoli ta’ tagħlim li joffri s-Seminarju tagħna, livell rikonoxxut mill-Università Pontifiċja ta’ San Tumas (Angelicum) li magħha huwa affiljat, jibqa’ dejjem il-fatt li quddiem il-kultura ta’ żminijietna, partikularment il-kurrenti ta’ ħsieb li jeżistu, xi drabi ma jirnexxilniex nagħmlu l-analisi u r-riflessjoni dwarhom, u nibqgħu lebsin il- “qalziet qasir”.

Huwa fatt, però, li fl-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi, aħna s-saċerdoti ma nistgħux naħdmu b’”formuli” kbar li rċivejna mit-“tradizzjoni”: kunċetti sbieħ u veri imma li ma humiex “kontestwalizzati” f’illum. Kunċetti bħalma huma transustantazzjoni, sagrifiċċju ta’ espjazzjoni, redenzjoni, dnub oriġinali llum ma jiftehmux. Għalhekk huwa dmir tagħna li nittraduċu l-Kelma t’Alla, il-kelma tal-Knisja u l-kelma tat-teoloġi f’lingwaġġ li jiftiehem fil-kultura ta’ żmienna. Daqskemm irridu nkunu nafu min hu Alla, daqshekk ieħor meħtieġ li nkunu nafu min hu l-bniedem.

L-esperjenza personali ta’ Alla

Però, flimkien ma’ dawn it-tliet “kelmiet” hemm element ieħor meħtieġ f’dan il-proċess ta’ adattament: hija l-esperjenza personali tagħna ta’ Alla.  Anzi, huwa fil-kuntest ta’ din l-intimità ma’ Alla li s-saċerdot jikseb id-dawl biex, filwaqt li jelabora l-Kelma t’Alla, tal-Maġisteru u tat-teoloġi, huwa jittrażmetti din il-verità lill-bniedem fiċ-ċirkustanzi li qed jgħix fihom. Biex inwettqu l-missjoni tagħna li nipproponu dak li hemm fil-qalb t’Alla għall-bniedem, l-ewwel irridu ngġarrbu aħna stess dak li hemm fil-qalb tiegħu għalina!

Issa l-Iskrittura, id-dokumenti tal-Maġisteru, il-kotba tat-teoloġija huwa riżorsa oġġettiva li kull saċerdot jgħożż fil-librerija personali tiegħu. Dan l-aħħar mort insellem lill-familjari ta’ wiehed mis-saċerdoti li ħallewna, u meta daħħluni fl-istudju tiegħu osservajt kemm kellu kotba ta’ teoloġija u spiritwalità. Inħeġġiġkom biex iżżommu ħajja fikom l-imħabba għall-qari, u tixxaħħux meta jkollkom l-opportunità li tixtru kotba tat-teoloġija u tal-pastorali!

Imma jekk din l-għajn ta’ tagħlim tista’ b’xi mod tiġi kwantifikata oġġettivament minn kemm wieħed ikollu din ix-xorta ta’ pubblikazzjonijiet, l-esperjenza tagħna t’Alla hija xi ħaġa soġġettiva li ma  titkejjilx b’kejl oġġettiv. Il-ħajja spiritwali ta’ kull saċerdot tiddependi kollha kemm hi mill-isforz ġenwin li wieħed jagħmel biex b’ħajja ta’ talb u eżerċizzi spiritwali jfittex li jkun fil-preżenza t’Alla. Dawn il-mumenti ta’ spiritwalità li d-djoċesi kull tant żmien torganizza għalina s-saċerdoti huma maħsuba biex ikollna stimolu f’din id-direzzjoni.

Evanġelizzazzjoni ġdida

Minn dik il-laqgħa tal-Papa mal-kappillani li semmejt aktar ’il fuq, laqatni wkoll il-fatt li l-Knisja f’Ruma tħoss l-urġenza tal-“ewwel tħabbira” u hija mxennqa biex jikber iż-żelu pastorali għall-evanġelizzazzjoni ġdida u biex l-komunità ekkleżjali tassumi mentalità missjunarja. Dan kollu nista’ napplikah għall-Knisja f’pajjiżna, partikularment għad-djoċesi tagħna, iktar u iktar meta bħalissa qegħdin fit-tielet fażi tal-Missjoni Djoċesana.  Forsi tista’ tidher stonatura li f’pajjiżna nitkellmu mill-bżonn ta’ “l-ewwel tħabbira” – imma r-realtà din hi. Anke jekk għandna ħafna li jgħidu li huma reliġjużi, nibża’ li dawn jistgħu jiftaħru li jappartjenu għal kultura reliġjuża imma mhux li qed jgħixu l-fidi! Ħafna fis-soċjetà tagħna semgħu bi Kristu, imma għadhom ma għamlux l-esperjenza ta’ laqgħa personali miegħu!

