Fi tmiem il-Missjoni Djoċesana (it-tieni fażi)
Poeżija tal-Kav Joe M Attard

logo-missjoni-djocesana.jpg

Għawdex tagħna daq il-benna
Tal-Missjoni Djoċesana
Illi fiha dlonk taw sehemhom
Għadd t’Għawdxin kollha ħerqana.

Għal ġimgħat sħaħ ta’ thejjija
Kollha ltaqgħu dawn flimkien,
Fil-parroċċa jew f’Ta’ Pinu
Biex jitolbu bla dewmien

Biex l-ispirtu lkoll isuqhom
ħalli jagħmlu ftit tal-ġid,
U ‘l-aħbar it-tajba’ jwasslu
B’rieda soda tal-ħadid.

Għalkemm snienu Jannar wera
B’jiem xitwin u mxarrba sewwa
Mat-triqat xorta lkoll morna
Bil-kuraġġ u bl-akbar ħlewwa.

Kulħadd lilna l-bieb fetaħ
U laqagħna bi tbissima;
Flimkien tlabna u tkellimna
U urewna ħafna stima.

Jalla l-ġid kollu li ħareġ
Minn daż-żjajjar li għamilna
Lill-familja jkompli jseddaq
W il-Mulej lilna jberikna.

Mill-qalb ‘grazzi’ Eċċellenza
Ta’ daċ-ċans illi ħloqtilna;
Inwiegħduk li aħna lesti
Jekk stedina oħra tagħmlilna!
Kav Joe M Attard