L-GĦERF UMAN GĦAS-SERVIZZ TAD-DINJITÀ TAL-BNIEDEM
Omelija ta’ Mons. Isqof Grech
Quddiesa fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni ta’ studenti tal-Università
Kon-Katidral ta’ San Ġwann - 21 ta’ Novembru 2008

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt quddiesa pontifikali fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, li saret illum il-Ġimgħa, 21 ta’ Novembru 2008, fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni ta’ għadd ta’ studenti tal-Università ta’ Malta.

Id-dinjità tal-persuna umana

“Id-diskors tal-Muntanja” (Mt 5) ma għandu qatt jitqies bħala alibi għall-inġustizzji li jagħmel il-bniedem! Il-fatt li Ġesù jgħid li l-foqra u dawk li huma bil-għatx u l-ġuħ tal-ġustizzja huma henjin, bl-ebda mod ma jfisser li Ġesù b’xi mod qed jiġġustifika jew jittollera dawk is-sitwazzjonijiet inumani – realtajiet li jeżistu għax hemm min huwa tant egoista li mhux biss ma jimpurtahx mill-weġgħat ta’ ħutu, imma wkoll qed jikkawża din il-weġgħa!

Id-dinjità tal-persuna umana

“Id-diskors tal-Muntanja” (Mt 5) ma għandu qatt jitqies bħala alibi għall-inġustizzji li jagħmel il-bniedem! Il-fatt li Ġesù jgħid li l-foqra u dawk li huma bil-għatx u l-ġuħ tal-ġustizzja huma henjin, bl-ebda mod ma jfisser li Ġesù b’xi mod qed jiġġustifika jew jittollera dawk is-sitwazzjonijiet inumani – realtajiet li jeżistu għax hemm min huwa tant egoista li mhux biss ma jimpurtahx mill-weġgħat ta’ ħutu, imma wkoll qed jikkawża din il-weġgħa!

Anzi, id-“diskors tal-barkiet” indirettament jikxef x’inhu l-għerq tal-inġustizzji: li għalina normalment huwa hieni min jimpala l-ġid, min għandu aktar milli jesgħa ġildu, min jaħkem fuq l-oħrajn! Jekk il-kriterju tagħna ta’ x’inhu l-hena huwa dan, allura huwa evidenti li l-inġustizzji ser jiżdiedu u ser joktor il-faqar.

Meta l-bniedem mhux trattat bħala bniedem, meta l-viżjoni tagħna tal-bniedem tirriduċi ruħha għal waħda materjalista u utilitarista, allura żgur li tnibbet u żżerra’ l-inġustizzja. Kif nistgħu nosservaw fis-suq, il-mudell tal-ekonomija li ħaddimna qed iċedi bil-mod il-mod. Konsegwenza ta’ dan, kuljum qed ifaqqsu forom ġodda ta’ faqar. Dan il-mudell sfaxxa għaliex l-attività finanzjarja ħadet is-sopravvent fuq l-ekonomija reali: il-finanza saret ideoloġija li ppruvat u rnexxielha titfi kull riflessjoni oħra, partikularment dwar min hu l-bniedem. Infatti, kif osserva xi ħadd dan l-aħħar, “il-kriżi mwergħa li għaddejjin minnha mhix biss kriżi ekonomika u finanzjarja, imma hija wkoll kriżi antropoloġika għax il-bniedem tilef il-kuxjenza ta’ hu min hu”, tant li x-xogħol sar l-uniku skop għal ħafna, il-qliegħ għan fih innifsu, u irridu naqtgħu l-frott fl-iqsar żmien possibbli. (Bernard Scholz, Compagnia delle Opere, Milano, 18 Nov 2008)

Biex toħroġ minn din is-sitwazzjoni ta’ qtiegħ il-qalb, is-soċjetà trid tibda tirrispetta l-primat tal-persuna umana. Huwa biss meta l-bniedem jibda jiġi vvalutat bħala bniedem li mbagħad nibdew ħerġin minn din il-kriżi. Proprju għax il-bniedem jaħdem, ix-xogħol tiegħu għandu tifsira profondament umana li ma tistax tiġi żvalutata jew skapriċċjata.

L-għerf bħala servizz lejn il-bniedem batut

Matul s-snin dejjem kien hemm nisġa qawwija bejn l-impenn intellettwali u dik l-attenzjoni speċjali għal faqar qadim u ġdid. L-istorja tal-università tagħna tixhed li kienu ħafna dawk li xorbu mill-għajn tal-għerf biex imbagħad setgħu jaqdu ġenerożament lill-fqir u liż-żgħir. Irrid nittama li dan huwa wkoll wiehed mill-ideali tagħkom, li llum qed troddu ħajr lil Alla talli temmejtu l-korsijiet tagħkom u issa tibdew tfittxu fejn tistgħu toffru l-kontribut professjonali tagħkom. Il-foqra qegħdin magħna. Peress li mhux dejjem isibu min ġenwinament isostnihom mill-kamp politiku, intom, bħala ċittadini, kulħadd esperti fil-kamp tiegħu jew tagħha, tistgħu tkunu t-tama tagħhom li b’xi mod tgħinuhom jgħixu ħajja umanament dinjituża. Għandna familji li qed ifittxu min jgħinhom biex jegħlbu d-diffikultajiet relazzjonali u finanzjarji; għandna ħaddiema li jixtiequ serħan il-moħħ dwar ix-xogħol li għandhom; għandna tfal u adolexxenti li qed jaffrontaw sfidi ġodda fis-sistema edukattiva; għandna ħafna aspettattivi biex fil-qasam tas-saħħa jkun assigurat ir-rispett lejn il-ħajja; għandna anzjani li jibżgħu li fl-aħħar fażi ta’ ħajjithom mhux ser ikollhom min joffrilhom kenn. Dawn biex insemmi ftit eżempji.

