Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni taż-żjara ta’ Dr Joseph Muscat, Kap tal-Partit Laburista

Dalgħodu, il-Ħadd 16 ta’ Novembru 2008, Dr Joseph Muscat, Kap tal-Partit Laburista, għamel żjara ta’ korestija lill-Isqof Mario Grech, fil-Kurja, ir-Rabat Għawdex. L-Isqof Grech għamel dan id-diskors.

Għażiż Dr Muscat,

Il-paċi miegħek!

Napprezza ħafna din iż-żjara tiegħek fil-bidu tal-missjoni tiegħek bħala Kap tal-Partit Laburista. Fil-persuna rispettabli tiegħek, nilmaħ mhux biss il-mexxej politiku ta’ parti sostanzjali tal-Poplu Malti u Għawdxi, imma wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna – dik l-istituzzjoni fejn jinħmew u jiġu definiti l-liġijiet ċivili; u għaldaqstant membru distint ta’ dik l-istituzzjoni li għandha qawwa li tagħti direzzjoni lil ġensna.

Din iż-żjara tiegħek żgur li tqanqal riflessjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Knisja u l-Istat. Dwar ir-rapport bejn l-isfera politika u dik reliġjuża, l-Imgħallem tagħna, il-Mulej Ġesù tana prinċipju importanti li jgħinna nsibu tweġiba: “Agħtu lil Ċesari dak li huwa ta’ Ċesari, u lil Alla dak li huwa ta’ Alla” (Mk 12,17). Huwa importanti ħafna li tkun ċara din id-distinzjoni bejn il-politika u r-reliġjon biex jirnexxilna nħarsu u nippromovu kemm il-libertà reliġjuża taċ-ċittadini – individwalment u kollettivament – u r-responsabilità tal-Istat lejhom; kif ukoll biex ikun hemm għarfien ċar tar-rwol insostitwibbli tar-reliġjon fil-formazzjoni tal-kuxjenzi u s-sehem li r-reliġjon tista’ tagħti flimkien ma’ aġenti soċjali oħra biex fis-soċjetà jinħoloq consensus etico di fondo.

Ilkoll nagħrfu u napprezzaw il-kisbiet li saru fejn tidħol il-libertà taċ-ċittadin. Imma fil-kultura Ewropea moderna jeżisti r-riskju li biex jgħożż il-libertà, iċ-ċittadin jasal biex jissagrifika l-verità u l-ġustizzja. Il-libertà teħtieġ fundament li jgħinha tespandi mingħajr però ma jitqiegħdu fil-periklu d-dinjità tal-persuna u l-koeżjoni soċjali. Dan il-fundament ma jistax ma jkunx wieħed traxxendentali. Huwa t-twemmin f’Alla, l-Assolut traxxendentali, il-garanzija li ma nkunux vittmi ta’ assoluti temporanji foloz. Fejn Alla huwa meqjus bħala xi ħaġa sekondarja jew huwa eskluż għax naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajru, dak kollu li aħna nqisu li huwa importanti jikkrolla. L-esperjenza tixhdilna dan. Ma nistgħux nibnu l-belt tagħna mingħajr Alla.

Il-libertà reliġjuża mhix libertà mir-reliġjon! Min jgħid xorta oħra mhux biss ikun qed jiċħad eżiġenza naturali ta’ kull bniedem, f’kull żmien u f’kull post, imma jkun ukoll jiċħad din id-dimensjoni traxxendentali tal-bniedem. Min jaħseb li l-bniedem u dak kollu li jmiss mal-bniedem għandu jkun miftum mir-reliġjon, għandu kunċett riduttiv tal-libertà, għax b’libertà allura qed jifhem biss ħelsien minn obbligi esterni u mhux bħala possibilità biex wieħed isib u jilqa’ dak li huwa veru u tajjeb.

Illum f’isem il-pluraliżmu etiku hemm min jimbotta ’l quddiem id-dissoluzzjoni tar-raġuni u ta’ dawk il-prinċipji morali naturali; hemm min jafferma li l-pluraliżmu etiku huwa kundizzjoni neċessarja għad-demokrazija. Skond dan il-ħsieb, iċ-ċittadini jistgħu jinsistu li għandhom awtonomija morali sħiħa fl-għażliet li jagħmlu. F’dan il-kuntest hija tentazzjoni għal-leġislaturi li biex jirrispettaw il-libertà tal-għażla taċ-ċittadini, jagħmlu liġijiet li jipprexxindu mill-prinċipji tal-etika naturali imma jkunu jaqblu ma’ dawk il-kurrenti kulturali u morali transitorji daqslikieku kull viżjoni jew proposta tal-ħajja għandhom l-istess valur.

Il-libertà politika ma tistax tkun imsejsa fuq l-kunċett relattivista li l-fehmiet espressi mill-bnedmin għandhom l-istess użin fil-miżien tal-verità u tal-valuri. Imma l-attivita politika hija dik l-arti li permezz tagħha gradwalment tagħraf u timplimenta l-ġid veru uman u soċjali f’kuntest storiku determinat.

Mhux kompitu tal-Knisja li tagħti soluzzjonijiet konkreti u tekniċi, inqas u inqas tweġibiet uniċi! Imma huwa dmir tal-Knisja li taqdi lill-bniedem u lis-soċjetà billi, filwaqt li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu, tieħu sehem fi djalogu biex ma’ xulxin nistabilixxu dan il-consensus etico di fondo.