IL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ FIL-KOMUNITÀ
Seminar dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
Sala tal-Ministeru għal Għawdex – Il-Ġimgħa, 5 ta’ Diċembru 2008
F’Seminar li sar nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Diċembru 2008 fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex, organizzat mill-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Mons Mario Grech, Isqof t’Għawdex wassal dan il-messaġġ:
“Anke jekk is-soċjetà għad trid tagħmel aktar passi ’l quddiem biex tagħraf u timplimenta d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, wasal iż-żmien li naħdmu aktar biex ikollna xibka ta’ relazzjonijiet fejn il-persuni kollha, il-persuni b’diżabilità inklużi, iħossuhom membri tal-istess komunità.
Id-diskors dwar id-drittijiet huwa sabiħ u meħtieġ, imma jibqa’ dejjem ir-riskju li persuna b’diżabilità għalkemm tikseb id-drittijiet tagħha tibqa’ maqtugħa mill-bqija tas-soċjetà. Inkunu verament ngħinu lill-persuna diżabbli meta din tkun aċċettata mingħajr ebda riserva. Dan l-ambjent akkoljenti huwa possibbli jekk bejnietna jkun hemm l-imħabba. Filwaqt li ħidma ta’ benefiċenza okkażjonali hija dejjem azzjoni iżolata li diffiċli toħloq mentalità, il-Karità, fis-sens ta caritas/imħabba, toħloq rabtiet relazzjonali li jibqgħu.
L-inklużjoni tal-persuni diżabbli fil-ħajja tal-komunità tista’ ssir fid-dawl ta’ tliet prinċipji li, fil-fehma tiegħi, janimaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li daħlet fis-seħħ f’Mejju li għadda:
(a) Il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu integrati mal-bqija tal-komunità. Ma jagħmilx sens l-atteġġjament ta’ min jipprova jifred, iqiegħed fil-ġenb jew jaqta’ lill-persuni b’diżabilità mill-bqija tas-soċjetà. Il-persuni diżabbli huma individwi li għandhom il-post tagħhom fis-soċjetà, liema post ma jista’ jimlih ħadd ħliefhom, għax kull persuna anke jekk diżabbli hija unika. Huwa żbaljat min jaħseb li b’xi mod qed jittollera lil persuna diżabbli tkun attiva fil-ħajja ordinarja! F’dan ir-rigward jagħmel sens id-diskors li jagħmel San Pawl dwar il-ġisem uman meta jgħid li r-ras ma tistax tgħid li ma għandhiex bżonn tar-riġel, anke jekk huma żewġ membri tal-ġisem li għandhom funzjoni u kapaċità differenti.
(b) Dan il-proċess ta’ integrazzjoni bl-ebda mod ma għandu jfixkel in-normalità tar-ritmu tal-ħajja tas-soċjetà. Kemm jista’ jkun, il-preżenza u l-kontribut tal-persuna b’diżabilità ma għandhomx jiġu nnotati għas-sempliċi fatt li hemm preżenti persuni differenti mill-oħrajn! Għax aktar ma jkun hemm attenzjoni ffukata fuq il-persuna diżabbli, din il-persuna aktar titqiegħed fiċ-ċentru. Meta jsir dan, l-istess “ċentralizzazzjoni” tal-persuna jwassal biex il-persuna tintgħażel mill-bqija u indirettament tiġi sekluża. Kull individwu, u allura anke l-persuna b’diżabilità, huwa irrepettibbli kemm f’dak li għandu x’jaqsam mad-doti tiegħu, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-limiti tiegħu; għalhekk, kull persuna tiġi apprezzata għal dak li huwa speċifiku tagħha, li jagħmilha differenti u mhux aħjar jew agħar minn ħaddieħor.
(c) Kull inizjattiva favur il-persuni b’diżabilità għandha tkun immirata biex iġġib ’il quddiem il-ġid u l-iżvilupp sħiħ tal-persuna fid-dimensjonijiet kollha tagħha – fiżiċi, morali, spiritwali u soċjali. Għalhekk, is-servizzi offruti lil dawn il-persuni għandhom ikunu personalizzati, fis-sens li jkunu indirizzati lil persuna partikulari skond l-ħtiġijiet tagħha. F’dan ir-rigward, jiswa ħafna li tingħata attenzjoni għall-ambjent u l-familja tal-persuna b’diżabilità.
Kull persuna b’diżabilità għandha l-kariżma proprja tagħha. Hija din il-kariżma li jeħtieġ li tkun magħrufa u vvalorizzata. Sfortunatament, kif għedna fl-aħħar Ittra Pastorali tal-Avvent, “id-dinjità tal-bniedem, sikwit f’isem il-progress u l-libertà, hi imkasbra bl-addoċċ f’kultura fejn kollox jitkejjel mill-effiċjenza u l-utilità”. Dan iseħħ ukoll fir-rigward ta’ kif wieħed jista’ jħares lejn il-persuna b’diżabilità! Il-persuna diżabbli tiswa ferm aktar minn kemm tista’ tipproduċi. Apparti li tkun inġustizzja jekk nippretendu minnha aktar minn dak li hija tista’ toffri, l-aqwa sehem li l-persuna b’diżabilità tista’ tagħti huwa li f’soċjetà fejn hi tkun maħbuba u mixtieqa fis-soċjetà, hija tkun kumplimentari għall-bqija.