San Bernard jikteb: “Hemm dawk li jridu jkunu jafu biex ikunu jafu, u din hija kurżità; hemm oħrajn li jridu jitgħallmu biex ħaddieħor ikun jaf li huma jafu, u din hija vanità;  oħrajn li jistudjaw biex imbagħad ibiegħu l-għerf tagħhom għall-flus u l-unuri, u dan huwa tal-mistħija; hemm min għandu għatx għat-tagħlim biex jifforma lilu nnifsu, u din hija azzjoni prudenti; u hemm dawk li jistudjaw biex jagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u din hija għażla karitattiva”. Huma kliem miktuba ħafna snin ilu, imma attwalissimi.  Nitlob lill-Mulej biex iseddaq fikom din il-motivazzjoni li semmejt fl-aħħar.

Alla jsalva l-bniedem permezz tal-bniedem

Fil-Vanġelu li tħabbrilna, Ġesù jifraħ ma’ dawk li huma żvantaġġjati għax għandhom vantaġġ kbir: Alla huwa magħhom. Min qed ibati xi forma ta’ inġustizzja għandu raġuni biex ikun hieni, mhux għaliex is-sitwazzjoni li jkun jinsab fiha hija xi ħaġa pożittiva fiha nnifisha, imma huwa hieni għax Alla huwa fuq in-naħa tiegħu. Din l-għażla t’Alla favur il-fqir u l-batut issib it-twettieq tagħha fl-għażla li jagħmel in-Nisrani favur il-bniedem fqir u batut. Dik l-“iva” li Alla fedelment itenni lill-bniedem nieqes mill-imħabba, issib ir-rifless tagħha fl- “iva” li n-Nisrani kuljum jgħid għall-Kelma t’Alla, bit-tama li bil-qawwa ta’ din il-Kelma huwa ser jirbaħ il-ħażen f’kull forma tiegħu f’dinja fejn it-tajjeb u l-veru, u allura Alla, qed dejjem jitwarrab. Għalhekk il-bżonn li l-bniedem jagħti ħin lil Alla, li jfittex spazju biex joqgħod fil-preżenza t’Alla! L-ewwel atteġġjament li għandu jfittex li jikseb il-bniedem huwa dak li jkun jaf jieqaf fis-skiet jisma lil Alla.

Il-kontribut tat-teoloġija għad-dinjità tal-bniedem

Fil-preżenza t’Alla l-bniedem jasal biex jagħraf li barra milli għandu jwessa’ l-ispazji interjuri tiegħu, huwa għandu jiżviluppa wkoll l-ispazji tar-razzjonalità tiegħu. Ma teżistix forma waħda ta’ razzjonalità, dik magħrufa bħala espistemoloġija xjentifika. Skond dan il-metodu, huwa validu biss dak li jirriżulta minn tiftix sperimentali. Kieku dan huwa l-uniku metodu validu, kieku ma jagħmilx sens li nitkellmu dwar x’jagħmel ħaġa moralment tajba jew ħażina; dwar x’inhu s-sens aħħari tal-bniedem u tal-univers. Min jgħid li huwa razzjonali dak biss li huwa verifikabbli materjalment, ikun qed jirrestrinġi l-istess razzjonalità. Proprju għalhekk huwa importanti li l-fidi jkollha l-ispazju tagħha fil-kultura ta’ żmienna biex nerġgħu niftħu r-raġuni għat-temi fundamentali, bħalma huma x’inhu l-veru u t-tajjeb.  Id-djalogu bejn it-teoloġija, il-filosofija u x-xjenzi huwa possibbli, għax filwaqt li kull dixxiplina għandha l-metodu tagħha, fl-istess waqt bejniethom hemm rabta intrinsika. Jekk fl-istudji tagħna nerġgħu nirkupraw din is-sintesi, inkunu aktar żguri li qed inħaddnu kunċett korrett ta’ persuna – kunċett li joffri paradigma validu għas-servizz li noffru lis-soċjetà.

Fl-Ewwel qari, San Ġakbu jgħidilna li jekk hemmx xi ħadd għaref u għaqli fostna, ħa juri bl-imġieba tiegħu għemilu (Ġak 3,13). Ningħaqad mal-Appostlu u nawguralkom li l-għerf li ksibtu fis-snin li għaddetju l-Università – għerf li żgur għad tridu tikkonfermaw u tkattru bil-formazzjoni kontinwata – , għerf li jgħinkom tiskopru min hu Alla u min hu l-bniedem, jiswielkom biex tagħmlu d-dinja aktar umana milli sibtuha.