Għalhekk, filwaqt li napprezza l-impenn pastorali li kull saċerdot juri, anke jekk min ħafna u min inqas, imma żgur li dejjem għandna nitħeġġu għal aktar żelu pastorali, u biex kemm aħna kif ukoll l-istess komunitajiet tagħna nsaħħu l-attittudni missjunarja li tiftħilna orizzonti ġodda b’destinatarji ġodda.  Ma nistgħux niċħdu l-fatt li fostna u magħna għandna persuni, realtajiet u skejjel tal-ħsieb li joffrulna fruntieri pastorali ġodda.

Metodi pastorali ġodda

Biex jintlaħqu dawn l-għajnijiet, huwa l-mument li nibdlu l-pastorali ordinarja tagħna. Huwa l-waqt li nirriflettu ftit jekk għadux iż-żmien li nibqgħu nipproponu “reliġjon tal-massa” u nkunu sodisfatti jekk biss nieħdu ħsieb dawk li għadhom jipperseveraw fil-fidi!  Inħoss li hemm bżonn li ninteressaw ruħna b’mod deċiż u organikament f’dawk il-ħafna nagħaġ li ntilfu jew huma diżorjentati.

F’dan ix-xenarju wieħed jistaqsi liema huma l-metodi u r-riċetti għal din il-pastorali ġdida! Huwa biss min għandu jdejh fuq il-polz tas-soċjetà u jaf x’inhi s-sitwazzjoni tar-realtà li jista’ jsib u jħaddem dak il-metodu li permezz tiegħu jasal biex imiss il-qlub ta’ dawk li mbagħad jagħżlu li jimxu wara Kristu fil-Knisja! Dak japplika għal kull min għandu uffiċċju – mhux qed nirreferi għal dawk li għandhom uffiċċju kanoniku bħal fil-każ tal-kappillan, rettur jew vigarju parrokkjali; imma kull saċerdot għandu uffiċċju pastorali in virtù tal-vokazzjoni u l-ordinazzjoni presbiterali tiegħu!

Dawn il-metodi pastorali jridu jinkludu almenu żewġ elementi: il-Kelma t’Alla u x-xhieda.  Bil-qawwa tal-Kelma nistgħu niftħu dawk li l-Papa Benedittu jsejħilhom “luoghi di esperienza della fede” għal dawk li sinċerament qegħdin ifittxu lil Alla.  Hekk għamlet il-Knisja antika permezz tal-katekumenat, li ma kienx sempliċi katekeżi li twassal duttrina, imma kien “luogo di progressiva esperienza della vita nella fede”. F’ambjenti bħal dawn, il-Kelma tiftaħ u ssir kelma li tiftiehem għax tkun imfissra permezz tal-ħajja li jgħixu dawk li jiltaqgħu biex jaqsmuha flimkien. Hemm ir-riskju li l-komunitajiet parrokkjali tagħna aktar iħaddmu pastorali ta’ konservazzjoni milli qegħdin jinbnew f’ambjenti li joffru ospitalità mnebbħa mill-fidi! Naturalment, hemm inqas impenn biex komunità tindokra l-esperjenza tal-bieraħ, milli timpenja ruħha biex tkun dak li l-Papa Benedittu jsejjaħ “vestibolo e spazio di avvicinamento”fil-mixja tal-fidi.

Minn qalbi nawgura li dan iż-żmien sabiħ tar-Randan jgħin lill-operaturi pastorali kollha, partikularment lilna s-saċerdoti, biex ikollna l-kuraġġ nidħlu f’dan il-proċess ta’ konverżjoni pastorali u “nilbsu qalziet twil”.